Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 228 - Fokus

Iċ-ċittadini tal-UE qegħdin igawdu mill-benefiċċji tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali?

Andrzej Rys, id-Direttur responsabbli għas-sistemi tas-saħħa, il-prodotti mediċi u l-innovazzjoni, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, il-Kummissjoni Ewropea, jgħid li d-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali żiedet il-kooperazzjoni bejn is-sistemi tas-saħħa u ċċarat id-drittijiet tal-pazjenti meta jirċievu kura tas-saħħa f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Billi l-leġiżlazzjoni għandha impatt ċar fuq iċ-ċittadini tal-UE, din għandha tkun magħrufa aħjar.

X’inhuma l-lezzjonijiet li tgħallimna minn dan ir-Rapport triennali tal-Kummissjoni?

Meta wieħed jitkellem dwar dak li tgħallimna, mhix kwistjoni li n-nies jitħeġġu biex jinvolvu ruħhom fit- “turiżmu mediku”, iżda li l-pazjenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fl-aċċess tagħhom għall-aqwa għarfien espert u t-trattament l-aktar xieraq disponibbli, anke jekk dan ma jkunx disponibbli mingħajr dewmien żejjed f'pajjiżhom stess.

X’kien s’issa l-impatt tad-Direttiva?

Id-Direttiva tejbet iċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali għall-pazjenti transkonfinali kif ukoll għall-pazjenti domestiċi dwar drittijiethom. Din iċ-ċertezza legali msaħħa għenet mhux biss lill-pazjenti nfushom, iżda wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tagħhom.

Din id-Direttiva ppermettiet ukoll li l-Istati Membri jingħaqdu flimkien f’kooperazzjoni u f’koeżjoni volontarji bejn ir-reġjuni tal-fruntiera u jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa elettronika u n-Networks Ewropej ta’ Referenza għall-mard rari u kumpless. L-24 Network Ewropew ta’ Referenza li tnedew f’Vilnius f’Marzu 2017 se jippermettu titjib fid-dijanjosi, fit-trattament u fil-ġestjoni tal-mard rari, filwaqt li l-kooperazzjoni u l-ġbir flimkien tar-riżorsi se jwittu t-triq għal skoperti fir-riċerka. Sar progress sinifikanti, u ninsab kuntent li n-Networks Ewropej ta’ Referenza huma eżempju konkret ħafna tal-valur miżjud tal-UE u tal-benefiċċji li l-Ewropa tista’ tiggwadanja meta nagħżlu li naħdmu flimkien f’linji tematiċi minflok naħdmu individwalment jew b’mod kompartamentalizzat.

Liema huma l-istadji li jmiss?

Il-konformità u l-verifiki tal-konformità u d-djalogi mal-Istati Membri se jkomplu matul il-perjodu ta’ rappurtar li jmiss u se jsir aktar użu mid-data dwar il-mobilità. L-Implimentazzjoni xierqa tal-Acquis tal-UE, b’mod partikolari fis-saħħa, hu proċess li għadu għaddej u għad baqa’ ħafna xi jsir. L-għarfien taċ-ċittadini tad-drittijiet tagħhom u tad-Direttiva għadhom sfida. Ġew stabbiliti Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali biex jinfurmaw liċ-ċittadini, iżda ċ-ċittadini mhux dejjem ikunu jafu dwarhom.

Il-flussi transkonfinali tal-pazjenti qed juru xejra stabbli, l-aktar minħabba l-prossimità ġeografika jew kulturali. B’mod ġenerali, il-mobilità tal-pazjenti u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha fl-UE għadhom relattivament baxxi u d-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali ma rriżultatx f’impatt baġitarju kbir fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa. Fil-futur, nixtieq nenfasizza b’mod aktar l-interkonnessjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħna, fil-qafas tal-iżvilupp dejjem aktar mgħaġġel tas-saħħa elettronika.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Kura tas-saħħa transfruntiera

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali: prova li tiċċara u tiggarantixxi d-drittijiet tal-pazjenti

Mill-adozzjoni tad-Direttiva ‘l hawn, ma kien hemm bżonn ta’ ebda deċiżjoni ulterjuri tal-qorti Ewropea biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-kura tas-saħħa transkonfinali, u l-pazjenti huma dejjem aktar konxji ta’ dawn id-drittijiet. Madankollu, il-mobilità tal-pazjenti u d-dimensjonijiet finanzjarji tagħha fl-UE jibqgħu relattivament baxxi.

Aqra r-rapport tal-UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali.

Il-mobilità transkonfinali tal-pazjenti fl-UE turi xejra ta’ żieda żgħira matul l-aħħar tliet snin minn meta ġiet implimentata d-Direttiva 2011/24/UE. Aqra aktar dwar kif id-Direttiva kellha impatt f’dan ir-rapport, disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE.

L-iskeda informattiva twieġeb mistoqsijiet dwar il-mudell tan-Networks Ewropej ta’ Referenza b’rabta mal-kura tas-saħħa transkonfinali tal-UE

L-iskeda informattiva l-ġdida, l-Applikazzjoni tal-mudell ERN fil-kooperazzjoni Ewropea dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, ġiet ippubblikata fl-10 ta’ Diċembru 2018.

Studju dwar is-servizzi tas-saħħa transkonfinali juri li l-pazjenti għandhom aċċess aħjar għall-informazzjoni, iżda hemm bżonn ta’ aktar ħidma

L-istudju sab li s-siti web tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCP) tjiebu, iżda li għandha tingħata aktar data dwar id-drittijiet tal-pazjenti, l-istandards tal-kwalità u tas-sikurezza u r-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transkonfinali. L-istudju rriżulta wkoll f’sett ta’ għodod u ta’ materjal ta’ taħriġ għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali.

Id-data tal-Istati Membri dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali tagħti ħarsa ġenerali lejn il-mobilità tal-pazjenti

Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn id-data dwar il-mobilità tal-pazjenti fis-sena ta’ rappurtar 2016, miġbura bejn Lulju u Novembru 2017 u l-indirizzar ta’ trattament ipprovdut b’Awtorizzazzjoni Minn Qabel mill-Istat Membru fejn il-pazjent ikollu assigurazzjoni, kif ukoll it-trattament fejn l-awtorizzazzjoni minn qabel mhux meħtieġa.

L-akbar għaxar żbalji li l-pazjenti jagħmlu fil-kura tas-saħħa transkonfinali — u kif nevitawhom!

Kull ċittadin tal-UE/ŻEE għandu d-dritt li jirċievi s-servizzi tas-saħħa pubbliċi jew privati fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein jew fin-Norveġja, u li jiġi rimborżat totalment jew parzjalment. Iżda l-pazjenti jeħtieġ li l-ewwel ikunu jafu kif jevitaw li jagħmlu l-iżbalji deskritti fil-qosor f’dan il-fuljett!

Avviż tal-Ivvjaġġar marbut mal-Kura tas-Saħħa Transkonfinali bejn l-UE u r-Renju Unit

Avviż dwar l-ivvjaġġar bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Network Ewropew ta’ Referenza tal-Kanċer Pedjatriku

Il-missjoni tal-EERN-PAEDCAN hija li ttejjeb l-eżiti tal-kanċer tat-tfal u tal-mard ematoloġiku malinn billi tnaqqas l-inugwaljanzi attwali fi Stati Membri differenti.

SIEĦEB ERN-PAEDCAN: Network dwar Tumuri Pedjatriċi Rari - Reġistru Ewropew

F’erba’ pajjiżi Ewropej jeżistu reġistri nazzjonali li jiġbru data epidemjoloġika, klinika u tat-trattament tat-tfal u l-adolexxenti b’tumuri rari ħafna. Dan il-proġett għandu l-għan li jgħaqqad dawn ir-reġistri permezz ta’ Reġistru Ewropew ta’ tumuri rari pedjatriċi u jappoġġja l-ERN PAEDCAN.

Network Ewropew dwar Mard Rari dwar Disturbi Rari u Mhux Dijanjostikati tal-Ġilda — Ftehim Qafas ta’ Sħubija

L-ERN-Skin għandu l-għan li jtejjeb il-ġestjoni ta’ livell għoli tal-pazjent għal mard tal-ġilda li huwa rari, kumpless u mhux dijanjostikat, billi jtejjeb il-kwalità, is-sikurezza u l-aċċess għall-kura tas-saħħa speċjalizzata ħafna. Dan il-mard spiss jiġi djanjostikat ħażin u jinftiehem ħażin.

Links interessanti oħrajn