Skip to main content
Public Health

Is-saħħa globali

In-Nazzjonijiet Uniti – il-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa

L-UE stabbilixxiet relazzjoni soda man-Nazzjonijiet Uniti (NU) permezz tal-kooperazzjoni mill-qrib tagħha mas-Segretarjat tan-NU u l-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-NU. Il-kooperazzjoni tinkludi kemm is-saħħa globali kif ukoll kwistjonijiet marbuta direttament mas-saħħa, inklużi l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tal-kriżi, u l-għajnuna umanitarja. L-UE tappoġġja l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), bħala l-awtorità ewlenija dwar is-saħħa globali fis-sistema tan-NU.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha sehem attiv fid-diskussjonijiet dwar is-saħħa globali fil-Grupp ta’ 20 (G20), il-forum internazzjonali tal-gvernijiet u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-20 pajjiż l-aktar industrijalizzati u l-ekonomiji emerġenti, u l-Grupp ta’ 7 (G7) li jirrappreżentaw is-7 l-akbar ekonomiji avvanzati fid-dinja. Il-kwistjonijiet diskussi jinkludu:

Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

Is-17-il-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) li ntlaħaq qbil dwarhom fl-2015, jirrappreżentaw qafas globali għall-azzjoni sal-2030.

Filwaqt li ħafna mill-miri huma marbutin mas-saħħa, wieħed jiffoka fuqha b’mod speċifiku. L-Għan 3 jimmira li “jiġu żgurati ħajjiet f’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età.” Il-miri tiegħu jinkludu, pereżempju:

  • Il-mard infettiv bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi, l-epatite
  • Il-mard li ma jitteħidx u s-saħħa mentali
  • L-abbuż mid-droga
  • Il-kontroll tat-tabakk
  • L-aċċess għat-tilqim u l-mediċini
  • Il-finanzjament tas-saħħa u kwistjonijiet tal-forza tax-xogħol tas-saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE għandhom responsabbiltà kondiviża biex jgħinu lejn il-ksib tal-SDGs. Ir-rispons tal-Kummissjoni għall-Aġenda 2030 dwar l-SDGs hi stabbilita f’Komunikazzjoni adottata fl-2016 bl-isem Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Din ir-reazzjoni tinkludi elementi bħall-integrazzjoni tal-SDGs fil-politiki u l-inizjattivi tal-UE, ir-rappurtar regolari dwar il-progress, il-kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin u l-iżvilupp ta’ viżjoni fit-tul.

Is-sit web dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif l-UE qed tgħin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Saħħa globali u governanza tal-UE

Il-politika tas-saħħa globali tal-UE, definita fl-2010, tidentifika l-isfidi ewlenin u tistabbilixxi erba’ prinċipji ta’ gwida għal viżjoni, vuċi u azzjoni tal-UE aktar b’saħħithom. Politika tas-saħħa globali komprensiva timplika wkoll ħidma fi sħubija mal-organizzazzjonijiet u l-gruppi ta’ interess rilevanti l-oħra kollha, f’oqsma li jinkludu:

  • Kummerċ
  • Finanzjament
  • Għajnuna għall-iżvilupp
  • Migrazzjoni
  • Sigurtà, tibdil fil-klima u azzjoni ambjentali
  • Riċerka u innovazzjoni

L-UE tappoġġja kopertura tal-kura tas-saħħa li hi ġusta, universali u ta’ kwalità għolja u tippromwovi finanzjament effettiv u ġust ta’ riċerka li minnha tibbenefika s-saħħa ta’ kulħadd. Hi qed taħdem biex tiżgura li l-prodotti l-ġodda jkunu sikuri, effettivi, aċċessibbli u għall-but ta’ kulħadd. F’Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret it-tnedija tal-ħidma tagħha fuq Strateġija Globali tas-Saħħa tal-UE ġdida.

Forum tal-Politika dwar is-Saħħa Globali u l-Kummissjoni

Il-Kummissjoni torganizza Forum tal-Politika dwar is-Saħħa Globali li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs u l-industrija bħala appoġġ għall-politika dwar is-saħħa globali tagħha. Dan għandu jgħin biex tissaħħaħ il-vuċi tal-UE fis-saħħa globali billi jiġi żgurat li l-politiki interni u esterni tas-saħħa jkunu konsistenti fir-rigward tal-kisba tal-miri globali tas-saħħa.

Il-Forum tal-Politika dwar is-Saħħa Globali ġie stabbilit b’segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Saħħa Globali tal-2010, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill li segwew. Id-dipartimenti ewlenin tal-Kummissjoni involuti huma d-Direttorat Ġenerali (DĠ) għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, id-DĠ għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, kif ukoll id-DĠ għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Inizjattiva għas-Sigurtà tas-Saħħa fid-Dinja

Bħala membru tal-Inizjattiva Globali għas-Sigurtà tas-Saħħa (GHSI), il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mad-WHO u l-istati tal-“G7+” (l-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun u l-Messiku) fi sforz biex tinħoloq strateġija globali effettiva u organizzata tajjeb ta’ tħejjija, u rispons għal theddid potenzjali għas-saħħa.

Il-GHSI kienet stabbilita f’Novembru 2001, taħt it-tmexxija tal-ex Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali (HHS) tal-Istati Uniti. Għalkemm erba’ pajjiżi tal-UE biss huma membri uffiċjali tal-GHSI, is-sħubija tal-Kummissjoni Ewropea tassigura li l-eżiti tad-diskussjonijiet tagħha huma kkomunikati lill-pajjiż tal-UE kollha permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa tagħha stess.

Il-Forum Ministerjali tal-GHSI jiltaqa’ fuq bażi annwali bl-attendenza ta’ Ministri, Segretarji u l-Kummissarju għas-Saħħa mill-pajjiżi tal-“G7+” u l-Kummissjoni Ewropea. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa hi wkoll involuta bħala konsulent tekniku.

Kisbiet tal-GHSI

  • Tħejjija u rispons imsaħħaħ għall-ġidri
  • Titjib fil-komunikazzjoni internazzjonali u fl-immaniġġjar tar-riskju
  • Ittestjar u titjib tal-kapaċità tal-laboratorji
  • Avvanz globali fit-tħejjija u r-rispons għall-influwenza pandemika
  • Sforzi ta’ tħejjija kontra t-theddid kimiku u radjoloġiku