Dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi
Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) hi l-kapaċità tal-mikroorganiżmi li jgħixu jew jikbru minkejja l-aġent antimikrobiku li normalment irażżan jew joqtol dak il-mikroorganiżmu. L-AMR hi responsabbli għal aktar minn 35,000 mewta kull sena fl-UE/fiż-ŻEE. L-AMR twassal ukoll għal spejjeż sinifikanti, inklużi fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa.
Fl-2019, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) bħala waħda mill-għaxar theddidiet globali ewlenin għas-saħħa pubblika li qed tiffaċċja l-umanità. F'Lulju 2022, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, identifikaw l-AMR bħala waħda mit-tliet theddidiet prijoritarji għas-saħħa.
B’mod ġenerali, l-aħħar data turi xejriet li qed jiżdiedu b’mod sinifikanti fin-numru ta’ infezzjonijiet u mwiet attribwibbli għal kważi l-batterji kollha reżistenti għall-antibijotiċi, speċjalment f’ambjenti tal-kura tas-saħħa.
- Madwar 70% tal-każijiet ta’ infezzjonijiet b’batterji reżistenti għall-antibijotiċi kienu infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.
- Żieda kontinwa fir-reżistenza tista’ tirriżulta f’madwar 10 miljun mewta globalment kull sena, tnaqqis ta’ 2% sa 3,5% fil-prodott domestiku gross globali.
- Sal-2050, l-ekonomija dinjija tista’ tiffaċċja spiża sa USD 100 triljun.
Aktar informazzjoni:
Tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE:
• Fit-13 ta' Ġunju 2023, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi f'approċċ ta' Saħħa Waħda.
Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi.
Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi f’approċċ “Saħħa Waħda”, akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, bħala parti mill-pakkett farmaċewtiku.
Din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill testendi u tikkomplementa l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” tal-2017 kontra l-AMR fit-tliet dimensjonijiet kollha tal-ispettru “Saħħa Waħda” sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u jinkiseb rispons b’saħħtu u effettiv kontra l-AMR fl-UE kollha.
L-objettivi ta’ din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huma li:
- jissaħħu l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali “Saħħa Waħda” dwar l-AMR
- jissaħħu s-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-AMR u tal-konsum tal-antimikrobiċi
- jissaħħu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet
- jissaħħu l-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi
- jiġu rrakkomandati miri għall-AMR u għall-konsum tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem
- jittejbu l-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ
- jitrawmu r-riċerka u l-iżvilupp, u inċentivi għall-innovazzjoni u l-aċċess għall-antimikrobiċi u kontromiżuri mediċi oħra tal-AMR
- tiżdied il-kooperazzjoni
- jissaħħu l-azzjonijiet globali
Il-kontribut għall-proposta nġabar mill-konsultazzjoni, mill-istudji u mir-rapporti li ġejjin:
- sejħa għal evidenza dwar “Rakkomandazzjoni għal azzjoni akbar dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi”, li damet mill-24 ta’ Frar 2022 sal-24 ta’ Marzu 2022, b’161 feedback kwalitattiv u 28 dokument rilevanti
- studju dwar analiżi tal-validità fil-futur tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-AMR (i) biex jiġu identifikati l-isfidi u l-opportunitajiet attwali u futuri għall-ġlieda kontra l-AMR u jiġu identifikati oqsma għall-azzjoni tal-UE u (ii) biex titwettaq valutazzjoni preliminari tal-eżitu ta’ xi wħud mill-attivitajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-AMR tal-2017
- żewġ studji biex jappoġġjaw is-servizzi tal-Kummissjoni (i) dwar il-fattibbiltà tal-AMR fuq il-kumulazzjoni ta’ riżerva medika u (ii) dwar l-introduzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi tal-AMR fis-suq
- l-opinjoni dwar “Il-ġestjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fis-sistema tas-saħħa” mill-grupp ta’ esperti indipendenti dwar modi effettivi ta’ investiment fis-saħħa
- ir-rapport ta’ ħarsa ġenerali dwar il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali “Saħħa Waħda” tal-Istati Membri kontra l-AMR
- ir-riżultati tal-Ewrobarometru tal-2022 dwar l-AMR
- ir-rapport tas-sottogrupp skont in-Network tal-UE “Saħħa Waħda” dwar l-AMR
Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” kontra l-AMR tal-2017
F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” kontra l-AMR, kif mitlub mill-pajjiżi tal-UE fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016.
L-objettivi ewlenin ta’ dan il-pjan il-ġdid huma mibnija fuq tliet pilastri ewlenin:
- Nagħmlu l-UE reġjun tal-aħjar prattika
- Insaħħu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni
- Insawru l-aġenda globali
Il-pjan jiddeskrivi aktar minn 70 azzjoni li jkopru s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, li l-progress tagħhom jiġi mmonitorjat regolarment.
Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida tal-UE dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem. Il-linji gwida għandhom l-għan li jnaqqsu l-użu mhux xieraq u jippromwovu l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fin-nies. Huma mmirati lejn l-atturi kollha responsabbli għall-użu tal-antimikrobiċi jew li għandhom rwol f’dan. Dawn jikkomplementaw il-Linji Gwida tal-UE dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-annimali.
Bejn l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-AMR tal-2017 u l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi f’approċċ “Saħħa Waħda”, xi inizjattivi ewlenin ikkontribwew għal aktar tisħiħ tar-rispons tal-UE għall-AMR.
Dawn jinkludu:
- l-Approċċ Strateġiku għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent
- l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt
- il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero
- ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji
- ir-Regolament (UE) 2019/4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar għalf medikat
- id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1729 u
- l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa
Kemm il-programm L-UE għas-Saħħa kif ukoll il-programm Orizzont Ewropa jipprovdu finanzjament fil-qasam tal-AMR.
Pjan ta’ azzjoni (2011-2016) preċedenti tal-Kummissjoni
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 kontra t-theddid li qed jiżdied mill-AMR kien fih 12-il azzjoni għall-implimentazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u identifika 7 oqsma fejn il-miżuri kienu l-aktar meħtieġa:
- attenzjoni biex l-antimikrobiċi jintużaw sew kemm għan-nies u kemm għall-annimali
- prevenzjoni tal-infezzjonijiet mikrobiċi u l-firxa tagħhom
- żvilupp ta’ antimikrobiċi effettivi ġodda jew alternattivi għall-kura
- kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali biex jonqsu r-riskji mill-AMR
- titjib tal-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-mediċina għan-nies u għall-annimali
- promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni
- titjib tal-komunikazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.
L-evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ppubblikata f’Ottubru 2016 mill-Kummissjoni u l-kontributi li waslu matul il-konsultazzjoni pubblika wrew li dan kellu valur miżjud ċar li jaġixxi bħala simbolu ta’ impenn politiku, li jistimula diversi azzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri, u serva biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Pjan ta’ Azzjoni pprovda wkoll qafas biex jiggwida u jikkoordina attivitajiet dwar l-AMR fil-livell internazzjonali fil-qasam tal-monitoraġġ u s-sorveljanza u dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp. Din l-iskeda informattiva tiġbor fil-qosor il-punti ewlenin ta’ din l-evalwazzjoni.
Barra minn hekk, hu disponibbli rapport estern dwar l-Evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-KE kontra t-theddid li qed jiżdied mir-reżistenza antimikrobika (u l-appendiċi).
Qabel din l-evalwazzjoni, fi Frar 2015 ġie ppubblikat rapport ta’ progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-AMR (2011-2016) li wera s-sitwazzjoni attwali tal-passi meħudin biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.
Il-Kummissjoni kkumpilat ukoll ħarsa ġenerali dettaljata tat-12-il Azzjoni koperti mill-Pjan ta' Azzjoni fi Pjan Direzzjonali (aġġornat f’Novembru 2016), inklużi l-għanijiet operazzjonali, l-attivitajiet konkreti u l-iskadenzi.
Network tal-UE Saħħa Waħda dwar l-AMR
In-Network Saħħa Waħda dwar l-AMR, ippresedut mill-Kummissjoni Ewropea, jinkludi esperti tal-gvern mis-settur tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, l-aġenziji xjentifiċi rilevanti tal-UE, il-partijiet ikkonċernati u l-esperti tal-Kummissjoni. Il-missjoni tiegħu hi li jsaħħaħ il-koordinazzjoni u d-djalogu bejn is-setturi tas-saħħa tal-bniedem, veterinarji u ambjentali fl-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, f’politiki għall-ġlieda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi. Dan in-Network normalment jiltaqa’ darbtejn fis-sena.
Inżidu l-għarfien
Biex jiżdied l-għarfien dwar l-AMR, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) waqqaf il-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi (EAAD) li għandu l-għan li jipprovdi pjattaforma u appoġġ għall-kampanji nazzjonali dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi. Matul is-snin, il-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi - li jitfakkar kull sena f’Novembru flimkien mal-Ġimgħa Dinjija għall-Għarfien dwar l-Antimikrobiċi organizzata mid-WHO - żviluppa fi pjattaforma ta’ firxa globali, bi sħubija ma’ ħafna pajjiżi barra mill-UE kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti, f’konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda” tal-Kummissjoni għall-AMR.