Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 194 - Fokus

Inħarsu lura biex inħarsu ’l quddiem – ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jgħin jiddetermina azzjonijiet futuri

Għadu kif sar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-2015, u pprovda opportunità biex jitqiesu l-kisbiet fis-Saħħa elettronika u biex titwitta t-triq għal aktar azzjonijiet. Il-Kap tal-Unità għas-Saħħa elettronika tad-DĠ Sante Tapani Piha, jitkellem dwar dak li l-Kummissjoni kellha f’moħħha.

L-ewwel nett, x’inhu eżattament is-Suq Uniku Diġitali?

Is-suq Uniku Diġitali (DSM) huwa ambjent tas-suq fejn il-moviment liberu tal-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital huwa żgurat u fejn iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess faċli għal prodotti u servizzi onlajn. Il-ħolqien u l-appoġġ ta’ dan is-suq huwa prijorità ewlenija tal-Kummissjoni, li jista’ jikkontribwixxi €415-il biljun għall-ekonomija Ewropea u jagħti benefiċċji importanti oħra.

Is-Suq Uniku Diġitali kif jista’ jkollu impatt fuq is-saħħa pubblika?

Is-DSM jista’ jkun fattur importanti biex jappoġġja r-riforma tant meħtieġa ta’ mudelli ta’ kura tas-saħħa u kura soċjali fl-Ewropa. Il-possibbiltajiet ta’ ġbir u skambju ta’ dejta dwar is-saħħa, u opportunitajiet ġodda għal applikazzjonijiet u soluzzjonijiet oħra għan-nies biex jimmaniġġjaw is-saħħa tagħhom huma partikolarment eċċitanti.

L-inizjattiva biex il-kura tas-saħħa tiġi diġitalizzata tista’ tikkatalizza l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda u integrati tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa, li jtejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha, u b’hekk is-sistemi tas-saħħa u tal-kura jsiru aktar sostenibbli filwaqt li tingħata spinta lill-ekonomija.

X’kienu xi wħud mill-iżviluppi prinċipali?

In-Netwerk Ewropew ta’ Referenza se jiftaħ possibilitajiet kompletament ġodda għad-dijanjosi u t-trattament tal-pazjenti b’mard rari. Dawn se jibbenefikaw mill-għarfien espert ta’ speċjalisti madwar l-UE. Barra minn hekk, is-soluzzjonijiet diġitali użati min-Netwerks Ewropej ta’ Referenza jistgħu jwittu t-triq għal użu aktar ġenerali tat-telemediċina.

Żvilupp ieħor, wieħed minn ħafna, huwa li l-Infrastruttura tas-Servizz tas-Saħħa Diġitali se tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta’ preskrizzjonijiet elettroniċi u sommarji mediċi tal-pazjenti, benefiċċju ċar għall-vjaġġaturi.

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu x’azzjoni futura jissuġġerixxi li hi neċessarja?

Hemm ħtieġa biex titwassal viżjoni ta’ politika kkoordinata u koerenti dwar is-saħħa diġitali u l-innovazzjoni fil-kura bħala parti mill-Istrateġija tad-DSM. S’issa, il-proposti kienu ċċentrati fuq progress fi tliet oqsma (1) it-twettiq bi sħiħ tad-dritt ta’ kull ċittadini biex jaċċessa u jaqsam id-dejta personali tas-saħħa tiegħu, (2) l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ infrastruttura sigura tad-dejta biex tinġabar dejta dwar is-saħħa għal aktar riċerka, il-prevenzjoni tal-mard u l-kura tas-saħħa personalizzata, u (3) il-kooperazzjoni fuq livell Ewropew biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni fuq skala kbira ta’ soluzzjonijiet innovattivi bħat-telemediċina u applikazzjonijiet tas-saħħa mobbli.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Saħħa elettronika

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Saħħa elettronika

Il-Kummissjoni Ewropea – Ekonomija u Soċjetà Diġitali

Suq Uniku Diġitali

Il-Kummissjoni Ewropea – Ekonomija u Soċjetà Diġitali

Aħbarijiet

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali juri progress tajjeb

L-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tnediet fl-2015. F’nofs it-terminu tal-pjan ta’ erba’ snin, dan ir-rieżami jenfasizza l-progress li sar u x-xogħol li għad irid isir. Ġiet adottata Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, inkluża taqsima dwar it-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u l-kura.

L-10 affarijiet li ma għandekx titlef fil-ġimgħa tas-Saħħa elettronika 2017... u ħafna aktar!

Ikseb il-lista fin-newsletter tal-Kummissjoni speċjalment iddedikata għas-Saħħa elettronika, ix-xjuħija u l-benessri u żomm ruħek aġġornat dwar l-aħħar żviluppi fis-Saħħa elettronika, minn applikazzjoni għall-mowbajl li tgħinek tidentifika l-Marda tal-Parkinson’s sa libsa mgħammra b’senser li janalizza l-movimenti ta’ pazjenti li sofrew puplesija.

In-Netwerks Ewropej ta’ Referenza joħolqu tama għall-pazjenti b’mard rari

In-netwerks tnedew f’Marzu 2017. Dawn se jiffaċilitaw il-kuntatt bejn il-pazjenti b’mard rari u l-ispeċjalisti li jistgħu jgħinuhom. Aqra aktar dwar in-Netwerks Ewropej ta’ Referenza fin-newsletter Saħħa UE tad-9 ta’ Marzu, 2017, li ffokat fuq din it-tema.

Infrastrutturi ta’ Servizzi Diġitali (DSIs) biex iwasslu servizzi transfruntiera b’netwerk

L-infrastrutturi nazzjonali jistgħu jillinkjaw ma’ pjattaforma ta’ servizz ewlieni li sservi bħala ċentru ċentrali fil-livell tal-UE. DSI speċifika għas-settur tas-Saħħa elettronika li tippermetti l-iskambju ta’ preskrizzjonijiet elettroniċi u s-sommarji mediċi tal-pazjenti bejn l-Istati Membri se ssir operazzjonali fl-2018.

Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika studju dwar il-Big Data fis-saħħa pubblika, it-telemediċina u l-kura tas-saħħa

L-istudju jippreżenta rakkomandazzjonijiet ta’ politika f’10 oqsma: iż-żieda fl-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sorsi tad-dejta, id-dejta miftuħa u l-kondiviżjoni tad-dejta, l-applikazzjonijiet u l-għanijiet, l-analiżi tad-dejta, il-governanza tal-aċċess għad-dejta u l-użu, l-istandards, il-finanzjament u r-riżorsi finanzjarji, u l-aspetti legali u ta’ privatezza.

Riżultati u prospetti ewlenin ippubblikati għas-Servizzi Miftuħa Intelliġenti tal-Pazjenti Ewropej

L-għanijiet ewlenin ta’ dan il-proġett kienu li jitjiebu l-kwalità u s-sikurezza tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini meta jivvjaġġaw madwar l-Ewropa u biex jiġi żviluppat qafas prattiku tas-Saħħa elettronika u tal-infrastruttura tal-ICT. L-epsSOS tat lok għal skambju ta’ preskrizzjonijiet elettroniċi u sommarji mediċi tal-pazjenti, li issa qed jiġu implimentati permezz tad-DSI tas-Saħħa elettronika.

Il-proġett pan-Ewropew e-SENS għen biex iwitti t-triq għall-fażi “live” ta’ servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera

Il-proġett e-SENS involva aktar minn 100 attur pubbliku u privat minn 22 pajjiż u kellu l-għan li jikkonsolida l-ħidma li saret fi Proġetti Pilota Fuq Skala Kbira preċedenti, li jipprovdu soluzzjonijiet ġeneriċi tal-IT għall-komunikazzjoni transfruntiera li jistgħu jiġu applikati għal kull dominju ta’ politika.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Links interessanti oħrajn