Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

L-organizzazzjonijiet internazzjonali

L-UE tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali biex tiżviluppa, timplimenta u tippromwovi l-aġenda tagħha dwar is-saħħa pubblika. Jeżistu arranġamenti speċifiċi ta’ kooperazzjoni ma’:

  • L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)
  • Il-Kunsill tal-Ewropa
  • L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) – il-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa

Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u d-WHO hija bbażata fuq skambju ta’ ittri mill-2001, li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali, l-objettivi u l-proċeduri, inklużi Laqgħat ta’ Uffiċjali Għolja (SOM) regolari.

Fl-2020, il-Kummissjoni u l-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tad-WHO ġeddew l-impenn tagħhom li jaħdmu flimkien lejn il-kisba tal-ogħla livell tas-saħħa u tal-protezzjoni tas-saħħa, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG), b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 3 dwar is-saħħa u l-benesseri. Huma impenjaw ruħhom li jespandu u japprofondixxu l-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tas-saħħa, is-sistemi tas-saħħa, il-mard li ma jitteħidx b’enfasi fuq il-kanċer, is-sistemi tal-ikel sostenibbli u s-saħħa, il-kooperazzjoni fis-saħħa ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Il-kooperazzjoni sseħħ fuq 3 livelli ġeografiċi:

  • Mal-Kwartieri Ġenerali tad-WHO f’Ġinevra dwar kwistjonijiet ta’ tħassib globali
  • Mal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa (f’Copenhagen) dwar kwistjonijiet Ewropej
  • F’pajjiżi madwar id-dinja (kooperazzjoni fil-livell tal-pajjiż).

Fil-qasam tal-mard li jittieħed iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jaħdem ukoll mill-qrib mad-WHO dwar firxa ta’ kwistjonijiet relatati mal-mard li jittieħed. Hemm 3 livelli ta’ laqgħat: politiku, tal-maniġment superjuri u tekniku.

Il-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat annwali tal-Bord Eżekuttiv tad-WHO u l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Ġinevra, kif ukoll f’laqgħat annwali tal-Kumitat Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa. Hija taħdem mal-pajjiżi tal-UE biex tħejji dikjarazzjonijiet konġunti, u biex tinnegozja testi ma’ pajjiżi oħrajn, f’kollaborazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Barra minn hekk, hi tipparteċipa f’konsultazzjonijiet regolari li torganizza d-WHO, u taħdem biex tiżgura l-konsistenza bejn il-politiki u l-azzjoni taż-żewġ partijiet.

Il-Kummissjoni Ewropea ilha taħdem direttament mad-WHO mill-2005 dwar numru ta’ proġetti ta’ politika, b’finanzjament mill-programm tal-UE dwar is-saħħa pubblika.

Il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) u r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) huma liġijiet importanti tas-saħħa internazzjonali żviluppati taħt l-awspiċji tad-WHO. Il-Kummissjoni Ewropea kienet involuta mill-qrib fin-negozjati dwar il-Konvenzjoni u r-Regolamenti dwar is-Saħħa, u tappoġġja l-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa huma sħab fl-Inizjattiva Dinjija għas-Sigurtà tas-Saħħa u qed jiżviluppaw pjan direzzjonali għal ħidma konġunta dwar:

  • L-istat ta' tħejjija għall-emerġenzi
  • Il-mard li jittieħed bħall-HIV/AIDS u t-tuberkulożi
  • Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi
  • L-immunizzazzjoni