Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 238 - Fokus

L-artikli editorjali għal din il-ħarġa tħejjew mid-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW) tal-Kummissjoni Ewropea. Id-DĠ GROW jimmaniġġja bażi ta’ data ta’ ingredjenti kożmetiċi u l-Portal għan-Notifikazzjoni tal-Prodotti Kożmetiċi, u meta jkun meħtieġ, jagħti mandat lill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur biex jipprovdi valutazzjoni tar-riskju dwar l-ingredjenti kożmetiċi.

Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur għandu rwol vitali fil-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni dwar l-Interferenti Endokrinali

Biex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, ir-regolamentazzjoni tal-prodotti kożmetiċi (ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009) tistabbilixxi sistema ta’ restrizzjonijiet u projbizzjonijiet tal-użu ta’ ċerti sustanzi fil-kożmetiċi abbażi ta’ valutazzjoni xjentifika tar-riskju mwettqa mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS).

Tħassib xjentifiku dwar il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta’ sustanzi użati fi prodotti kożmetiċi huma, bħal sustanzi oħra ta’ tħassib għas-saħħa tal-bniedem, indirizzati fil-valutazzjoni tar-riskju tal-SCCS. L-interferenti endokrinali huma sustanzi kimiċi li jistgħu jbiddlu l-funzjonament tas-sistema (ormonali) endokrinali u, b’konsegwenza, jaffettwaw ħażin is-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali.

Ħarġu konklużjonijiet dwar jekk l-attivitajiet tas-sistema endokrinali/ormonali humiex marbuta mal-punt tat-tmiem kritiku għall-valutazzjoni tas-sikurezza ta’ dawn is-sustanzi għall-konsumaturi, inklużi l-gruppi vulnerabbli bħat-tfal meta applikabbli.

Fis-7 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 dwar il-prodotti kożmetiċi fir-rigward tas-sustanzi bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali. Ir-rapport evalwa kif is-sustanzi meqjusa bħala interferenti endokrinali potenzjali ġew indirizzati skont ir-regolament dwar il-kożmetiċi – jiġifieri, ipprojbiti jew ristretti fuq bażi ta’ każ b’każ wara l-valutazzjoni tas-sikurezza tagħhom mill-SCCS. Il-konklużjoni ġenerali hi li r-regolament dwar il-kożmetiċi jipprovdi l-għodod adegwati biex jiġi rregolat l-użu ta’ sustanzi kożmetiċi li jippreżentaw riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem.

Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tistabbilixxi lista ta’ prijorità ta’ interferenti endokrinali potenzjali li mhumiex diġà koperti minn projbizzjonijiet fir-Regolament dwar il-kożmetiċi sa tmiem Marzu 2019 għall-valutazzjoni tar-riskju. Il-punt tat-tluq għal din il-lista ta’ prijorità kien ir-riżultat tal-istudju ta’ skrinjar li sar biex jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt fil-qasam tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-bijoċidi. L-istudju ta’ skrinjar identifika 6 sustanzi (benżofenon-3, aċidu karjiku, 4-metilbenżiliden ganfra, propilparaben, triklosan u resorċinol) użati fi prodotti kożmetiċi bħala li potenzjalment għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li ma kinux koperti minn projbizzjoni eżistenti jew li għadha għaddejja.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-lista preliminari lill-grupp ta’ ħidma dwar il-prodotti kożmetiċi f’Diċembru 2018. Il-membri tal-grupp ta’ ħidma ġew mistiedna jikkummentaw fuq il-lista u jressqu sustanzi oħrajn ta’ tħassib meqjusa bħala interferenti endokrinali potenzjali flimkien ma’ argumentazzjoni għal din il-kunsiderazzjoni.

Wara l-input tal-membri tal-grupp ta’ ħidma, ġiet ikkonsolidata lista finali ta’ 28 sustanza u maqsuma f’żewġ gruppi. Il-“Grupp A” hu magħmul minn 14-il sustanza meqjusin bħala prijorità ogħla għall-valutazzjoni billi qed jgħaddu minn evalwazzjoni tas-sustanza skont ir-REACH għat-tħassib dwar l-interferenti endokrinali jew l-evidenza xjentifika diġà kkonfermat it-tħassib dwar l-interferenti endokrinali. Il-grupp B jikkonsisti minn 14-il sustanza fejn jew ma tkun inbdiet ebda evidenza xjentifika jew inkella l-eżitu tal-evidenza xjentifika jkun ta’ tħassib dwar sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u mhux waħda dwar is-saħħa tal-bniedem. Il-grupp B fih ukoll sustanzi li reċentement ġew evalwati mill-SCCS u li nstabu sikuri, u/jew Sustanzi li dan l-aħħar ġew ikklassifikati bħala sustanzi Karċinoġeniċi, Mutaġeniċi u Reprotossiċi skont il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet fejn hemm fis-seħħ miżuri korrispondenti ta’ valutazzjoni/immaniġġjar tar-riskju biex jipprojbixxu/jirrestrinġu l-użu tagħhom fil-prodotti kożmetiċi.

L-ewwel sejħa għal data relatata mal-14-il sustanza li nstabu fil-Grupp A tnediet. (Ara hawn taħt) Malli tirċievi data suffiċjenti, il-Kummissjoni se tagħti mandat lill-SCCS biex jevalwa s-sustanzi malajr kemm jista’ jkun. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjoni xierqa biex tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-użu tas-sustanzi differenti fil-kożmetiċi

Sejħiet addizzjonali għal data relatata mal-14-il sustanza li jinsabu fil-Grupp B huma ppjanati għall-futur, filwaqt li jitqiesu kwalunkwe żviluppi rilevanti.

Iktar informazzjoni:

Sejħa għal data dwar l-ingredjenti bil-proprjetajiet potenzjali li jfixklu s-sistema endokrinali użati fil-prodotti kożmetiċi miftuħa sal-15 ta’ Ottubru 2019

Biex jipprepara talbiet għal opinjonijiet xjentifiċi lill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur, id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW) nieda sejħa għal data, miftuħa għal kwalunkwe parti interessata, inklużi istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka oħrajn, l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE, il-manifatturi ta’ prodotti kożmetiċi, il-produtturi tas-sustanzi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.

Is-sejħa hi għal tagħrif xjentifiku rilevanti, inkluża d-data dwar il-karatteristiċi fiżikokimiċi kollha, it-tossikokinetiċi u r-riżultati tossikoloġiċi, il-valutazzjoni tal-esponiment permezz ta’ prodotti għall-konsumatur u/jew indikazzjoni tal-limiti ta’ konċentrazzjoni sikuri ssuġġeriti għall-ingredjenti li ġejjin: Benżofenon-3, aċidu karjiku, 4-metilbenżiliden ganfra, propilparaben, triklosan, resorċinol, octocrylene, triclocarbanum, butilidrossitoluwen (BHT), benżofenon, omosallat, saliċilat tal-benżil, ġenistorin u daidzein fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

Iktar informazzjoni:

Aqsam l-opinjonijiet tiegħek dwar ir-rispons tal-UE għal Interferenti Endokrinali sal-10 ta’ Lulju 2019

Sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-koerenza tal-qafas legali tal-UE, il-Kummissjoni nediet Kontroll tal-Idoneità trasversali dwar l-interferenti endokrinali, li se jikkontribwixxi għall-valutazzjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi twassalx għall-għan tagħha li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent billi tnaqqas l-esponiment ġenerali għall-interferenti endokrinali. Il-partijiet ikkonċernati, li jvarjaw minn awtoritajiet pubbliċi u l-industrija sa NGOs u l-pubbliku ġenerali, jistgħu jipparteċipaw f’dan il-Kontroll tal-Idoneità billi jipprovdu l-feedback tagħhom dwar Pjan Direzzjonali sal-10 ta’ Lulju 2019, u l-SCCS qed jippjana li jagħmel dan.

Il-Kontroll tal-Idoneità se jivvaluta s-sitwazzjoni fl-UE llum u jqabbilha mas-sitwazzjoni fl-1999, meta ġiet ippubblikata l-ewwel Strateġija Komunitarja għall-interferenti endokrinali. Minn dak iż-żmien ’l hawn sar progress sinifikanti fil-fehim u fir-regolamentazzjoni tal-interferenti endokrinali, u llum l-UE hi rikonoxxuta bħala waħda mill-mexxejja globali fl-indirizzar ta’ dawn is-sustanzi kimiċi.

Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni qed tippjana li torganizza Konsultazzjoni Pubblika, li se tkun aċċessibbli fil-paġna web ta’ konsultazzjoni ċentrali tal-Kummissjoni “Semma’ Leħnek” għal 12-il ġimgħa fi 23 lingwa tal-UE. Fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE se jkun possibbli li tingħata tweġiba. F’Ottubru hu previst ukoll Forum Annwali dwar l-interferenti endokrinali. L-opinjoni hi mistennija li tiġi adottata sa nofs l-2020.

Iktar informazzjoni: