Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 240 - Fokus

Għaxar azzjonijiet lejn it-tilqim għal kulħadd

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ospitaw b’mod konġunt Summit dwar it-Tilqim Globali fit-12 ta’ Settembru biex tiddawwar it-tendenza tat-tixrid tal-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim u titwaqqaf il-miżinformazzjoni dwar it-tilqim. Id-diskussjonijiet huma miġbura fil-qosor fl-azzjonijiet u l-lezzjonijiet li ġejjin.

Kulħadd għandu jkun jista’ jibbenefika mis-setgħa tat-tilqim. Minkejja d-disponibbiltà ta’ tilqim sikur u effettiv, in-nuqqas ta’ aċċess, in-nuqqas ta’ tilqim, il-miżinformazzjoni, il-kompjaċenza lejn ir-riskji tal-mard, it-tnaqqis tal-fiduċja pubblika fil-valur tat-tilqim u n-nuqqas ta’ investimenti qed jagħmlu ħsara lir-rati tat-tilqim fid-dinja kollha. It-tilqim huwa bla ebda dubju wieħed mill-interventi l-aktar effettivi tas-saħħa pubblika. Għandna nistinkaw biex insostnu l-gwadanni tat-tilqim li ma kinux faċli biex inkisbu iżda għandu jkollna wkoll l-għan li nagħmlu iktar u aħjar, biex niksbu sistemi tas-saħħa effettivi u ekwi u nnaqqsu l-ħsara kkawżata minħabba l-mard u t-tbatija li jistgħu jiġu evitati. Dan ifisser ukoll li għandhom isiru l-investimenti meħtieġa fir-riċerka u l-iżvilupp biex jiġu indirizzati ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati bl-iżvilupp ta’ tilqim ġdid u bit-titjib ta’ tilqlim eżistenti.

Lezzjonijiet mill-jum u l-azzjonijiet meħtieġa lejn it-tilqim għal kulħadd u lejn l-eliminazzjoni ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim:

  1. Il-promozzjoni ta’ tmexxija politika globali u impenn għat-tilqim u l-bini ta’ kollaborazzjoni u sħubijiet, fil-livelli internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali mal-awtoritajiet tas-saħħa, il-professjonisti tas-saħħa, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet, ix-xjentisti, u l-industrija, biex kulħadd ikun protett kullimkien permezz ta’ rati ta’ kopertura għoljin u sostnuti ta’ tilqim.
  2. L-iżgurar li l-pajjiżi kollha jkollhom fis-seħħ strateġiji nazzjonali ta’ immunizzazzjoni u jimplimentaw u jsaħħu s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom, f’konformità mal-progress lejn Kopertura tas-Saħħa Universali, biex ħadd ma jitħalla barra.
  3. Il-bini ta’ sistemi ta’ sorveljanza b’saħħithom għal mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim, partikolarment dawk li jaqgħu taħt il-miri ta’ eliminazzjoni u eradikazzjoni globali.
  4. L-indirizzar tal-kawżi bażiċi tal-eżitazzjoni għat-tilqim, iż-żieda fil-fiduċja fit-tilqim, kif ukoll it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ interventi bbażati fuq l-evidenza.
  5. L-isfruttar tal-poter tat-teknoloġiji diġitali, b’mod li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-programmi tat-tilqim.
  6. Iż-żamma tal-isforzi ta’ riċerka biex kontinwament tiġi ġġenerata data dwar l-effettività u s-sikurezza tat-tilqim u l-impatt tal-programmi ta’ tilqim.
  7. It-tkomplija tal-isforzi u l-investiment, inklużi mudelli ġodda ta’ finanzjament u inċentivi, fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għal apparat ġdid jew imtejjeb tat-tilqim u l-konsenja tiegħu.
  8. Il-mitigazzjoni tar-riskji tan-nuqqas ta’ tilqim permezz ta’ monitoraġġ tad-disponibbiltà, tat-tbassir, tal-akkwist u ta’ sistemi ta’ konsenja u ta’ ħażna mtejbin tat-tilqim u kollaborazzjoni mal-produtturi u l-parteċipanti kollha fil-katina tad-distribuzzjoni biex isir l-aħjar użu mill-kapaċità ta’ manifattura, jew saħansitra billi din tiżdied.
  9. L-għoti tas-setgħa lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa fil-livelli kollha kif ukoll lill-media, biex tiġi pprovduta informazzjoni effettiva, trasparenti u oġġettiva lill-pubbliku u biex tiġi miġġielda l-informazzjoni falza u qarrieqa, inkluż permezz ta’ pjattaformi tal-media soċjali u kumpaniji teknoloġiċi.
  10. L-allinjament u l-integrazzjoni tat-tilqim fl-aġendi globali tas-saħħa u l-iżvilupp, permezz ta’ aġenda mġedda dwar l-Immunizzazzjoni għall-2030.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

It-tilqim

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Il-Kummissjoni Ewropea u d-WHO ospitaw b’mod konġunt is-Summit dwar it-Tilqim Globali fit-12 ta’ Settembru 2019

L-avveniment seħħ taħt l-awspiċi konġunta tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker u d-Direttur Ġenerali tad-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus, li jagħtu viżibbiltà u approvazzjoni politika ta’ livell għoli lis-suġġett tat-tilqim.

It-tilqima kontra l-HPV tista’ tipprevjeni aktar minn 100,000 kanċer, tirrapporta l-aġenzija Public Health England

L-estimi jissuġġerixxu li l-programm ta’ tilqim kontra l-HPV jista’ jipprevjeni aktar minn 64,000 kanċer ċervikali u kważi 50,000 kanċer mhux ċervikali sal-2058.

X'jaħsbu l-Ewropej dwar it-tilqim?

Stħarriġ tal-Ewrobarometru ta’ Marzu 2019 staqsa mistoqsijiet dwar il-perċezzjonijiet tal-Ewropej ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim u dwar l-effettività perċepita tat-tilqim, l-esperjenzi tagħhom bit-tilqim, u s-sorsi ta’ informazzjoni dwar it-tilqim, fost affarijiet oħrajn.

Il-ħosba se tkompli tiċċirkola sakemm ikun hemm distakki sinifikanti ta’ immunità u kopertura subottimali tat-tilqima

F'newsletter reċenti taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) id-Direttriċi Andrea Ammon kitbet li hemm tliet muturi ewlenin ta’ din l-epidemija li tista’ tkun evitata: ammont kbir ta’ nies suxxettibbli għall-ħosba, piż kbir tal-ħosba fost it-trabi u l-adulti u l-potenzjal kontinwu ta’ importazzjonijiet.

Il-firmatarji tad-WHO – l-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa - jaqblu dwar sforz unit - Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar it-Tilqim 2015 - 2020

Il-pjan, li ġie adottati mid-WHO/il-pajjiżi membri tar-reġjun tal-EURO fl-2014, jistabbilixxi miri reġjonali għall-immunizzazzjoni u l-kontroll ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim mill-2015 sal-2020 u lil hinn billi jiddefinixxi objettivi, oqsma ta’ azzjoni prijoritarji u indikaturi.

Aqra l-Pjan ta’ Azzjoni Globali dwar it-Tilqim 2011- 2020 sħiħ jew it-taqsiriet tas-sezzjonijiet

Il-Pjan ta’ Azzjoni Globali dwar it-Tilqim — approvat mill-194 Stat Membru tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2012 — huwa qafas biex jiġu evitati miljuni ta’ mwiet sal-2020 permezz ta’ aċċess aktar ekwu għal tilqim eżistenti għall-persuni fil-komunitajiet kollha.

20 miljun tifel u tifla ma rċevewx tilqim li jsalva l-ħajjiet kontra l-ħosba, id-difterite u t-tetnu fl-2018

Aktar minn wieħed minn kull għaxart itfal ma rċevewx tilqim li jsalva l-ħajjiet bħat-tilqim kontra l-ħosba, id-difterite u t-tetnu fl-2018, skont data ġdida mid-WHO u l-UNICEF.

Jistgħu jiġu evitati aktar minn 1,5 miljun mewta jekk titjieb il-kopertura ta’ immunizzazzjoni globali, tgħid skeda informattiva tad-WHO

L-iskeda informattiva tipprovdi fatti u ċifri dwar l-immunizzazzjoni, inkluż il-fatt li huwa stmat li 19,4 miljun tifel u tifla taħt l-età ta’ sena ma rċevewx it-tilqima DTP3.

Sforz globali kbir jippermetti objettiv rekord għall-poljo u l-immunizzazzjoni

Wara l-introduzzjoni ta’ tilqima tal-poljo inattivata fiż-Żimbabwe u fil-programmi ta’ immunizzazzjoni ta’ rutina tal-Mongolja bl-appoġġ tal-Gavi, kull pajjiż fid-dinja, inklużi t-73 pajjiż appoġġjati kollha mill-Gavi, issa introduċew it-tilqima li tipproteġi lit-tfal kontra l-marda.

Id-WHO toffri kors bla ħlas lill-professjonisti li xogħolhom huwa marbut ma’ kwistjonijiet ta’ sikurezza tat-tilqim

Dan il-kors għandu l-għan li jistabbilixxi fehim kondiviż fost il-professjonisti li xogħolhom huwa marbut ma’ kwistjonijiet ta’ sikurezza tat-tilqim. Dawn jinkludi infermiera/qwiebel/ħaddiema tas-saħħa tal-komunità, kif ukoll spiżjara, tobba u uffiċjali tal-progammi jew uffiċjali tekniċi.

Strateġija ta’ livell għoli ġdida għall-2021-2025 biex ma jitħalla ħadd barra mill-immunizzazzjoni approvata mill-Bord tal-Gavi

Fis-27 ta’ Ġunju 2019, il-Bord tal-Gavi approva strateġija ġdida biex tiggwida l-ħidma tal-Alleanza għat-Tilqim matul il-perjodu 2021-2025, bil-prijorità li jitlaħqu komunitajiet li ma rċevewx it-tilqim kollu, bħal dawk f’żoni urbani żvantaġġjati, f’żoni remoti u f’ambjenti ta’ kunflitt.

Links interessanti oħrajn