Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 198 - Fokus

Sfidi ġodda, l-istess ħidma vitali! Iltaqa’ mal-Kumitat Xjentifiku li jgħin biex ma jkunx hemm ingredjenti “koroh” fil-prodotti kożmetiċi!

Minn Qasim Chaudhry, il-President tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS)

L-Ewropa hija fuq quddiem nett fid-dinja u esportatur dominanti fis-settur tal-kożmetiċi u tal-kura personali. Biex jinżamm dan il-vantaġġ, il-prodotti kożmetiċi Ewropej mhux biss iridu jkunu innovattivi u kompetittivi, iżda jridu wkoll jissodisfaw standards stretti ta’ sikurezza u ta’ kwalità. Kemm l-awtoritajiet regolatorji kif ukoll l-industrija huma impenjati li jżommu dawn l-istandards għoljin, li saru punt ta’ referenza globali għas-sikurezza u l-kwalità tal-prodotti kożmetiċi.

Il-valutazzjoni tas-sikurezza tal-ingredjenti kożmetiċi kkontrollati bir-Regolament dwar il-Prodotti Kożmetiċi tal-UE titwettaq mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) - kumitat indipendenti ta’ esperti minn pajjiżi differenti tal-UE. Dan huwa proċess dettaljat u jrid iqis il-proprjetajiet tal-ingredjenti fi prodott kożmetiku, ir-rotot possibbli u l-livell ta’ esponiment tal-konsumatur, u l-potenzjal għal effetti ta’ ħsara. Huwa għandu jqis ukoll il-gruppi vulnerabbli u b’riskju għoli meta jiġu ffissati l-limiti sikuri ta’ esponiment.

It-tmexxija ta’ dawn il-valutazzjonijiet tas-sikurezza sar aktar diffiċli f’dawn l-aħħar snin. Il-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti għall-kożmetiċi pprojbiet l-ittestjar fuq l-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jkun fihom ingredjenti ttestjati fuq l-annimali minn Lulju 2013, għalhekk id-dejta dwar is-sikurezza issa hija dejjem iktar dipendenti fuq mezzi li ma jinvolvux l-annimali, bħal ċelloli kkulturati u mudelli komputazzjonali. Barra minn hekk, kien hemm l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ ingredjenti, bħan-nanomaterjali, li r-riċerka dwar ir-riskji potenzjali li jista’ jkollhom fuq is-saħħa għadha mhix disponibbli b’mod wiesa’.

L-awtoritajiet pubbliċi u l-industrija jisbuha wkoll bi tqila biex ilaħħqu mal-leġiżlazzjoni attwali. Hu għalhekk li l-SCCS jippubblika wkoll dokumenti ta’ Gwida li jgħinu biex jiżguraw li huma konformi. In-Noti ta’ Gwida tal-SCCS jipprovdu qafas dettaljat għall-valutazzjoni tas-sikurezza tal-kożmetiċi fl-Ewropa, u huma riveduti regolarment fid-dawl ta’ għarfien, għodod u tekniki ġodda. Dan l-aħħar, il-Kumitat ippubblika lista ta’ kontroll għall-applikanti biex tgħinhom jibagħtu d-dossiers kompluti, u b’hekk kulħadd jiffranka l-ħin u l-enerġija.

Il-ħidma tal-Kumitat tgħin lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk tippermettix jew le li jintuża ingredjent fil-prodotti kożmetiċi, u taħt liema kundizzjonijiet ta’ użu. L-għan hu li jiġi ristrett jew eskluż kwalunkwe ingredjent li jagħmel il-ħsara fi prodotti kożmetiċi, b’mod partikolari ingredjenti li jistgħu jkunu karċinoġeniċi, mutaġeniċi, tossiċi għar-riproduzzjoni, jew li jistgħu jippersistu u jakkumulaw fil-ġisem matul iż-żmien.

Din il-ħidma ssir wara l-kwinti, iżda hija xi ħaġa li għandha impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE. Kont taf, pereżempju, li għal kull żebgħa tax-xagħar permessa għall-użu fl-Ewropa, jiġu pprojbiti kważi d-doppju fuq il-bażi tal-parir tal-SCCS? L-SCCS għadu kif lesta l-ewwel sena mit-terminu ta’ ħames snin tiegħu, b’membri ġodda u b’oħrajn li rritornaw, u hu privileġġ tiegħi li nservi bħala l-President tal-Kumitat. Kollettivament, għandna ġabra ta’ esperjenza u għarfien xjentifiċi, u bi pjaċir nagħmlu użu minnhom għas-servizz tal-pubbliku.

Issostitwixxi, Naqqas, Irfina - dawn it-tliet prinċipji jikkostittwixxu r-Regola tad-Deheb għall-użu ta’ primati mhux umani fir-riċerka u l-ittestjar

Fit-2 ta’ Ġunju, 2017, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Xjentifiku tagħha dwar ir-Riskji għas-Saħħa, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER) ippubblikaw l-Opinjoni finali dwar “Il-ħtieġa tal-primati mhux umani fir-riċerka bijomedika, fil-produzzjoni u fl-ittestjar ta' prodotti u apparati”, li hi aġġornament tal-opinjoni tal-2009.

Mill-2009 ’l hawn, ħarġu fid-dieher possibbiltajiet ġodda biex jinstabu alternattivi u biex jonqos aktar l-użu ta’ primati mhux umani, iżda l-SCHEER jirrikonoxxi li l-użu ta’ primati mhux umani għadu meħtieġ għal ċerti tipi ta’ riċerka. Meta l-primati mhux umani huma meqjusa li jkunu insostitwibbli fir-riċerka – u dan għandu jiġi deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ – l-SCHEER jenfasizza li għandna nsegwu r-regola tat-tliet prinċipji.

Issostitwixxi, Naqqas u Rfina: Is-sostituzzjoni ta’ primati mhux umani b’alternattivi vijabbli kull meta jkun fattibbli, it-tnaqqis tal-użu ta’ primati mhux umani u l-irfinar ta’ proċeduri xjentifiċi u l-kura u t-trattament tal-annimali. L-implimentazzjoni ta’ dawn it-tliet prinċipji issa hi meħtieġa bil-liġi tal-UE.

L-Opinjoni l-ġdida teżamina diversi oqsma ta’ riċerka fejn il-primati mhux umani qed jintużaw bħalissa u tħares lejn possibiltajiet għall-implementazzjoni tat-tliet prinċipji f’kull qasam ta’ riċerka. B’kollox, huma pprovduti madwar 23 rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tat-tliet prinċipji u biex jingħelbu l-ostakli għal dan.

Aktar informazzjoni:

Id-dwal ġermiċidali u lampi UV-C oħra huma sikuri?

Ir-raġġi ultravjola C jew UV-C, huma prodotti mix-xemx u huma l-iqsar mewġa ta’ ultravjola, minn 280 sa 100 nanometru. Iktar ma tkun qasira l-mewġa, iktar ikollha impatt ir-radjazzjoni ultravjola fuq is-saħħa tal-bniedem, iżda r-raġġi UV-C naturali huma kważi kollha ffiltrati mill-atmosfera qabel ma jilħqu l-wiċċ tad-dinja u għalhekk jippreżentaw riskju baxx għall-bniedem.

Ir-raġġi UV-C prodotti b’mod artifiċjali intużaw b’suċċess bħala ġermiċidju u batteriċida għal għexur ta’ snin u jintużaw għal varjetà dejjem akbar ta’ applikazzjonijiet, inkluż biex jiddiżinfettaw is-sistemi tal-arja, l-impjanti għat-trattament tal-ilma tad-dranaġġ u tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata. Jintużaw ukoll fi proċessi industrijali tal-ikel u x-xorb u fl-isptarijiet biex jisterilizzaw l-istrumenti, l-uċuħ fejn isir ix-xogħol u l-arja. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-applikazzjonijiet jinvolvu tagħmir b’sistema ssiġillata u l-persuni mhumiex direttament esposti għar-radjazzjoni tal-UV-C, iżda l-użi u l-applikazzjonijiet tal-lampi UV-C qed jiżdiedu, u dan iżid ukoll ir-riskju potenzjali tal-impatti fuq is-saħħa minn aċċidenti jew esponiment imtawwal u estensiv.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Xjentifiku tagħha dwar ir-Riskji għas-Saħħa, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER) biex jipprovdi valutazzjoni tar-riskju dwar l-użu tal-lampi UV. Fl-opinjoni finali tiegħu dwar “l-effetti bijoloġiċi tar-radjazzjoni UV-C rilevanti għas-saħħa, b’referenza partikolari għal-lampi UV-C” l-SCHEER jikkonferma li l-esponiment akut aċċidentali għal-lampi UV-C jista’ jikkawża problemi tal-ġilda u tal-għajnejn, iżda jikkonkludi li m’hemmx biżżejjed dejta biex jiġi stabbilit f’liema livell ta’ esponiment jista’ jiġi kkawżat dan id-dannu. Meħtieġa aktar studji dwar il-pubbliku ġenerali u dwar il-ħaddiema f’viċinanza frekwenti għal-lampi UV-C, speċifikament dwar l-esponiment għall-bnedmin taħt kundizzjonijiet normali ta’ użu u esponiment fit-tul għar-radjazzjoni UV minn lampi UV-C.

Nittamaw għall-aħjar, inħejju għall-agħar: Gwida ġdida tipprovdi pjan ta’ azzjoni għall-valutazzjoni tar-riskji matul theddida transkonfinali għas-saħħa minn attakk kimiku.

F’nofs kriżi, mhux faċli li wieħed jaħseb b’mod ċar u jaġixxi malajr, u huwa għalhekk li jeżistu l-eżerċizzji ta’ evakwazzjoni u li l-Kummissjoni Ewropea ppjanata minn qabel għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju f'każ ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa minn attakk kimiku.

Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa tistabbilixxi regoli dwar kif jiġu ttrattati inċidenti jew twissijiet ta’ theddid potenzjalment serju għas-saħħa. Meta jkun meħtieġ rispons koordinat fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni jeħtieġ li tkun taf kemm jista’ jkun malajr is-severità potenzjali tat-theddida u jekk hemmx xi miżuri tas-saħħa pubblika li għandhom jittieħdu immedjatament.

Din il-valutazzjoni rapida ad hoc tar-riskju trid tiġi mħejjija mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER), u biex jgħinu lill-Kumitat jirreaġixxi malajr u b’mod effettiv, dawn kienu mistiedna mill-Kummissjoni biex jipprovdu Gwida li tiddeskrivi l-proċedura li se jsegwu biex iħejju valutazzjoni tar-riskju fil-każ ta’ theddida simili. Din it-tip ta’ theddida tista’ tkun ikkawżata mill-bniedem, bħal attakk deliberat jew minn ħruġ barra mil-linji ta’ ferrovija tal-merkanzija, jew naturali, bħal eruzzjoni vulkanika.

Il-Gwida li tirriżulta minn dan tipproponi mekkaniżmu robust għall-immaniġġjar effettiv tat-theddid transkonfinali għas-saħħa u għal parir indipendenti u awtorevoli rapidu f’sitwazzjonijiet simili ta’ emerġenza, inkluż it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma dwar il-Valutazzjoni tar-Riskju Rapida permanenti magħmula minn 12-il espert.