Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 204 - Fokus

Waslu r-riżultati: it-tielet Programm tas-Saħħa tal-UE miexi kif ippjanat u qed iħalli impatt.

Il-Programm tas-Saħħa hu evalwat f’nofs it-terminu u fl-aħħar tat-terminu ta’ sitt snin biex naraw li l-infiq pubbliku hu ġġustifikat u qed jipproduċi benefiċċji reali, spjega d-Deputat Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Martin Seychell. L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tat-tielet Programm tas-Saħħa (2014-2020) ivvalutat ir-rilevanza tal-proġetti li qed jiffinanzja biex jintlaħqu l-bżonnijiet u l-isfidi reali fil-qasam tas-saħħa, l-effettività tal-immaniġġjar tal-Programm, l-effikaċja u l-koerenza tiegħu mal-politiki u l-Programmi l-oħrajn tal-Unjoni u l-impatti mistennija. Seychell spjega aktar dwar il-Programm tas-Saħħa fih innifsu u r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni riċenti.

X’inhu l-għan tat-tielet Programm tas-Saħħa?

It-tielet Programm tas-Saħħa tal-UE, li għandu baġit totali ta’ €449.4 miljun, hu l-għodda finanzjarja ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea użata biex tiffinanzja azzjonijiet li jikkumplementaw, jappoġġjaw u jżidu l-valur tal-politiki tas-saħħa tal-Istati Membri. L-oqsma ta’ prijorità u l-kriterji għall-azzjonijiet ta’ finanzjament skont il-Programm huma deskritti fil-pjanijiet ta’ ħidma annwali ppreparati mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u adottati mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Istati Membri.

Il-Programm tas-Saħħa għandu erba’ objettivi ewlenin: li jippromwovi s-saħħa, li jevita l-mard u li jrawwem ambjenti li jappoġġjaw stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa; li jipproteġi liċ-ċittadini tal-UE minn theddid transkonfinali serju għas-saħħa, jikkontribwixxi għal sistemi tas-saħħa innovattivi, effiċjenti u sostenibbli u jgħin sabiex iċ-ċittadini tal-UE jingħataw aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura.

Ġew jew qegħdin jiġu ffinanzjati aktar minn 539 azzjoni permezz tat-tielet Programm tas-Saħħa mill-2014 sal-2020 għal nefqa totali ta’ €165.6 miljun.

Kif jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-UE mill-Programm tas-Saħħa?

Il-Programm tas-Saħħa jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jikkooperaw u jagħmlu progress fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni. Filwaqt li kull Stat Membru hu responsabbli għall-kwalità tas-saħħa u l-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini tiegħu, ħafna drabi isir aktar progress billi naħdmu flimkien fuq il-livell tal-UE, pereżempju fil-qasam tal-mard rari fejn in-Netwerks Ewropej ta’ Referenza qed jgħinu biex l-għarfien espert ta’ speċjalisti li ħafna drabi mhux faċli ssibu jasal għand il-pazjenti tal-UE li għandhom bżonnu, irrispettivament minn fejn joqogħdu.

X’kienu r-riżultati tal-evalwazzjoni l-aktar riċenti?

Ir-riżultati kienu inkoraġġanti u wrew li l-Programm miexi kif ippjanat u qed ikollu impatt reali, b’kisbiet maġġuri inklużi:

  • l-istabbiliment tan-Netwerks Ewropej ta’ Referenza għall-mard rari;
  • l-appoġġ lill-Istati Membri biex iżidu l-bini ta' kapaċità tagħhom biex jirreaġixxu meta jfaqqa’ mard transfruntier (eż. il-viruses tal-Ebola u taż-Żika);
  • il-kontribut lejn il-politika dwar il-migrazzjoni tal-UE permezz tal-appoġġ lill-Istati Membri biex jirrispondu għall-bżonnijiet ta’ fluss għoli ta’ migranti u refuġjati; kif ukoll
  • it-taħriġ ta’ professjonisti fil-kura medika u persunal ieħor tal-ewwel kuntatt biex jittratta l-bżonnijiet tas-saħħa ta’ dawn il-migranti u r-refuġjati.

Min iwettaq l-evalwazzjoni?

L-evalwazzjoni hi bbażata fuq studju estern imwettaq minn konsorzju magħmul minn Coffey International, Economisti Associati u SQW.

X’għandna nistennew mit-tieni nofs tat-terimnu tat-tielet Programm tas-Saħħa?

Nistennew appoġġ kontinwu fl-oqsma tat-tħejjija u l-immaniġġjar tal-kriżijiet u appoġġ lill-Istati Membri li qed jaħdmu biex jirriformaw is-sistemi tas-saħħa tagħhom u biex jilħqu l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. It-tielet Programm tas-Saħħa se jkompli wkoll jgħin fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-saħħa għall-kura tas-saħħa transkonfinali, il-prodotti mediċinali, l-apparat mediku, id-direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk, id-deċiżjoni dwar it-theddid transkonfinali għas-saħħa u l-leġiżlazzjoni għal sustanzi ta’ oriġini umana. Se naħdmu wkoll biex insaħħu u nibnu rabtiet bejn il-Programm tas-Saħħa u l-aġenda ta’ politika usa' biex ikun hemm saħansitra impatt akbar.

L-attivitajiet fil-livell tal-UE

Il-Programm tas-Saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Il-Programm tas-Saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea – Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel

L-aħbarijiet

It-Tielet Programm tas-Saħħa (2014-2020) L-analiżi ta’ nofs it-terminu turi progress kbir ħafna fit-titjib tal-kooperazzjoni fis-saħħa u l-kura tas-saħħa

L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-ewwel tlett snin tal-implimentazzjoni tat-tielet Programm tas-Saħħa turi li l-Kummissjoni Ewropea għamlet progress kbir ħafna biex tilħaq l-objettivi tal-programm.

Aqra r-rapporti u s-sommarju tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu online

Ir-Rapport tal-Kummissjoni, id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, u s-Sommarju Eżekuttiv tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tat-tielet Programm tas-Saħħa huma kollha miftuħin u aċċessibbli għall-pubbliku.

Lista tal-Punti Fokali Nazzjonali aġġornata

Il-Punti Fokali Nazzjonali huma l-esperti nazzjonali għall-Programm tas-Saħħa fl-Istati Membri u l-pajjiż parteċipanti. Huma nnominati mill-ministeri nazzjonali tas-saħħa u jgħinu liċ-Chafea fl-implimentazzjoni tal-Programm tas-Saħħa.

Skopri aktar dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel!

Iċ-CHAFEA twettaq kompiti li ġew fdati lilha mill-Kummissjoni, inkluża l-implimentazzjoni tal-Programm tas-Saħħa, u taħdem mill-qrib mad-Direttorati Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu.

L-UE se tonfoq €7.5 biljun bejn l-2014 u l-2020 fuq ir-riċerka biex titjieb il-kura tas-saħħa Ewropea

L-investimenti qed isiru permezz tal-programm tar-riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, Orizzont 2020.

Il-Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Sib proġetti u azzjonijiet iffinanzjati permezz tal-Programmi tas-Saħħa fuq il-bażi tad-data aġġornata taċ-CHAFEA

Il-bażi tad-data estensiva tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel dan l-aħħar ingħatat dehra ġdida biex ikun iktar faċli li tiskopri aktar dwar kwalunkwe proġett iffinanzjat permezz tal-Programm tas-Saħħa tal-UE.

Links interessanti oħrajn

Skeda informattiva: L-Inizjattivi ta’ Finanzjament fil-qasam tas-Saħħa tat-Tielet Programm tas-Saħħa (2014-2020)

L-objettivi, l-isfidi u r-riżultati mistennija ewlenin tal-programm huma spjegati b’mod ċar u fil-qosor f'din l-iskeda informattiva.

Il-pubblikazzjonijiet tal-Programm tas-Saħħa

Sib folji bl-informazzjoni, pakketti għall-istampa, brochures, kotba żgħar u aktar, kollha relatati ma’ proġetti ffinanzjati permezz tal-Programm tas-Saħħa.