Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 209 - Fokus

Valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa fl-UE: il-Kummissjoni tipproponi li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri

Wara aktar minn deċennju ta’ kooperazzjoni tal-UE bejn l-organizzazzjonijiet tal-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) fl-UE kollha, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta biex issaħħaħ din il-kooperazzjoni u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha. Clemens Auer, id-Direttur Ġenerali tal-Ministeru tas-Saħħa Awstrijak, ifakkar il-bidu tal-kooperazzjoni tal-UE dwar l-HTA b'ħarsa lejn il-futur.

X’taħseb dwar il-kooperazzjoni tal-UE dwar l-HTA?

Nixtieq nibda billi ngħid li l-Awstrija hi fost is-sħab fundaturi tal-azzjoni konġunta tal-EUnetHTA. Dan juri li, bħal Stati Membri oħra, aħna rrikonoxxejna kmieni l-valur tal-HTA bħala strument biex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet. Sa mill-bidu tas-snin 2000, l-HTA ġiet użata regolarment għal deċiżjonijiet ta’ investiment u rimborż minn diversi atturi, bħall-Ministeru tas-Saħħa u l-Assigurazzjoni Soċjali.

Iżda l-EUnetHTA hi wkoll dwar kif toħloq komunità mibnija fuq il-fiduċja, li tippermetti l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost il-korpi tal-HTA. L-importanti hu li nitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin u biex finalment niżviluppaw bażi li tista’ tkun ta’ mudell Ewropew għat-twettiq tal-HTA – mudell biex tiġi pprovduta informazzjoni ta’ kwalità għolja, f’waqtha, trasparenti u trasferibbli lill-korpi tal-HTA mal-UE kollha. Barra minn hekk, l-EUnetHTA ħolqot fondazzjoni għat-twaqqif tan-Netwerk tal-HTA fl-2013, li rriżultat f’aktar kooperazzjoni dwar l-HTA f’livell strateġiku ogħla. Nemmen li din il-kooperazzjoni tal-UE dwar l-HTA, li għal ħafna nies hi sinonimu mal-EUnetHTA, hi rikonoxxuta bħala l-attur ewlieni għall-kooperazzjoni globali dwar l-HTA.

Kif tara l-futur tal-kooperazzjoni tal-UE dwar l-HTA fil-kuntest usa’ tad-diskussjoni dwar l-aċċess għall-mediċini?

F’dawn l-aħħar snin, l-isfida ppreżentata lill-baġits nazzjonali tal-kura tas-saħħa minn prezzijiet għaljin ta’ mediċini tat bidu għal għadd ta’ diskussjonijiet politiċi. Ninsab konvint li l-Ewropa hi dwar l-ekwità tal-aċċess u l-innovazzjoni, u naħseb li hu fl-interess komuni taċ-ċittadini kollha li l-Istati Membri jiddependu aktar fuq xulxin, jaqsmu l-informazzjoni u jkollhom aktar għodod għad-dispożizzjoni tagħhom biex jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati meta jiġi valutat il-valur miżjud ta’ mediċini innovattivi. Kollox jiddependi fuq il-valutazzjoni tal-benefiċċju tal-innovazzjoni u li din tintiżen kontra l-ispejjeż.

Il-kooperazzjonijiet reġjonali stabbiliti reċentement bħall-BeNeLuxA u La Valletta qed jippruvaw imexxu xi approċċi komuni għal negozjar konġunt ta’ prezzijiet. Mhux faċli u d-diversitajiet tal-oqfsa legali nazzjonali joħolqu sfida għal dawn l-isforzi. F’dan il-kuntest, nemmen li kooperazzjoni strutturata permanenti u sostenibbli dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa tista’ tipprovdi kontribuzzjoni importanti fost oħrajn għall-problema ġenerali ta’ aċċess għall-mediċina.

Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew irrikonoxxew l-importanza ta’ dan is-suġġett għas-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa u fl-aħħar mill-aħħar għaċ-ċittadini kollha tal-UE u kienu qed ifittxu soluzzjonijiet. Il-Kunsill irrikonoxxa li l-kooperazzjoni tal-UE dwar l-HTA tista’ tappoġġja t-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri u talab lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar il-futur ta’ din il-kooperazzjoni lil hinn mill-2020 meta l-Azzjoni Konġunta kurrenti l-EUnetHTA tintemm. Il-Parlament Ewropew fir-Rapport tiegħu dwar l-opzjonijiet tal-UE għat-titjib fl-aċċess għall-mediċini enfasizza l-potenzjal tal-valutazzjonijiet konġunti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u l-allokazzjoni ħażina ta’ riżorsi fl-UE kollha u ħeġġeġ il-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni dwar sistema Ewropea għall-HTA. Il-Kummissjoni għamlet xogħolha sew u fil-31 ta’ Jannar adottat proposta għall-kooperazzjoni dwar l-HTA. Issa jmiss lilna, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, biex neżaminaw bir-reqqa l-proposta u biex nimpenjaw lilna nfusna b’mod kostruttiv f’diskussjoni biex niddeċiedu dwar il-futur tal-kooperazzjoni dwar l-HTA fl-Ewropa.

Iż-żrieragħ tal-kooperazzjoni tal-UE dwar l-HTA ġew miżrugħin aktar minn għaxar snin ilu, issa wasal iż-żmien li naħsdu l-frott tagħha. L-Awstrija se timpenja ruħu b’mod attiv ħafna f’din id-diskussjoni, mhux biss issa, iżda wkoll fit-tieni parti tas-sena meta jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa fl-UE: il-Kummissjoni tipproponi li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Vytenis Andriukaitis qal li l-proposta, imressqa fil-31 ta’ Jannar 2018, tat bidu għal kura tas-saħħa innovattiva u ta' kwalità aħjar għall-benefiċċju tal-pazjenti, speċjalment dawk bi ħtiġijiet mediċi mhux milħuqin.

Mistoqsijiet u Tweġibiet: il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa

Ifhem b’mod aktar profond il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) billi tagħti daqqa t’għajn lejn din il-folja ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet ċari u konċiżi.

In-Netwerk tal-Valutazzjoni tat-Teknoloġiji tas-Saħħa jiltaqa’ fi Brussell, fid-9 ta’ Frar 2018

Jitkellmu waqt l-avveniment kien hemm Xavier Prats Monne, id-Direttur Ġenerali, u Martin Seychell, id-Deputat Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, li t-tnejn indirizzaw is-suġġett tal-inizjattiva tal-UE sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-HTA.

L-iskeda informattiva tispjega r-regolament il-ġdid propost tal-UE dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa

X’hemm ġdid fil-qasam tal-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA), x’inhuma l-benefiċċji tal-HTA u x’inhuma l-oqsma tal-kooperazzjoni dwar l-HTA? Din l-iskeda informattiva tipprovdi t-tweġibiet!

Links interessanti oħrajn