Skip to main content
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 229 - Fokus

Il-Komunità medika hija mħeġġa biex titkellem dwar rabtiet bejn it-tniġġis tal-arja u s-saħħa

Veronica Manfredi, id-Direttriċi tad-Direttorat għall-Kwalità tal-Ħajja fid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, titkellem dwar miżuri tal-UE biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa, kwistjoni fiċ-ċentru tal-attenzjoni globali.

Kemm hi kbira l-problema tat-tniġġis tal-arja fl-UE? Din hi prinċipalemnt problema xi mkien ieħor?

Fl-Indja, it-tobba qed isibu adoloxxenti fi New Delhi b’pulmuni suwed u danneġġjati daqs dawk ta' nies ta’ 70 sena fis-snin tmenin. Iva, dan fl-Indja u aħna xxurtjati li fl-UE għandna leġiżlazzjoni li tistabbilixxi limiti legali dwar it-tniġġis tal-arja, iżda minkejja dan, aktar minn 130 belt tal-UE ma jissodisfawx dawn l-istandards kollha u f’xi każijiet, matul l-eqqel perjodi t-tniġġis tal-arja fiż-żoni urbani jista’ jilħaq l-istess livelli bħal fi New Delhi.

It-tniġġis tal-arja huwa problema globali. L-estimi tad-WHO jikkalkulaw li hemm aktar minn 4.2 miljun mewta prematura kull sena globalment minħabba t-tniġġis fl-arja aperta; u għall-Ewropa, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dan in-numru jaqbeż 400,000 mewta prematura kull sena – speċjalment minħabba materja partikolata, id-diossidu tan-nitroġenu u l-ożonu.

X’għamlet s’issa l-UE biex tindirizza t-tniġġis tal-arja?

Għandna leġiżlazzjoni li tistabbilixxi miri komuni dwar il-kwalità tal-arja, timpenja ruħha għal-limiti tal-emissjonijiet fil-livell nazzjonali, u tistabbilixxi standards għal sorsi ewlenin ta’ tniġġis. U nipprovdu finanzjament biex nappoġġjaw miżuri dwar il-kwalità tal-arja. Taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, pereżempju, ġew allokati 1.8 biljun Euro għal dan għall-perjodu 2014-2020. Ma’ dan hemm finanzjament ieħor li jista’ jkun ta’ benefiċċju indirett għall-kwalità tal-arja, bħall-investiment ta’ 45 biljun euro fl-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju.

Il-finanzjament huwa inċentiv – huwa l-karrotta provverbjali, iżda għandna wkoll bastun. Nistgħu u fil-fatt nieħdu azzjoni legali biex ninfurzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, u każijiet ta’ ksur jistgħu jispiċċaw quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Bħalissa ninsabu mħassbin ħafna dwar 30 każ f’20 Stat Membru fejn il-limiti legali għall-materja partikolata, id-diossidu tan-nitroġenu jew id-diossidu tal-kubrit jinqabżu b’mod persistenti.

Huwa importanti li niftakru, madankollu, li l-azzjoni legali hija sempliċiment mezz biex tinkiseb il-konformità – hemm modi oħrajn. Aħna niffaċilitaw ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki: pereżempju, stabbilixxejna jew ninsabu attivi f’diversi networks rilevanti u norganizzaw Djalogi dwar l-Arja Nadifa u Djalogi għal Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali mal-Istati Membri.

X’miżuri oħra jistgħu jittieħdu?

Jeħtieġ li naraw kif inkomplu nnaqsu l-emissjonijiet fis-setturi ekonomiċi kollha, kemm fl-industrija, it-trasport, it-tisħin residenzjali kif ukoll fl-agrikoltura. Għall-agrikoltura, jeħtieġ li nnaqqsu l-użu tal-ammonja u n-nitrati fil-fertilizzanti – u b’hekk innaqqsu t-tniġġis kemm tal-arja kif ukoll tal-ilma.

Wasal iż-żmien li nilħqu l-istandards tal-UE dwar il-kwalità tal-arja fl-Unjoni Ewropea kollha. U jeħtieġ li ntejbu l-kwalità tal-arja ta’ barra b’mod sinifikanti lil hinn minn dan, u nersqu eqreb lejn il-livelli rakkomandati mid-WHO.

Is-sitwazzjoni tidher gravi ħafna. Hemm xi aħbar tajba?

Iva, hemm aħbarijiet tajbin: nafu li l-politika dwar l-Arja Nadifa taħdem! Bis-saħħa ta’ sforzi konġunti mill-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, it-tniġġis tal-arja fl-UE naqas f’dawn l-aħħar deċennji. L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja naqsu wkoll b’mod sinifikanti, anki matul perjodu ta’ tkabbir ekonomiku qawwi kontinwu. Ninsabu fit-triq it-tajba iżda għad fadal ħafna xi jsir. L-għan tagħna huwa li nnaqqsu nofs l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja sal-2030 bl-impenji nazzjonali għat-tnaqqis minquxa fil-liġi tal-UE, u b’hekk jitnaqqsu wkoll l-impatti fuq is-saħħa bin-nofs meta mqabbla mal-2005.

Biex jintlaħaq dan il-għan jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti issa. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw pjanijiet ambizzjużi u jimplimentawhom bis-sħiħ, u jirrikjedi l-appoġġ u l-impenn sħiħ tal-komunità medika.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

L-Ambjent

Il-Kummissjoni Ewropea – L-Ambjent

Arja Nadifa

Il-Kummissjoni Ewropea – L-Ambjent

Il-Programm LIFE

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Impriżi Żgħar u Medji

Aħbarijiet

Il-baġit tal-UE: il-Kummissjoni tipproponi żieda fil-finanzjament b’appoġġ għall-ambjent u l-azzjoni klimatika

Għall-baġit ta’ terminu twil li jmiss tal-UE għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni qed tipproponi żieda fil-finanzjament bi kważi 60% għall-programm LIFE, il-programm tal-UE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika.

Il-Programm LIFE: l-Istati Membri se jibbenefikaw minn investimenti ta’ kwart ta’ biljun euro fl-ambjent, in-natura u l-azzjoni klimatika

Il-Kummissjoni Ewropea approvat pakkett ta’ investiment ta’ €243 miljun għal proġetti taħt il-programm LIFE b’appoġġ għan-natura, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja fit-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn futur aktar sostenibbli u b’livell baxx ta’ karbonju.

Xewqat sbieħ għas-Sena l-Ġdida - dawk li jfasslu l-politika staqsew dak li jixtiequ minn LIFE

Fil-bidu tas-Sena l-Ġdida, dawk li jfasslu l-politika li jappoġġjaw u jgħinu fl-iżvilupp tal-programm LIFE tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent (inkluż id-Direttur tal-Kwalità ta’ Life Veronica Manfredi) ġew mistoqsija x’jixtiequ għall-programm.

Limiti ambizzjużi tal-emissjonijiet għall-impjanti tal-enerġija jirriżultaw fi tnaqqis sinifikanti tat-tniġġis fl-UE

Skont analiżi ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-iffissar ta’ limiti ta’ emissjonijiet stretti iżda realistiċi għas-settur tal-enerġija jista’ jnaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanzi ewlenin li jniġġsu b’79-91% sal-2030.

Kemm hi tajba l-kwalità tal-arja?

L-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Arja jippermettilek tidentifika pajjiżek u tivverifika l-kwalità tal-arja kif kienet 6 sa 48 siegħa ilu.

L-istandards tal-UE dwar il-kwalità tal-arja disponibbli online

L-UE żviluppat korp estensiv ta’ leġiżlazzjoni li jistabbilixxi standards u għanijiet ibbażati fuq is-saħħa għal numru ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja, kif spjegat fil-qosor hawn.

Liema huma l-miżuri tal-UE disponibbli biex jgħinu lill-Istati Membri jiġġieldu kontra t-tniġġis tal-arja?

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd", li tiddeskrivi l-miżuri disponibbli biex jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jnaqqsu t-tniġġis tal-arja.

X’leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea teżisti dwar it-tniġġis tal-arja?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, it-tniġġis tal-atmosfera, il-vetturi bil-mutur tal-art u vetturi oħra hija disponibbli online. Taħt “kwalità tal-arja” ssib id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.

Ara l-filmat ta’ YouTube dwar il-Programm Ewropew ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2020

9 minn 10 persuni madwar id-dinja jieħdu n-nifs b'arja mniġġsa, iżda aktar pajjiżi qed jieħdu azzjoni

Il-livelli tat-tniġġis tal-arja għadhom għoljin b’mod perikoluż f’ħafna partijiet tad-dinja. Data ġdida mid-WHO turi li 9 minn 10 persuni jieħdu nifs b'arja li fiha livelli għoljin ta’ sustanzi li jniġġsu.

Aktar minn 90% tat-tfal fid-dinja jieħdu n-nifs b'arja tossika kuljum

93% tat-tfal fid-dinja taħt l-età ta’ 15-il sena (1.8 biljun tifel u tifla) jieħdu n-nifs b'arja mniġġsa li tqiegħed f’periklu s-saħħa u l-iżvilupp tagħhom. Id-WHO tistima li fl-2016, 600,000 tifel u tifla mietu minħabba infezzjonijiet respiratorji akuti kkawżati minn arja mniġġsa.

Il-Forum dwar l-Arja Nadifa tal-UE li jmiss se jsir f’Novembru 2019

Il-Kummissjoni qed torganizza, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Ministeru tal-Ambjent tar-Repubblika Slovakka, it-tieni Forum tal-UE dwar l-Arja Nadifa fi Bratislava. Dan il-Forum se jiffoka fuq il-kwalità tal-arja u l-enerġija; il-kwalità tal-arja u l-agrikoltura; u mekkaniżmi ta’ finanzjament għal arja nadifa.

Il-Ġimgħa tal-UE għall-Enerġija Sostenibbli, il-Konferenza dwar il-Politika u l-Premjijiet għall-Enerġija Sostenibbli se jsiru f’Ġunju li ġej fi Brussell

Id-dati ta’ skadenza għall-ospitar ta’ sessjoni jew għal attività ta’ networking qed joqorbu, dan ix-xahar u li jmiss. Ikkonsulta l-linji gwida u applika għall-Premjijiet sal-11 ta’ Frar!

Links interessanti oħrajn

Il-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa – ir-Rapport tal-2018

L-Atlas Urban PM2.5: il-kwalità tal-arja fl-ibliet Ewropej

L-ewwel Konferenza Globali tad-WHO dwar it-Tniġġis tal-Arja u s-Saħħa – 30 ta’ Ottubru – 1 ta’ Novembru 2018

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa - It-Tniġġis tal-Arja

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent – It-Tniġġis tal-Arja