Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 218 - Fokus

Kwistjonijiet dwar is-Saħħa u dawk Soċjali – dejjem jidħlu f’xulxin, u issa ffinanzjati permezz tal-istess programm

Is-Sa Andriana Sukova, id-Deputat Direttur Ġenerali mid-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni tiddiskuti mas-Sur Martin Seychell, id-Deputat Direttur Ġenerali għas-saħħa mid-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari, il-proposta għar-Regolment tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Mejju 2018 bl-intenzjoni li jibni “Ewropa Soċjali” aktar reżiljenti u inklużiva għaċ-ċittadini kollha. Il-programm jinvesti fir-riżorsa l-aktar ta’ valur li għandha l-Ewropa – in-nies tagħha. Qabel, il-Fondi Soċjali Ewropej kienu jiffukaw primarjament fuq l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, il-ħiliet, u l-edukazzjoni, iżda l-“plus” jinkludi “Fergħa tas-Saħħa” li permezz tagħha se jkun hemm disponibbli EUR 413 miljun biex jintefqu fuq is-saħħa.

Għaliex il-baġit tas-saħħa issa hu parti minn strument ta’ finanzjament soċjali?

Is-Sa Sukova: Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jservi ta’ kumpass u qafas għall-investimenti tal-FSE+ ta’ wara l-2020 u jinkludi prinċipju dwar is-saħħa: kulħadd għandu d-dritt għal aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva u kurattiva ta' kwalità tajba. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet tas-saħħa u dawk soċjali huma relatati mill-qrib. L-istatus soċjoekonomiku hu l-fattur l-aktar importanti tas-saħħa – il-persuni b’livell baxx ta’ qliegħ u b’livelli baxxi tal-edukazzjoni għadhom, sal-ġurnata tal-lum, fl-akbar riskju ta’ problemi tas-saħħa. Element prinċipali tal-politiki tas-saħħa u soċjali hu li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi. Hekk kif l-istatus soċjali għandu impatt fuq is-saħħa, hekk is-saħħa tħalli impatt fuq kwistjonijiet soċjali bħall-impjiegi u l-familja u l-impenn fil-komunità u l-ekonomija.

Is-Sur Seychell: L-UE teħtieġ popolazzjoni attiva b'saħħitha li żżomm l-ekonomija soda u tibni għall-futur, u b’mod speċjali bl-isfida quddiemha ta’ popolazzjoni aktar avvanzata fl-età, il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa huma vitali biex niżguraw li s-sistemi tas-saħħa huma sostenibbli u mhux mgħakksa żżejjed fil-futur.

Is-Sa Sukova: Il-programm tas-saħħa ġie inkluż bħala fergħa tal-FSE+ biex jiżgura li, fejn dan ikun rilevanti, l-aspetti tas-saħħa jkunu indirizzati fl-infiq soċjali kollha, u vici-versa. Ovvjament, dan jirrifletti wkoll il-pożizzjoni ewlenija li tokkupa s-saħħa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

X’se jiġri lill-istrument ta’ finanzjament ewlieni ta’ qabel tal-Kummissjoni, il-Programm tas-Saħħa?

Is-Sur Seychell: Il-Programm tas-Saħħa ta’ qabel ġie integrat fil-FSE+ permezz ta’ baġit iddedikat ta’ EUR 413 miljun għall-fergħa tas-saħħa. L-implimentazzjoni tal-fergħa tas-saħħa se tibqa’ taħt l-awtorità unika tal-Kummissarju għas-Saħħa, u l-aspetti operazzjonali kollha se jkunu ġestiti mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari.

Is-Sa Sukova: Il-fergħa tas-saħħa se tiġi implimentata permezz tal-Programmi ta’ Ħidma wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri. Nippjanaw li l-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard se jkun “hub” ċentrali biex jiġu kkonsultati l-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-infiq fuq is-saħħa fil-FSE+ kif ukoll taħt il-programmi tal-Orizzont Ewropa (FP9) u tal-Ewropa Diġitali, biex l-awtoritajiet tas-saħħa jingħataw ħarsa ġenerali ħafna aħjar minn qatt qabel tal-infiq relatat mas-saħħa.

Dan ifisser li d-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari se jaħdem aktar mill-qrib ma’ DĠ oħra?

Is-Sur Seychell: Iva, u din il-kollaborazzjoni aktar mill-qrib hu dak li kellha f'moħħha l-Kummissjoni meta mxiet lejn l-approċċ “Is-Saħħa fil-Politiki kollha”. Hekk kif approċċ olistiku lejn il-mediċina jinvolvi ħarsa lejn dak kollu li jinfluwenza s-saħħa ta’ pazjent u mhux sintomu wieħed partikolari, l-approċċ tas-Saħħa fil-Politiki Kollha jħares lejn kif is-saħħa tħalli impatt u hi influwenzata minn fatturi oħrajn li huma r-responsabbiltà ta’ Direttorati Ġenerali oħrajn. Il-konnessjoni bejn ir-riċerka u s-saħħa tista’ tkun ovvja, iżda l-edukazzjoni, l-agrikoltura, l-investiment, l-opportunitajiet indaqs, l-ambjent u ħafna fatturi oħrajn jinfluwenzaw is-saħħa, u s-saħħa tħalli impatt kbir fuqhom. Fl-aħħar mill-aħħar, il-koordinazzjoni aktar mill-qrib u l-konsistenza se timmassimizza l-impatt tal-azzjonijiet tal-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

ll-politiki tas-saħħa fil-baġit tal-futur tal-UE (2021-2027)

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Il-Programm tas-Saħħa tal-UE

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel

Il-Fond Soċjali Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea – Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni

Aħbarijiet

Se jkun hemm appoġġ qawwi għas-saħħa fil-baġit tal-futur tal-UE (2021-2027)

Il-Kummissjoni adottat proposti leġiżlattivi għall-fondi u l-programmi settorjali, inkluż il-Programm tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali il-ġdid. Il-Programm Orizzont Ewropa, il-Programmi Ewropa Diġitali u l-Fond InvestEU.

Skeda informattiva li tispjega kif il-politiki tas-saħħa se jirċievu l-finanzjament mill-UE permezz ta’ mekkaniżmi varji.

Ir-riżorsi relatati mas-saħħa se jkunu parti mill-baġit ta’ diversi oqsma prijoritarji: il-protezzjoni soċjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà, il-koeżjoni u r-responsabbiltà globali. Din l-iskeda informattiva tgħin biex suġġett kumpless jinftiehem aktar faċilment.

Il-Fond Soċjali Ewropew il-ġdid jinkludi s-Saħħa u se jrawwem kooperazzjoni eqreb fuq l-investimenti kollha relatati mas-saħħa.

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus il-ġdid, li jiswa EUR 101.2 biljun, hu strument finanzjarju orjentat lejn il-Pilastru Soċjali Ewropew u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, b’rabta ċara mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tas-Semestru Ewropew.

Aqra l-preżentazzjonijiet kollha mis-Seminar “Il-finanzjament tal-kura integrata u l-ġestjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni”

L-avveniment tat-22 ta’ Mejju 2018 kien organizzat mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni, il-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Kura Integrata, l-Istitut Nazzjonali Olandiż għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent u l-Campus taċ-Ċentru Mediku tal-Università ta’ Leiden, l-Aja.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Ministru tas-Saħħa tal-Lussemburgu indirizzaw id-Djalogu taċ-Ċittadini “L-UE, Saħħtek u Inti” li sar fil-Lussemburgu

Il-Kummissarju Andriukatis u l-Ministru Lydia Mutsch wieġbu mistoqsijiet mill-pubbliku, inkluża waħda dwar il-qafas ta’ finanzjament il-ġdid għas-saħħa, f’dan l-avveniment li fih ipparteċipaw ħafna nies li sar fil-21 ta’ Ġunju 2018. Aqra s-sommarju u ara l-filmat hawnhekk.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Il-Programm tas-Saħħa inkluż fil-Fond Soċjali Ewropew Plus

Il-Programm tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea, implimentat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel, issa se jkun inkorporat bħala fergħa ddedikata apposta tal-Programm tal-Fond Soċjali Ewropew Plus.

Links interessanti oħrajn