Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa - UE 243 - Fokus

Is-soluzzjonijiet diġitali jistgħu jagħmlu l-kura tas-saħħa aktar faċli u ekwitabbli

Andrzej Rys, id-Direttur tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għas-sistemi tas-saħħa, il-prodotti mediċi u l-innovazzjoni fid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, jitħaddet dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni, kif ukoll l-isfidi tagħha.

Għaliex qed isir investiment fis-saħħa diġitali?

Għaliex? Billi s-soluzzjonijiet diġitali għas-saħħa u l-kura jistgħu verament jirrevoluzzjonaw is-servizzi tas-saħħa u tal-kura u għandhom il-potenzjal li jgħinu lil miljuni ta’ persuni jgawdu minn saħħa aħjar. Id-diġitalizzazzjoni tgħin biex tiżgura l-kontinwità tal-kura għall-persuni li jivvjaġġaw bejn il-fruntieri, iżda daqstant importanti, tagħti lill-pazjenti kollha l-istess opportunità li jirċievu kura ta’ kwalità, irrispettivament minn fejn jgħixu.

Din hi s-sbuħija tan-Networks Ewropej ta’ Referenza, li jippermettu lill-pazjenti b’mard rari jieħdu parir espert minn speċjalisti fl-Ewropa kollha mingħajr ma jkollhom jivvjaġġaw – jistgħu jiksbu konsultazzjonijiet virtwali permezz ta’ pjattaforma fil-livell tal-UE. L-ivvjaġġar tal-għarfien, mhux tal-pazjent.

Id-diġitalizzazzjoni qed tgħin biex is-sistemi tas-saħħa jixxiftjaw milli jibqgħu ċċentrati fuq l-isptarijiet sabiex ikunu aktar ibbażati fil-komunità u integrati fiha. Għodod ta’ kura diġitali jistgħu jnaqqsu l-ħtieġa għal konsultazzjonijiet wiċċ imb’ wiċċ, pereżempju, li jippermettu li l-pazjenti jkollhom viżti ta’ rutina fid-dar. L-għodod diġitali jistgħu jgħinu wkoll biex isir użu aħjar tad-data dwar is-saħħa fir-riċerka, fil-promozzjoni tal-innovazzjoni u fl-iżvilupp ta’ terapiji ġodda.

X’qed tagħmel il-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa diġitali?

Fl-2018, il-Kummissjoni adottat pjan fuq tliet partijiet għat-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u l-kura fis-Suq Uniku Diġitali. L-ewwel pilastru ta’ din il-“Komunikazzjoni” jippromwovi aċċess aħjar għad-data dwar is-saħħa taċ-ċittadini u l-iskambju tagħha. Ħames Stati Membri, dalwaqt sebgħa, bdew jiskambjaw data dwar is-saħħa tal-pazjenti bejn il-fruntieri bejn l-ispiżeriji (preskrizzjonijiet elettroniċi) u l-isptarijiet għal każijiet ta’ emerġenza (Sommarji tal-Pazjenti); 15 oħrajn huma mistennija li jagħmlu dan sal-2021. U s-sena l-oħra, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar il-Format tal-Iskambju tar-Rekords tas-Saħħa biex jiġi estiż is-sett ta’ data inkluż fis-Sommarji tal-Pazjenti biex jinkludi affarijiet bħal testijiet tal-laboratorju, immaġnijiet u ittri ta’ ħruġ mill-isptar.

It-tieni pilastru jtejjeb l-iskambju ta’ data għal skopijiet ta’ riċerka. Id-“Dikjarazzjoni ta’ Miljun Ġenoma” hi eżempju tajjeb, fejn 21 Stat Membru impenjaw ruħhom li jibnu grupp ta’ riċerka ta’ mill-anqas miljun ġenoma sekwenzata.

It-tielet pilastru jħeġġeġ lil aktar nies biex jagħmlu użu mit-teknoloġija tas-saħħa diġitali u għandu l-għan li jżid l-għarfien u l-ħiliet diġitali tagħhom. Hu jfittex ukoll li jistabbilixxi prinċipji komuni biex tiġi vvalidata u ċċertifikata t-teknoloġija tas-saħħa u jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki.

X’inhu l-futur għas-saħħa diġitali?

Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex toħloq spazju Ewropew komuni tad-data dwar is-saħħa, biex taqsam u tagħti aċċess għal data għal kura u riċerka b’rispett sħiħ tal-GDPR u taħt regoli ta’ sigurtà stretti. Id-data se tkun kondiviża b’mod sikur, imressqa minn awtoritajiet nazzjonali u minn partijiet ikkonċernati differenti għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Hemm potenzjal enormi għal riċerka fl-aċċess ta’ data dwar is-saħħa, pereżempju, li bħalissa hi mxekkla minħabba lakuni regolatorji, nuqqas ta’ interoperabbiltà tal-infrastrutturi jew nuqqas ta’ kodiċijiet ta’ kondotta reċiproċi għall-iskambju sigur ta’ data personali. Din hi sfida kbira, biex jinstab il-mudell ta’ governanza t-tajba, l-investimenti fl-infrastruttura, linji gwida etiċi adegwati u miżuri ta’ protezzjoni tad-data personali.

Irridu li kulħadd igawdi mill-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, iżda mhux akkost tal-privatezza. Dan hu għaliex ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data issa hu infurzat fl-Istati Membri kollha. Bħalissa qegħdin nagħtu ħarsa lejn kif qed tiġi applikata fl-Istati Membri, b’mod partikulari fil-qasam sensittiv ħafna tas-saħħa.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Saħħa elettronika: Saħħa u kura diġitali

Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Trasformazzjoni tas-saħħa u l-kura fis-Suq Uniku Diġitali

Kummissjoni Ewropea - Networks tal-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija

Aħbarijiet

L-ewwel Sommarji tal-Pazjenti issa jistgħu jiġu skambjati bejn il-Lussemburgu, il-Kroazja u ċ-Ċekja

Sommarji tal-pazjenti diġitali li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-allerġiji tal-pazjenti, il-medikazzjoni attwali u l-istorja medika tal-imgħoddi, bħalma huma interventi kirurġiċi fl-imgħoddi, issa jistgħu jiġu skambjati bejn l-ewwel żewġ pajjiżi tal-UE: il-Lussemburgu jew il-Kroazja (vjaġġaturi deħlin fil-pajjiż) u ċ-Ċekja (vjaġġaturi ħerġin) għal kura mhux ippjanata (emerġenzi).

In-networks Ewropej ta’ Referenza jirċievu appoġġ finanzjarju għat-twaqqif ta’ reġistri tal-pazjenti għal finijiet ta’ riċerka

Dawn in-networks virtwali jikkollegaw il-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jimmaniġġjaw il-pazjenti milqutin minn mard rari jew kumpless f’25 pajjiż fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni tadotta Rakkomandazzjoni dwar il-Format Ewropew għall-Iskambju tar-Rekords Elettroniċi tas-Saħħa

Din id-deċiżjoni testendi l-użu tat-testijiet tal-laboratorju tas-Sommarji tal-Pazjenti, tar-rapporti dwar il-ħruġ mill-isptar u l-immaġnijiet u r-rapporti tal-immaġini u tiffaċilita l-interoperabbiltà transfruntiera tar-rekords elettroniċi tas-saħħa.

21 Stat Membru ffirmaw id-“Dikjarazzjoni ta’ Miljun Ġenoma”

Bl-iffirmar tad-dikjarazzjoni jintrabtu li jibnu grupp ta’ riċerka ta’ mill-anqas 1 miljun ġenoma sekwenzata aċċessibbli fl-UE sal-2022 (u 10 miljun ġenoma sal-2025).

L-armonija tilħaq pass importanti, billi qed tiġbor id-data minn 45,000 pazjent b’kanċers tad-demm

Il-proġett hu parti mill-Programm Big Data għal Eżiti Aħjar tal-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi u għandu l-għan li jagħmel użu minn data dinjija reali minn pazjenti b’kanċers tad-demm biex jikseb aktar għarfien dwar il-mekkaniżmi tal-mard u jappoġġja l-iżvilupp ta’ trattamenti aħjar u aktar effettivi.

€35 miljun disponibbli għall-iżvilupp tal-għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-analitika fil-prevenzjoni u t-trattament tal-kanċer

Tnediet sejħa għal proposti biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ għodod u l-analitika ffukata fuq il-prevenzjoni u t-trattament tal-kanċer, inklużi għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-analiżi ta’ immaġnijiet ta’ kanċer.

ROADMAP tniedi d-Data Cube tagħha li toffri ħarsa ġenerali dinamika tad-data tar-riċerka disponibbli għall-marda ta’ Alzheimer fl-Ewropa

Iffinanzjata permezz tal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi, sħubija pubblika-privata, ROADMAP għandha l-għan li tintegra data reali dwar l-eżiti tal-marda ta’ Alzheimer minn sorsi u pajjiżi differenti. Id-Data cube 3D ġiet żviluppata biex tidentifika d-data tar-riċerka kollha disponibbli bħalissa.

Potenzjal tat-teknoloġiji tal-blockchain fl-Ewropa

Il-blockchain hi teknoloġija ta’ reġistru, li żżomm rekord finali u definit tat-tranżazzjonijiet tad-data f’ambjent iddeċentralizzat, u tipprovdi skambju traċċabbli u sikur ta’ data sensittiva dwar is-saħħa.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Azzjoni Konġunta b’appoġġ għan-Network tas-Saħħa elettronika

L-azzjoni Konġunta Azzjoni Saħħa elettronika tappoġġja n-Network tas-Saħħa elettronika, li, fil-Programm ta’ Ħidma Pluriennali tagħha għall-2018–2021, tistabbilixxi miri għall-esplorazzjoni tas-Saħħa elettronika biex jiġi ffaċilitat l-immaniġġjar ta’ mard kroniku u l-multimorbożità.

Links interessanti oħrajn