Il-Premju tas-Saħħa tal-UE tal-2016 jgħin lill-NGOs ikomplu l-ġlieda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi
Il-premju ta’ din is-sena rrikonoxxa NGOs Ewropej li qed jaħdmu biex titnaqqas it-theddida għas-saħħa tal-bniedem mir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR). Tħabbru tliet rebbieħa - magħżulin minn 26 kandidat - fis-6 ta’ Frar 2017 fiċ-ċerimonja konġunta tal-Premju Orizzont u l-Premju tas-Saħħa tal-UE għall-NGOs f’Leuven, il-Belġju, fejn tkellmu man-newsletter Saħħa-UE. Kull wieħed ġie mistoqsi dwar il-fokus prinċipali tal-ħidma tagħhom u l-impatt proġettat tal-premju.
Ir-rebbieħ tal-Ewwel Premju, BEUC/L-Organizzazzjoni tal-Konsumatur Ewropew - Il-kampanja dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi “Mir-Razzett sal-Bniedem”. Monique Goyens, Direttur Ġenerali tal-BEUC, tkellmet man-newsletter Saħħa-UE.
Aħna nirrappreżentaw 43 organizzazzjoni nazzjonali independenti tal-konsumatur minn 31 pajjiż Ewropew, u naġixxu bħala l-grupp ġenerali tagħhom fi Brussell u naħdmu favur l-interessi tal-konsumaturi Ewropej kollha. Mal-membri tagħna, aħna naħdmu biex inżidu l-għarfien dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi. L-awtoritajiet pubbliċi tas-saħħa issa jwissu lill-konsumaturi biex ma jeħdux l-antibijotiċi hekk kif iħossuhom ma jifilħux. Il-BEUC jemmen li din l-attitudni għandha titwessa’ għall-prattiki agrikoli wkoll, peress li l-antibijotiċi ta’ spiss jintużaw iżżejjed jew jintużaw ħażin fil-bhejjem. Fost il-bosta azzjonijiet tagħna, il-BEUC żviluppa infograff li turi kif il-batterji jistgħu jsiru reżistenti għall-antibijotiċi u jinfirxu mill-irziezet sal-bnedmin permezz tal-ambjent (Ara l-link fil-Focus News).
Il-premju ta’ €20,000 hu unur kbir għalina u jgħinna nkomplu bil-ħidma vitali tagħna li tgħin biex tinqered waħda mill-akbar theddidiet li qatt iffaċċjajna fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem fiż-żminijiet moderni. Waħda mill-ħidmiet tagħna hi li jinbidlu l-prattiki tat-trobbija tal-bhejjem u li jiżdied l-għarfien fost il-konsumaturi iżda wkoll fost dawk li jfasslu l-politika, li għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex jiżguraw li l-liġijiet tal-UE ma jippermettux iktar użu ħażin u użu eċċessiv ta’ antibijotiċi fl-irziezet tal-annimali.
Ir-rebbieħ tat-Tieni Premju, “Alliance to Save our Antibiotics – Compassion in World Farming – Soil Association – Sustain”. Cóilín Nunan, Konsulent Xjentifiku tal-Alleanza, tkellem dwar l-inizjattiva.
L-“Alliance to Save our Antibiotics” hi koalizzjoni ta’ aktar minn 60 organizzazzjoni madwar l-UE kollha, li jkopru s-setturi sanitarji, mediċi, ambjentali, agrikolu u dak tal-benessri tal-annimali. Aħna qed nitolbu għal projbizzjoni fuq l-użu preventiv ta’ rutina tal-antibijotiċi fi gruppi ta’ annimali b’saħħithom fir-Renju Unit u l-UE u għal tnaqqis drammatiku fl-użu tal-antibijotiċi “Kritikalment Importanti” fl-irziezet.
B’mod kruċjali, L-Alleanza qed tagħmel kampanja favur l-adozzjoni ta’ prattiki agrikoli li jagħtu prijorità lis-saħħa u l-benessri tal-annimali, li l-ewwel nett inaqqsu l-ħtieġa għall-antibijotiċi.
Il-kisba ta’ dan ir-rikonoxximent hi kisba tant kbira, speċjalment meta kien hemm daqstant kompetituri eċċellenti għal dan l-unur. L-użu eċċessiv ta’ antibijotiċi fil-biedja jhedded deċennji ta’ avvanzi mediċi. Dan il-premju se jgħinna biex inżidu l-għarfien dwar din il-kwistjoni kruċjali u biex inkomplu l-kampanja importanti tagħna favur strateġija għall-UE kollha biex jitnaqqas b’mod effettiv l-użu eċċessiv ta’ antibijotiċi fil-biedja qabel ma jkun tard wisq.
Ir-rebbieħ tat-Tielet Premju - “World Alliance Against Antibiotic Resistance” (WAAAR) - L-Inizjattiva “Acting to Preserve Antibiotics”. Il-fundatur u l-president tad-WAAAR Dr Jean Carlet tkellem man-newsletter Saħħa-UE.
Id-WAAAR qed taħdem qatigħ biex “il-kunċett ta’ antibijotiċi” jiġi elenkat bħala parti mill-patrimonju kulturali intanġibbli tagħna kif definit mill-UNESCO.
L-antibijotiċi huma l-pilastru l-aktar importanti fis-sistema tas-saħħa moderna ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija - hu orribbli li nimmaġinaw dinja fejn ma kinux effettivi - u xorta qed naħlu din ir-riżorsa prezzjuża minħabba l-użu żejjed jew l-użu ħażin kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali.
Parti essenzjali tal-pjan ta’ azzjoni tagħna huwa li nżidu l-għarfien: l-unur li tatna l-Kummissjoni Ewropea jagħtina aktar viżibbiltà u jgħinna nilħqu aktar nies. Nittamaw li nikkonvinċu lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni xierqa biex jiġi limitat it-tixrid ta’ patoġeni reżistenti għal ħafna mediċini. Aħna qed niġġieldu bil-qawwa, iżda qed niġġieldu kontra theddida kbira bit-tama li jiġu salvati l-ħajjiet.
Attivitajiet fil-livell tal-UE
|
Pjattaforma tal-Politika dwar is-Saħħa tal-UE Il-Kummissjoni Ewropea - Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari |
|
Premju tas-Saħħa tal-UE għall-NGOs Il-Kummissjoni Ewropea - Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari |
Aħbarijiet
|
L-NGOs rebbieħa onorati waqt iċ-ċerimonja tal-Premju tas-Saħħa tal-UE tal-2016 Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Vytenis Andriukaitis ippreżenta l-premijijiet lill-aqwa tliet inizjattivi tal-Premju tas-Saħħa tal-UE għall-NGOs li jiġġieldu kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi, li ngħataw biex jiġu rikonoxxuti inizjattivi eċċezzjonali mill-NGOs li naqqsu sostanzjalment it-theddida tar-reżistenza għall-antimikrobiċi għas-saħħa tal-bniedem. Aqra l-intervista f’din l-edizzjoni biex issir taf aktar. |
|
Aqra d-diskors mogħti mill-professur tal-mikrobijoloġija medika fl-Università ta’ Antwerp u l-Isptar Universitarju Antwerp Herman Goossens fl-14 ta’ Frar 2017 fil-ġurnal xjentifiku internazzjonali “Nature” li joħroġ kull ġimgħa. |
|
Tmien organizzazzjonijiet mhux governattivi magħżula għall-Premju tas-Saħħa tal-UE 2016 Kienu mistiedna tmien NGOs għaċ-ċerimonja tal-Premju tas-Saħħa tal-UE fis-6 ta’ Frar 2017 fi Brussell, rikonoxxuti għall-ħidma eċċezzjonali tagħhom fil-ġlieda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi. |
|
AMR: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar Pjan ta' Azzjoni ġdid Il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar attivitajiet possibbli li jinkludu l-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid “Saħħa Waħda”, biex jiġi adottat sas-sajf tal-2017. Il-konsultazzjoni, miftuħa sat-28 ta’ April 2017, tinkludi kwestjonarji għall-amministrazzjoni pubblika, il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini. |
|
Il-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw proposti għad-dikjarazzjonijiet konġunti li jmiss fin-Netwerks Tematiċi tal-Pjattaforma Web. |
|
Intgħażlu n-Netwerks Tematiċi tal-Pjattaforma tal-Politika dwar is-Saħħa tal-UE In-Netwerks Tematiċi se jkunu dwar Taħriġ mediku armonizzat u żvilupp professjonali kontinwu għas-sikurezza tal-pazjenti, ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u l-Impjieg ta’ Persuni b’Mard Kroniku. Għalkemm diġà ttieħdet deċiżjoni dwar in-netwerks, kull min hu interessat xorta jista’ jingħaqad mal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE! |
|
L-infograff “Ir-Reżistenza għall-Antibijotiċi – Mir-Razzett sal-Bniedem” inħolqot mill-NGO rebbieħa tal-Premju tas-Saħħa tal-UE ta’ din is-sena, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea. |