Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 232 - Taħt il-lenti

Dwar din il-kwistjoni: Id-data farmaċewtika tal-EURIPID tagħmel l-ippjanar tal-kura tas-saħħa aktar faċli u ttejjeb l-aċċess għall-mediċini

Helga Festøy, Kap tal-Unità, Użu Sikur, fl-Aġenzija Norveġiża tal-Mediċini titkellem dwar żvilupp ġdid fil-kollaborazzjoni tal-EURIPID, li tgħin biex l-informazzjoni dwar il-farmaċewtiċi tkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u tagħmilha aktar faċli għalihom biex jikkontrollaw l-ispejjeż.

X’inhi l-Kollaborazzjoni tal-EURIPID?

Il-Kollaborazzjoni tal-EURIPID hija impriża volontarja mingħajr skop ta’ qligħ, magħmula prinċipalment minn awtoritajiet Ewropej inkarigati mill-ipprezzar u r-rimborż tal-prodotti farmaċewtiċi. Bdiet fl-2010 bil-għan li żżid it-trasparenza tal-ipprezzar permezz tal-iskambju reċiproku tal-informazzjoni u bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Ewropej tal-ipprezzar u tar-rimborż biex jittejjeb l-aċċess tal-pazjenti Ewropej għall-farmaċewtiċi.

X’hemm ġdid dwarha u x’inhuma l-pjanijiet għal din is-sena?

Il-proġett inizjali tal-2010 wassal għall-iżvilupp ta’ sit web u bażi ta’ data b’informazzjoni aġġornata dwar il-prezzijiet tal-farmaċewtiċi rimborżabbli kollha mill-parteċipanti. Imbagħad, taħt il-programm tas-Saħħa, il-bażi tad-data tal-EURIPID se tiġi żviluppata aktar, pereżempju b’informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ tal-farmaċewtiċi. Il-proġett għandu l-għan ukoll li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati tas-settur farmaċewtiku sabiex tiżdied it-trasparenza u jittejjeb l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini.

Qed nippjanaw ukoll li nxerrdu aktar ir-riżultati ta’ proġetti preċedenti f’kuntesti nazzjonali. Se jitqassam Dokument ta’ Gwida dwar ir-referenzjar tal-prezzijiet esterni. Se nkomplu l-kollaborazzjoni u l-assistenza teknika għall-utenti tal-EURIPID u se nistabbilixxu pjattaforma ta’ djalogu ġdida mal-partijiet ikkonċernati ewlenin.

Għaliex hemm bżonnha xi ħaġa bħal din?

Kwalunkwe pajjiż żviluppat b’sistema pubblika tal-assigurazzjoni tas-saħħa jew tas-sigurtà soċjali fis-seħħ jeħtieġ li jikkontrolla l-ipprezzar biex il-mediċini jsiru affordabbli u aċċessibbli għall-pubbliku. Jekk tgħix f’pajjiż bi pprezzar ta’ parti terza, il-mediċini jiġu rimborżati mis-sigurtà soċjali. Għalhekk, mhux il-pazjenti u t-tobba li jħallsu, iżda dawk li jħallsu t-taxxa. Ovvjament huwa aktar faċli li jsir tqabbil tal-prezzijiet jekk ikollok din it-tip ta’ data, u permezz tad-data tal-EURIPID, il-pajjiżi jistgħu jippreparaw aħjar għal kopertura tal-aċċessibbiltà/tas-sigurtà soċjali, l-ippjanar tas-saħħa u l-ħtiġijiet tal-baġit. Ir-riċerkaturi wkoll jistgħu jaraw jekk hemmx lakuni fl-għarfien u jfittxu soluzzjonijiet.

Min jipparteċipa fil-EURIPID?

L-esperti tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea għandhom aċċess għall-bażi tad-data. Biex ikollhom aċċess għall-bażi tad-data tal-EURIPID, il-pajjiżi jridu jkunu lesti li jaqsmu d-data tagħhom stess. Ir-riċerkaturi jista’ jkollhom aċċess ukoll għal data fuq bażi ad hoc. In-Norveġja kienet favur il-EURIPID sa mill-bidu u hemm l-awtoritajiet kompetenti ta’ 25-il pajjiż ieħor li ngħaqdu magħna. Naħseb li hu fl-interess ta’ kulħadd li l-prezzijiet farmaċewtiċi jkunu ġusti u li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod trasparenti, u naturalment, in-nies jeħtieġ li jkunu jafu li jistgħu jiksbu l-mediċini li jeħtieġu fl-ispiżeriji lokali tagħhom u jiġu rimborżati għalihom.

Fl-Aġenzija Norveġiża tal-Mediċini, aħna nevalwaw mill-ġdid il-prezzijiet ta’ farmaċewtiċi ta’ madwar 70% tas-suq fuq bażi annwali. Peress li għandna l-munita tagħna, li tista’ tvarja ħafna kontra l-Euro, l-evalwazzjoni mill-ġdid tgħin biex iżżomm il-prezzijiet f’livell xieraq – jew billi jogħlew jew billi jonqsu. Id-data disponibbli permezz tal-EURIPID żgur li tagħmel din l-evalwazzjoni mill-ġdid aktar faċli, iżda tgħin ukoll lill-pazjenti biex ikunu jifilħu jixtru u jiksbu l-mediċini li jeħtieġu.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

L-użu kosteffettiv tal-mediċini

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Il-laqgħa ta’ tnedija tal-Pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati tal-EURIPID se ssir fl-10 ta’ April 2019

Skont il-finanzjament il-ġdid tal-Programm tas-Saħħa tal-UE, il-Kollaborazzjoni tal-EURIPID se tistabbilixxi pjattaforma ta’ djalogu ġdida mal-partijiet ikkonċernati ewlenin u partijiet interessati oħra, inklużi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, id-WHO u l-Istati Membri tal-UE.

Il-Kummissjoni tippubblika r-Rapporti tal-Pajjiżi tas-Semestru Ewropew 2019

Ippubblikata fis-27 ta’ Frar, il-Komunikazzjoni speċifikament tinnota li r-riformi tas-sistemi tas-saħħa qed jimmiraw lejn effettività, aċċessibbiltà u reżiljenza akbar. Ħafna Stati Membri qed jagħmlu sforzi biex jiffokaw mill-ġdid is-sistemi tas-saħħa lejn il-kura preventiva.

Il-Kummissjoni tadotta rapport dwar l-infurzar tal-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku

Ir-rapport, li ġie adottat f’Jannar, jikkonferma li s-settur farmaċewtiku jeħtieġ skrutinju mill-qrib tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u jipprovdi firxa ta’ eżempji dwar kif l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni jgħin speċifikament biex jissalvagwardja l-aċċess tal-pazjenti tal-UE għal mediċini innovattivi u affordabbli.

Il-EURIPID jippubblika Rakkomandazzjonijiet dwar l-Ipprezzar ta’ Referenza Estern

Il-Kollaborazzjoni tal-EURIPID ippubblikat id-Dokument ta’ Gwida Teknika dwar l-Ipprezzar ta’ Referenza Estern (ERP) biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jevitaw/itaffu kwalunkwe impatt negattiv potenzjali tal-ERP fuq l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini.

Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018 il-fatturi ewlenin tal-ispejjeż mhux demografiċi, bħat-teknoloġija tas-saħħa, jistgħu jgħollu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa

Ir-rapport jikkonkludi li l-fatturi mhux demografiċi se jkunu wieħed mill-fatturi ewlenin tal-infiq fuq is-saħħa, jekk ix-xejriet tal-passat jippersistu u jiddikjara li l-innovazzjonijiet fit-teknoloġija medika ġeneralment jitqiesu bħala l-fattur ewlieni tal-infiq tal-kura tas-saħħa.

Avveniment mhux ta’ min jitilfu: Ir-4 Konferenza tad-WHO dwar l-Ipprezzar u r-Rimborż tal-Prodotti Farmaċewtiċi li se ssir bejn it-23 u l-24 ta’ Ottubru 2019

Il-Konferenza intitolata “Medicines access challenge – The value of pricing and repayment policies” se ssir fi Vjenna u qed tiġi organizzata miċ-Ċentru ta’ Kollaborazzjoni tad-WHO għall-Politiki tal-Ipprezzar u r-Rimborż tal-Prodotti Farmaċewtiċi.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Il-Programm tas-Saħħa jiffinanzja l-ħidma tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi fuq l-aċċess sostenibbli għall-farmaċewtiċi

Bl-appoġġ finanzjarju tal-Programm tas-Saħħa tal-UE, l-OECD wettqet diversi proġetti biex tkompli tidentifika modi biex tagħmel in-nefqa farmaċewtika aktar effiċjenti u biex tħejji aħjar għall-bidliet fis-suq.

Links interessanti oħrajn

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza

L-UE ħolqot qafas proċedurali komuni permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza biex tiżgura li d-deċiżjonijiet nazzjonali dwar l-ipprezzar u r-rimborż isiru b’mod trasparenti u ma jfixklux il-funzjonament tas-Suq Intern.

L-Opinjoni dwar mudelli ta’ ħlas innovattivi għal mediċini innovattivi bi prezz għoli

Din l-Opinjoni ġiet ippreżentata mill-Bord ta’ Esperti indipendenti dwar modi effettivi ta’ investiment fis-saħħa.