Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 213 - Fokus

Immexxu lill-Ewropa lejn futur aktar b'saħħtu billi nnaqqsu l-piż tal-mard li ma jitteħidx

Id-Deputat Direttur Ġenerali għs-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Martin Seychell iddiskuta l-Grupp ta’ Tmexxija li jippresiedi dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni ta’ Mard li ma Jitteħidx.

X’inhu l-Grupp ta’ Tmexxija, u għaliex ġie stabbilit?

Il-Grupp ta’ Tmexxija hu magħmul minn rappreżentanti mill-ministeri tas-saħħa mill-Istati Membri, in-Norveġja u l-Iżlanda, u mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment li jaħdmu flimkien biex jipprijoritizzaw il-politiki u l-interventi li għandhom il-potenzjal li jħallu impatt fuq il-ħajja ta’ ħafna nies. Ir-rappreżentanti mill-pajjiżi ta’ adeżjoni u dawk kandidati wkoll se jkunu jistgħu jattendu bħala osservaturi.

Il-Grupp ta’ Tmexxija hu parti minn approċċ ġdid biex jiġu massimizzati l-isforzi konġunti mal-Istati Membri tal-UE biex nilħqu l-miri volontarji għall-mard li ma jitteħidx tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sal-2025, u l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti għat-tnaqqis tal-mard li ma jitteħidx sal-2030.

X’inkiseb s’issa?

Il-Grupp ta’ Tmexxija ġie stabbilit l-ewwel darba f’Novembru 2016 u issa qed jiġi elevat għall-istatus ta’ Grupp ta' Esperti. Filfatt, se jkun il-Grupp ta’ Esperti għat-tmexxija tal-promozzjoni u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-mard li ma jitteħidx, u se jissostittwixxi gruppi tal-esperti speċifiċi skont il-marda bħal dawk għall-kanċer, il-mard rari u s-saħħa mentali. Is-simplifikazzjoni tal-attivitajiet tagħna se tiffranka l-ħin, l-isforz u l-flus.

Fl-2017, il-Grupp ta’ Tmexxija għażel l-ewwel sett tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-mard li ma jitteħidx, li l-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jiffinanzjawhom jekk jagħżlu li jimplimentawhom. B'mod speċifiku, dawn ikkonċernaw l-attività fiżika bir-riċetta, is-saħħa kardjo għal min għandu aktar minn 50 sena, u t-taħriġ u l-assistenza teknika fl-iskrinjar tal-kanċer kolorettali. Il-Kummissjoni tiffinanzja dawn l-inizjattivi u oħrajn permezz tal-Programm tas-Saħħa jew permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament oħrajn flimkien ma’ servizzi tal-Kummissjoni oħrajn.

X’hemm maħsub għall-2018?

Fl-2018 immirajna l-fokus fuq in-nutrizzjoni u l-attività fiżika – li huma fil-bażi ta’ livell tajjeb tas-saħħa bħala l-prijoritajiet fost l-Istati Membri. F’Marzu, ospitajna “market place” f’Ispra, l-Italja, flimkien maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, fejn ġew ippreżentati l-aħjar prattiki fl-oqsma tan-nutrizzjoni u l-attività fiżika. B’riżultat ta’ dan, ġew magħżula diversi inizjattivi għal implimentazzjoni u finanzjament usa’.

Fosthom insibu proġetti għar-riformulazzjoni tal-elementi tal-ikel ta’ kuljum biex innaqqsu z-zokkrijiet, il-melħ u x-xaħam żejda u biex napplikaw restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol u l-ikel b’livell għoli ta’ xaħam, zokkor jew melħ speċifikament għat-tfal, pereżempju.

Dawn it-tipi ta’ inizjattivi jistgħu jiġu xxerjati u sottomessi lill-Grupp ta’ Tmexxija għall-kunsiderazzjoni permezz tal-portal ġdid fjamant għall-aħjar prattiki meta jitnieda aktar tard dan ix-xahar.

Servizzi tal-Kummissjoni oħrajn bħad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni wkoll jixtiequ jużaw lill-Grupp ta’ Tmexxija fuq livell ta’ konsultazzjoni għall-ħidma ta’ politika tagħhom. Reċentement, il-Bank Ewropew tal-Investiment staqsa dwar il-possibbiltà li jiltaqa’ mal-Grupp ta’ Tmexxija biex jiddiskuti l-ħtiġijiet tal-Istati Membri fir-rigward taċ-ċentri ta’ terapija proton.

Għaliex qed tingħata daqshekk attenzjoni lill-mard li ma jitteħidx?

Id-WHO tagħti stima li d-dijabete, il-mard kardjovaskulari, il-kanċer, il-mard respiratorju kroniku u d-diżabilitajiet mentali flimkien huma responsabbli għal 86% ta’ mwiet fir-Reġjun Ewropew u minn 70% sa 80% tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. Nutrizzjoni tajba u attività fiżika adegwata jnaqqsu bil-kbir ir-riskju li wieħed jiżviluppa mard li ma jitteħidx u huma elementi essenzjali mhux biss biex ikun hemm popolazzjoni b'saħħitha iżda għal UE b’saħħitha u li tħares 'il quddiem.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Mard li ma jitteħidx

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Prevenzjoni u l-Promozzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Mard li Ma Jitteħidx jiltaqa’ fi Brussell

Il-Kummissarju tas-Saħħa Andriukaitis tkellem fir-raba’ laqgħa tal-grupp fil-11 ta’ April 2018 u l-parteċipanti ntalbu jagħżlu r-rawnd tal-2018 tal-aħjar prattiki fil-qasam tan-nutrizzjoni u tal-attività fiżika, kif ukoll biex jiddiskutu ċ-ċentri tat-terapija proton fl-UE.

L-UE tniedi l-portal għall-aħjar prattiki

Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari qed iniedi portal li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati biex jissottomettu l-prattiki għall-evalwazzjoni. Dawk li jiġu vvalutati bħala “l-aħjar” se jiġu sottomessi għall-kunsiderazzjoni tal-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Prevenzjoni u l-Promozzjoni.

“Market Place” f’Ispra l-Italja jipprovdi opportunità ta’ tagħlim lill-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Prevenzjoni u l-Promozzjoni

L-avveniment, li sar fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2018, kien ospitat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u d-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni biex jipprovdi opportunitajiet ta’ tagħlim dwar l-aħjar prattiki possibbli dwar in-nutrizzjoni u l-attività fiżika.

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE għall-NGOs tal-2018 jiffoka fuq l-inizjattivi ta’ prevenzjoni tat-tabakk.

Il-Premju ta’ din is-sena jonora lill-NGOs li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tabakk, speċjalment billi jimpedixxu liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu u/jew jużaw forom oħrajn ta’ tabakk. L-NGOs li huma interessati jirbħu €20,000, €15,000 u €10,000 fi premijiet għandhom jissottomettu l-proġetti tagħhom sal-15 ta’ Ġunju.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Proġett iffinanzjat mill-UE jaħdem biex inaqqas il-morbidità u l-mortalità kardjometaboliċi fl-UE

Id-Determinanti tal-Implimentazzjoni b’Suċċess ta’ Prevenzjoni Selettiva tal-Mard Kardjometaboliku mal-Ewropa Kollha, jew l-SPIMEU, għandhom l-għan li jimmonitorjaw il-fattibilità tal-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni selettiva f’ħames Stati Membri tal-UE li jirrappreżentaw diversi sistemi tal-kura tas-saħħa.

Proġett ta’ Sptar li Jawtonomizza jrawwem il-prevenzjoni ta’ mard kroniku fiċ-ċirkustanzi tal-għoti tal-kura

Dan il-proġetti multiċentriku għandu l-għan li jrawwem interventi u ambjenti tal-promozzjoni tas-saħħa xierqa għall-prevenzjoni ta’ mard kroniku f’ċirkustanzi differenti tal-għoti tal-kura.

Proġett iffinanzjat mill-UE jgħin fit-tnaqqis tar-riskji tas-saħħa għall-persuni ta’ aktar minn 65 sena

Il-proġett ProHealth 65+ hu ffukat fuq il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa fost l-anzjani.

Azzjoni konġunta appoġġjata mill-UE timplimenta prattiki tajbin għall-mard kroniku

L-Azzjoni Konġunta Chrodis Plus tiġbor flimkien 42 sieħeb li jirrappreżentaw 21 pajjiż Ewropew biex jikkollaboraw fl-implimentazzjoni ta’ proġetti pilota u jiġġeneraw esperjenzi prattiċi ta’ tagħlim fil-qasam tal-mard kroniku.

Links interessanti oħrajn