Id-demm, it-tessuti, iċ-ċelloli u l-organi jintużaw f’varjetà ta’ terapiji mediċi. It-trattamenti bbażati fuq dawn is-sustanzi ta’ oriġini umana (SoHO) isalvaw il-ħajjiet (eż. trasfużjoni tad-demm f’każ ta’ trawma), itejbu l-kwalità tal-ħajja (eż. trapjanti tal-kliewi), u saħansitra jgħinu biex tinħoloq il-ħajja (gameti u fertilizzazzjoni in vitro).
Minkejja l-benefiċċji tagħhom, l-użu tal-SoHO jippreżenta riskji, b’mod partikolari t-trażmissjoni ta’ mard. Il-Kummissjoni Ewropea tgħin biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji permezz tal-mandat tagħha li jistabbilixxi standards għoljin ta’ kwalità u sikurezza tal-SoHO, f’konformità mal-Art. 168(4)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.
Għal dan l-għan, hi twettaq firxa ta’ attivitajiet, inklużi
- l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni u l-iżvilupp ta’ gwida
- l-assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali bl-implimentazzjoni tiegħu
- l-attivitajiet ta’ viġilanza u ta’ appoġġ għall-proġetti
L-għan ġenerali hu l-protezzjoni taċ-ċittadini.
Azzjoni dwar it-tifqigħa tal-COVID-19
Il-pandemija tal-COVID-19 irrappreżentat sfida għas-saħħa pubblika. Biex ikun hemm rispons aħjar u kkoordinat għat-tifqigħa:
- il-Kummissjoni Ewropea appoġġjat lis-servizzi tad-demm biex jiżdied il-ġbir tal-plażma ta’ konvalexxenti tal-COVID-19
- l-ECDC ippubblika aġġornament tal-gwida dwar il-COVID-19 u sustanzi ta’ orġini umana
- Id-DĠ Sante ppubblika gwida dwar il-ġbir u t-trasfużjoni tal-plażma ta’ konvalexxenti tal-COVID-19
- il-Kummissjoni Ewropea kkjarifikat li sustanzi ta' Oriġini Umana (SoHO) huma kkunsidrati bħala oġġetti/servizzi essenzjali li għalihom hi kruċjali ċ-ċirkolazzjoni libera fl-UE
Organizzazzjoni tas-settur
Filwaqt li d-donaturi u r-riċevituri kliniċi eventwali jvarjaw għad-demm, it-tessuti, iċ-ċelloli u l-organi, japplika fluss tal-proċess simili għall-biċċa l-kbira tal-SoHO. Il-fluss jibda b’donazzjoni u jintemm b’applikazzjoni klinika, u jinkludi l-ġbir, l-ipproċessar, u d-distribuzzjoni tal-SoHO; kif ukoll l-ittestjar tad-donatur u ta’ spiss ukoll il-ħażna (b’mod partikolari għad-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli). Dawn il-passi jsiru f'ċentri mediċi speċjalizzati.

Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli
Wara evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-demm u t-tessuti u ċ-ċelloli, ippubblikata fl-2019, il-Kummissjoni qed tippjana li tipproponi reviżjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fit-tieni trimestru tal-2022.
Kooperazzjoni
Il-Kummissjoni Ewropea tikkollabora mill-qrib ma’ korpi ta’ esperti bħall-Kunsill tal-Ewropa (KtE) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fl-iżvilupp ta’ linji gwida prattiċi li jappoġġjaw liċ-ċentri tad-demm bl-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas leġiżlattiv vinkolanti.
Finanzjament għall-azzjoni
Minbarra l-ħidma regolari mill-awtorità kompetenti, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi finanzjament għal azzjonijiet fil-qasam tal-SoHO.
Madankollu, minħabba li l-kura tas-saħħa hi kompetenza nazzjonali, id-deċiżjonijiet dwar prattiki awtorizzati għall-SoHO jittieħdu fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni ma tintervenix f’dawn id-deċiżjonijiet, li jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Madankollu, ladarba l-prattiki huma permessi u awtorizzati mill-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jkunu organizzati f’konformità mar-rekwiżiti legali tal-UE dwar is-sikurezza u l-kwalità. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu madankollu jagħżlu li jżidu rekwiżiti lokali, aktar stretti dwar is-sikurezza u l-kwalità, pereżempju test tal-laboratorju addizzjonali bi tweġiba għal tixrid epidemjoloġiku lokali ta’ marda infettiva ħafna.
Linji gwida
Il-Kunsill tal-Ewropa regolarment jirrevedi u jaġġorna r-rekwiżiti tekniċi
- fil-Gwida tal-Preparazzjoni, l-Użu u l-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta’ Komponenti tad-Demm tiegħu
- fil-Linji Gwida ta’ Prattika Tajba għaċ-ċentri tad-demm
- fil-Gwida dwar il-kwalità u s-sikurezza tat-tessuti u ċ-ċelloli għall-applikazzjoni fil-bniedem
Barra minn hekk, ifassal linji gwida ad hoc dwar suġġetti differenti relatati mas-sikurezza u l-kwalità ta’ sustamzi ta’ oriġini umana (SoHO).
L-ECDC iħejji l-valutazzjonijiet tar-riskju u l-pjanijiet ta’ tħejjija kull meta tixrid epidemjoloġiku jkun ta’ rilevanza għad-demm, it-tessuti, iċ-ċelloli u l-organi. M'ilux wisq l-ECDC ta kontribut dwar