Ejja nbidlu r-rotta fir-rigward tal-aċċettazzjoni u t-teħid tat-tilqim fl-UE
Il-tilqim hu wieħed mill-aktar miżuri tas-saħħa pubblika li huma b'saħħithom u kosteffikaċi żviluppati fis-seklu 20. Minkejja dan fl-Ewropa qed imutu n-nies minn mard infettiv bħall-ħosba u l-influwenza. Xavier Prats Monné, id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, jiddeskrivi l-bżonn għall-kooperazzjoni tal-UE u għal impenn kollettiv biex tiġi indirizzata din l-isfida tas-saħħa u tas-soċjetà.
In-nies insew il-benefiċċji kbar tat-tilqim?
Iva, naħseb li sirna kompjaċenti dwar it-tilqim fl-UE. Insejna li qabel ma kien jeżisti t-tilqim, ħafna tfal kienu jmutu jew jispiċċaw affettwati b'mod ħażin għal ħajjithom kollha. It-tilqim qered il-marda tal-ġidri li kkawżat tal-inqas tlett mitt miljun mewta fis-seklu 20 biss, u evita għadd bla tmiem ta’ mwiet minn mard bħall-ħosba, id-difterite u l-meninġite.
Minkejja dan, issa qed nesperjenzaw tifqigħat bla preċedent ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim f'diversi pajjiżi tal-UE u tal-viċinat. Bejn l-2016 u l-2017, il-każijiet tal-ħosba ttriplaw fl-UE, u fl-aħħar sentejn mietu aktar minn 50 persuna. Fir-rigward tal-influwenza staġjonali, il-kopertura tat-tilqim fil-grupp ta' età aktar anzjan għadu taħt sew il-mira ta’ 75% u l-ECDC tagħti stima ta’ 40,000 persuna fl-Ewropa li jmutu minħabba kumplikazzjonijiet tagħha.
Għalfejn għandna naħdmu flimkien biex nindirizzaw din il-problema?
Il-mard infettiv bħall-ħosba, id-difterite u l-influwenza mhumiex konfinati fi ħdan fruntieri nazzjonali, u dgħufija fl-immunizzazzjoni f’pajjiż tal-UE tpoġġi s-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha tal-UE f’riskju. Il-valur miżjud tal-UE fl-indirizzar tal-mard li jista’ jiġi evitat permezz tat-tilqim hu ċar. Biex nindirizzaw dawn l-isfidi komuni neħtieġu approċċi aktar koordinati, u sforz kollettiv mill-Kummissjoni u l-aġenziji tagħna, l-awtoritajiet nazzjonali, is-sħab tagħna fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u r-riċerka, kif ukoll is-soċjetà ċivili. F'dawn l-aħħar xhur rajna appoġġ qawwi minn dawk is-sħab kollha biex inżidu l-kooperazzjoni tagħna.
X’inhuma uħud minn dawn l-isfidi komuni?
L-ewwel nett, l-impatt tal-eżitazzjoni għat-tilqim fuq il-programmi tal-immunizzazzjoni huwa bla dubju ta’ tħassib. L-ideat żbaljati dwar it-tilqim waslu biex il-fokus pubbliku ma baqax fuq il-benefiċċji tiegħu, iżda mar fuq in-nuqqas ta’ fiduċja fix-xjenza u l-biża’ tal-effetti kollaterali possibbli. Dan il-punt ħareġ biċ-ċar matul il-konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta. In-nies għandhom mistoqsijiet leġittimi li mhumiex qed jiġu indirizzati b’mod xieraq, u n-nies sempliċiment m'għadhomx konxji mis-severità potenzjali ta’ xi mard li jista’ jiġi evitat permezz tat-tilqim.
Il-varjazzjoni tal-politiki u tal-iskedi tat-tilqim fil-pajjiżi tal-UE jwassal għal sfida addizzjonali. Dan jista’ jkun ostaklu partikolari għan-nies li jiċċaqilqu minn pajjiż tal-UE għal ieħor tul ħajjithom. Fatturi oħrajn jinkludu l-ostakli għall-aċċess għat-tilqim, nuqqasijiet fil-provvista tat-tilqim, u sfidi relatati mar-riċerka u l-iżvilupp għal tilqim ġdid u eżistenti.
X’qed tipproponi l-Kummissjoni għall-ġejjieni?
Il-Kummissjoni adottat proposta ambizzjuża biex tisfrutta sforz qawwi u kollettiv mal-UE kollha biex iżżid il-kopertura tat-tilqim u tiżgura li kulħadd ikollu aċċess għat-tilqim.
- Qed nitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali tat-tilqim sal-2020, li jinkludu mira ta’ mill-inqas kopertura tat-tilqim għall-ħosba ta’ 95%.
- Rakkomandazzjoni ewlenija biex nindirizzaw l-eżitazzjoni għat-tilqim hija li jkun tajjeb li l-Kummissjoni tiżviluppa portal web sal-2019 biex tindirizza t-tħassib ġenwin b’informazzjoni ċara, trasparenti u verifikata.
- Biex nindirizzaw il-programmi diverġenti tat-tilqim, irridu naħdmu flimkien biex nistabbilixxu linji gwida għal skeda ewlenija ta’ tilqim tal-UE sal-2020.
- Biex nindirizzaw l-inugwaljanzi fl-aċċess, jenħtieġ li noħolqu maħżen virtwali tad-data Ewropew tal-bżonnijiet u stokks tat-tilqim, u nimmiraw aħjar l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni biex jilħqu l-gruppi vulnerabbli.
Dawn huma xi uħud mir-rakkomandazzjonijiet biex niżguraw tilqim sostenibbli, ekwitabbli u effettiv mal-UE kollha. It-tilqim hu assi tas-saħħa pubblika li ebda pajjiż ma jista’ jserraħ rasu dwaru, u qed nafdaw fl-impenn tal-Istati Membri u s-sħab tagħna biex inwettqu l-għanijiet komuni tagħna.
Attivitajiet fil-livell tal-UE
|
Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari |
Aħbarijiet
|
Fis-26 ta’ April 2018, il-Kummissjoni ħarġet sett ta’ rakkomandazzjonijiet fid-dawl tat-tifqigħat ta’ mard li jista’ jiġi evitat u li jista’ jkun fatali minħabba tnaqqis fil-kopertura tat-tilqim, biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra din it-theddida għas-saħħa, kif ukoll filmat u skeda informattiva biex il-pubbliku ġenerali jkun infurmat aħjar. |
|
Fid-19 ta’ April 2018, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li, fost affarijiet oħra, enfasizzat il-fatt li t-tnaqqis tal-fiduċja pubblika fit-tilqim hu ta’ theddid serju għas-saħħa u talbet lill-Kummissjoni biex tindirizza l-isforzi tagħha lejn żieda fil-kopertura tat-tilqim. |
|
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Immunizzazzjoni 2018: it-tilqim hu dritt individwali u responsabbiltà maqsuma Il-Ġimgħa Ewropea tal-Immunizzazzjoni saret mit-23 sad-29 ta’ April 2018. Din l-inizjattiva annwali, li hi organizzata mir-Reġjun Ewropew tad-WHO, tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-immunizzazzjoni. |
|
Dr Simone Steil, kap tal-Mediċina ta’ Prevenzjoni fil-Ministeru tas-Saħħa tal-Lussemburgu, tippreżenta informazzjoni li faċli tinftiehem dwar it-tilqim f'dan il-filmat qasir li ssibu online għall-Ġimgħa Ewropea tal-Immunizzazzjoni. |
|
L-Akkademja Ewropea tal-Pedjatri wettqet Stħarriġ dwar il-Fiduċja fit-Tilqim mal-UE kollha L-istħarriġ, li qed jitwettaq b’kollaborazzjoni mal-Iskola tal-Iġjene u l-Mediċina Tropikali ta’ Londra, għandu l-għan li jivvaluta l-imġiba tal-ġenituri fir-rigward tal-immunizzazzjoni ta’ wliedhom u jesplora l-attitudnijiet u t-twemmin fir-rigward tas-sikurezza u l-effikaċja tat-tilqim. |
|
Il-ġurnal dwar l-ewrosorveljanza jiffoka fuq it-tilqim għall-Ġimgħa Ewropea tal-Immunizzazzjoni L-edizzjoni ta’ din il-ġimgħa tal-ġurnal dwar is-sorveljanza, l-epidemjoloġija, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard infettiv, fiha diversi artikli dwar it-tilqim |
|
Il-Panel tal-Esperti mitlub Opinjoni dwar il-programmi tat-tilqim u s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa Il-Panel tal-Esperti dwar Modi Effettivi għall-Investiment fis-Saħħa ġie mitlub janalizza l-informazzjoni dwar l-effettività u l-effiċjenza ta’ programmi tat-tilqim differenti. |