Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 242 - Fokus

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE jippremja inizjattivi li jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu bidu b’saħħtu fil-ħajja

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Vytenis Andriukaitis se jippreżenta l-Premju tas-Saħħa tal-UE fis-17 ta’ Ottubru 2019 waqt il-laqgħa annwali tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa fi Brussell. Il-premju ta’ din is-sena hu b’rikonoxximent ta’ inizjattivi li jgħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ jitilqu lejn bidu b’saħħtu fil-ħajja billi jżommu l-piż tal-ġisem b’saħħtu billi jieklu ikel nutrittiv u jkunu aktar attivi fiżikament.

Għaliex il-ġlieda kontra l-obeżità u l-piż żejjed fiż-żgħażagħ kienet magħżula bħala t-tema ta’ din is-sena?

Minkejja l-azzjoni fil-livell Ewropew biex jitreġġgħu lura x-xejriet li qed jiżdiedu, il-proporzjon tal-popolazzjoni li għandhom piż żejjed jew li huma obeżi għadu għoli b’mod inkwetanti kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal u ż-żgħażagħ. Hu partikolarment allarmanti l-fatt li l-attività fiżika għandha t-tendenza li tonqos bejn l-etajiet ta’ 11 u 15-il sena f’ħafna mill-pajjiżi Ewropej. Problemi relatati ma’ piż żejjed, obeżità u nuqqas ta’ attività fiżika għandhom it-tendenza li jibdew fit-tfulija u ta’ spiss jaffettwaw b’mod sproporzjonat gruppi soċjoekonomiċi żvantaġġati.

Azzjoni ambizzjuża hi meħtieġa b’mod urġenti biex tnaqqas mhux biss it-tbatija umana, iżda wkoll biex tnaqqas il-piż ekonomiku għoli tal-obeżità, issaħħaħ is-sistemi nazzjonali tas-saħħa u dawk soċjali, u tippromwovi l-produttività u t-tkabbir tal-ekonomija, inkluża forza tax-xogħol futura b’saħħitha.

Għaliex l-eliġibbiltà tal-Premju tas-Saħħa tal-UE kienet estiża għall-ibliet u l-iskejjel kif ukoll għall-NGOs din is-sena?

Biex nevitaw u nnaqqsu l-obeżità fit-tfal u l-adulti żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, irridu nikkollaboraw fuq livelli differenti. Ir-rwol tal-ibliet, tal-NGOs u tal-iskejjel hu li jlaqqgħu flimkien lil dawk li jfasslu l-politika u ċ-ċittadini, u għandhom rwol fundamentali fl-edukazzjoni tat-tfal dwar il-perikli ta’ ikel mhux tajjeb għas-saħħa u ta’ stili ta’ ħajja sedentarji, u biex jippromwovu l-prevenzjoni bħala l-aħjar politika.

Hu hawnhekk fejn l-ibliet, l-NGOs u l-iskejjel huma msejħin jaġixxu u jinteraġixxu ma’ atturi oħra fl-ambjent tat-tfal biex iwaqqfu din it-tendenza inkwetanti.

Għalhekk, il-Premju tas-Saħħa tal-UE tal-2019 jixħet l-attenzjoni fuq l-inizjattivi tal-ibliet, l-NGOs u l-iskejjel li kkontribwew għal standards għoljin tas-saħħa pubblika fl-Unjoni Ewropea permezz tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-obeżità fit-tfal u ż-żgħażagħ. Il-Ġurija għandha l-kompitu ta’ sfida li tagħżel biss tliet inizjattivi rebbieħa, iżda nixtieq nenfasizza li l-importanti mhux li wieħed jirbaħ — dak li hu importanti hu li aħna lkoll naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-obeżità.

Naturalment, nixtiequ l-hena, is-saħħa u s-suċċess lil uliedna, iżda bħala adulti, irridu nagħmlu aktar milli nixtiequ dawn l-affarijiet għalihom, irridu nagħmlu l-aħjar għażliet għalihom biex ma nħalluhomx ikollhom piż żejjed jew ikunu obeżi. Huma jistħoqqilhom impenn qawwi u azzjoni deċiżiva. Ejjaw noħorġu miċ-ċiklu vizzjuż tal-obeżità fit-tfal, flimkien u issa.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Ingħaqad mal-laqgħa annwali tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE u l-Premju tas-Saħħa tal-UE permezz tal-webstream!

Il-Kummissarju Andriukaitis se jippresiedi ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fis-17 ta’ Ottubru 2019 fi Brussell. Il-laqgħa annwali tal-pjattaforma se ssegwi, b’diskussjoni interattiva madwar mejda miftuħa għal kulħadd, inklużi t-telespettaturi online, u l-preżentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti tal-2019 u l-2020.

Ivvota issa għaċ-Ċiklu 2020 ta’ Networks Tematiċi!

Il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE tospita mill-anqas tliet Networks Tematiċi kull sena, immexxija mill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tas-saħħa u magħżulin mill-utenti tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa. Dawn in-networks temporanji jipproduċu Dikjarazzjonijiet Konġunti f’qasam ta’ politika ta’ interess komuni. Il-votazzjoni tagħlaq fis-6 ta’ Novembru, 2019.

Ara l-webinars tan-Network Tematiku 2019 u approva d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tal-2019!

Iċ-ċiklu wasal biex jintemm u d-Dikjarazzjonijiet Konġunti finali se jiġu ppreżentati fil-Laqgħa Annwali tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE fis-17 ta’ Ottubru 2019. Għad għandek żmien biex tara l-webinars kollha min-Networks Tematiċi 2019 u tapprova d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tagħhom!

Il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE issa għandha aktar minn 5,700 utent irreġistrat — issieħeb magħhom!

Minn meta twaqqfet fl-2016, il-Pjattaforma kibret għal aktar minn 5,700 utent irreġistrat minn kważi 70 qasam ta’ fokus differenti. Ingħaqad ma’ dawn il-partijiet ikkonċernati fis-saħħa, NGOs, riċerkaturi, organizzazzjonijiet tal-pazjenti u oħrajn billi tirreġistra u tiskambja ideat magħhom!

Ara liema inizjattivi jinsabu fit-tellieqa għall-Premju tas-Saħħa tal-UE tal-2019!

Il-Kummissjoni Ewropea għażlet tliet inizjattivi magħżulin skont il-kategorija tal-Premju tas-Saħħa tal-UE għall-2019 għall-ibliet, l-NGOs u l-iskejjel li jfittxu li jipprevienu u jnaqqsu l-obeżità fit-tfal u ż-żgħażagħ (6-18 sena). Ir-rebbieħa se jitħabbru fis-17 ta’ Ottubru 2019.

Skopri r-rebbieħa preċedenti f’oqsma oħrajn, mill-Ebola sat-tilqim

Il-premju tas-Saħħa tal-UE tnieda fl-2015, meta s-suġġett kien l-Ebola. Minn dak iż-żmien ’l hawn, iffoka fuq ir-reżistenza antimikrobika, it-tilqim, il-prevenzjoni tal-użu tat-tabakk u l-obeżità u l-piż żejjed fiż-żgħażagħ. L-inizjattivi magħżulin ikomplu jservu ta’ referenza f’dawn l-oqsma.

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE 2019 jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2014-2020

Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi oqsma ta’ prijorità għal azzjoni u jissuġġerixxi miżuri possibbli. Hu jipproponi wkoll modi kif jinżamm rekord ta’ progress b’mod kollettiv.

L-iskema ta’ frott, ħaxix u ħalib għall-iskejjel tappoġġja wkoll l-għanijiet tal-Premju tas-Saħħa tal-UE għal din is-sena.

Ħafna żgħażagħ fl-UE mhumiex qed jieklu t-tip tajjeb ta’ ikel biex jappoġġjaw it-tkabbir u s-saħħa tajba tagħhom. Il-Premju tas-Saħħa tal-UE tal-2019 u dan il-pjan għad-distribuzzjoni tal-frott, il-ħxejjex u l-ħalib lit-tfal tal-iskola t-tnejn li huma għandhom l-għan li jgħinuhom fit-triq it-tajba u jnaqqsu l-obeżità.

Tixtieq tospita webinar fil-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE?

Tixtieq li t-tim tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE jgħinek torganizza webinar fil-Pjattaforma? Ikkuntattja lil sante-hppatec [dot] europa [dot] eu (sante-hpp[at]ec[dot]europa[dot]eu) mal-proposta tiegħek!

Links interessanti oħrajn

Portal tal-Aħjar Prattiki

Hekk kif il-Premju tas-Saħħa tal-UE jippromwovi inizjattivi eżemplari fil-qasam tas-saħħa, il-portal jipprovdi “punt uniku ta’ servizz” għal prattiki tajba u tal-aħjar prattiki magħżulin mill-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Prevenzjoni u l-Promozzjoni. Il-prattiki jistgħu jiġu sottomessi wkoll għall-portal għall-valutazzjoni.