Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 248 - Fokus

X’se jagħtik il-Programm tas-Saħħa

Véronique Wasbauer, Direttur tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (CHAFEA), li tmexxi l-Programm tas-Saħħa għall-Kummissjoni Ewropea, tispjega x’inhuma l-azzjonijiet ewlenin tal-pjan ta’ ħidma tal-2020 u x’jagħmel il-Programm tas-Saħħa għaċ-ċittadini tal-UE.

L-ewwel nett, x’inhu l-Programm tas-Saħħa?

Il-Programm tas-Saħħa jappoġġja l-politiki tal-UE fil-qasam tas-saħħa pubblika: hu jipprovdi appoġġ finanzjarju lil proġetti fl-UE kollha għat-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard, u l-eliminazzjoni ta’ theddid għas-saħħa fiżika u mentali fil-pajjiżi Ewropej. Jappoġġja wkoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ theddid serju transkonfinali għas-saħħa, il-kontroll tat-tabakk, il-kura tas-saħħa transkonfinali, is-sustanzi ta’ oriġini umana. Sal-lum, il-programm iffinanzja 976 proġett u azzjoni, li jaħdmu flimkien ma’ 7,387 organizzazzjoni fl-Ewropa. Il-Programm tas-Saħħa attwali huwa t-tielet wieħed, mill-2014 sal-2020.

U x’inhu pjan ta’ ħidma annwali?

Fi kliem sempliċi, il-pjan ta’ ħidma annwali jiddeskrivi fil-qosor l-azzjonijiet li se timplimenta ċ-CHAFEA matul is-sena u jwarrab il-baġit meħtieġ biex iwettaqhom, f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni.

X’ta’ min jinnota dwar il-programm ta’ ħidma tal-2020?

L-2020 hija l-aħħar sena tat-tielet Programm tas-Saħħa. Il-pjan ta’ ħidma se jkompli jiffoka fuq l-erba’ objettivi li ġejjin:

  • Il-promozzjoni tas-saħħa, l-evitar tal-mard u t-trawwim ta’ ambjenti li jappoġġjaw stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa,
  • Il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni minn theddid serju transkonfinali għas-saħħa,
  • Il-kontribuzzjoni għal sistemi tas-saħħa innovattivi, effiċjenti u sostenibbli
  • L-iffaċilitar tal-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

Għall-2020 ġie allokat total ta’ €65.36 miljun, inklużi €37.15 miljun għal attivitajiet ta’ kofinanzjament permezz ta’ għotjiet għal proġetti mmexxija minn partijiet ikkonċernati fil-qasam tas-saħħa, mid-dinja akkademika, minn dawk li jfasslu l-politika, minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew mhux governattivi, permezz ta’ networks (bħal pereżempju, in-network ta’ referenza Ewropew dwar il-mard rari) u permezz ta’ kooperazzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.

L-azzjonijiet ewlenin huma fl-oqsma tas-saħħa mentali, iż-żieda fil-kopertura tat-tilqim, l-appoġġ ta’ riformi fil-qasam tas-saħħa tal-forza tax-xogħol, l-innovazzjoni farmaċewtika u l-aċċess għall-mediċini, il-kontroll tat-tabakk, il-valutazzjoni klinika konġunta tat-teknoloġija tas-saħħa, it-tagħmir mediku u l-mard rari.

Dan xi jfisser għaċ-ċittadin medju?

Il-Programm tas-Saħħa tfassal biex ixerred l-aħjar prattiki fil-pajjiżi tal-UE u jġib għarfien u għarfien espert ivvalidati lill-persuni l-aktar fil-bżonn. L-azzjonijiet li jiffinanzja jilħqu kriterji stretti u jrid ikollhom il-potenzjal li jiġu ttrasferiti b’suċċess minn pajjiż għal ieħor. Iridu jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies.

Biex tifhem aħjar il-ħidma tagħna, agħti daqqa t’għajn lejn il-fuljett li ppubblikajna reċentement dwar l-istejjer ta’ suċċess tal-Programm tas-Saħħa. Hemmhekk, se tapprezza l-firxa ta’ proġetti u l-ħafna modi li bihom qed jgħinu kemm lill-pubbliku ġenerali kif ukoll lill-popolazzjonijiet bi bżonnijiet speċifiċi.

Xi jmiss?

Iċ-CHAFEA se tniedi dalwaqt is-sejħiet għall-proposti u għall-offerti. Agħti daqqa t’għajn lejn il-paġna web iddedikata tagħna għall-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE, fejn kontinwament naġġornaw l-informazzjoni dwar sejħiet għall-offerti, għotjiet operattivi, proġetti u azzjonijiet konġunti. Ara wkoll il-bażi tad-data taċ-CHAFEA tal-proġetti, u attivitajiet reċenti oħra biex ixxerred ir-riżultati tal-Programm, b’mod partikolari l-Konferenza ta’ livell għoli. Nittama li tieħu gost taqra u tara l-video ddedikat.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Il-Programm tas-Saħħa tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Il-Programm tas-Saħħa tal-UE

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel

Aħbarijiet

Workshop dwar il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard f’kuntesti ta’ saħħa u ta’ edukazzjoni, il-Lussemburgu, 13 ta’ Frar 2020

Il-workshop, immirat lejn il-ministeri tas-saħħa nazzjonali u l-istituzzjonijiet tas-saħħa pubblika, jipprevedi li jappoġġja l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati ewlenin sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard.

Żomm ruħek aġġornat dwar l-aħħar opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE

Is-sejħiet għall-offerti, l-għotjiet operattivi, il-proġetti u l-azzjonijiet konġunti jitpoġġew fuq il-paġna web iddedikata taċ-CHAFEA. Iċċekkjaha b’mod regolari biex ma titlef xejn

Is-Saħħa għall-UE: fuljett bi stejjer ta' suċċess

Dawn l-istejjer ta’ suċċess huma biss għażla tal-mijiet ta’ proġetti u azzjonijiet li saru possibbli permezz tat-tielet Programm tas-Saħħa tal-UE. Dan il-ktejjeb tħejja għall-Konferenza dwar il-Programm tas-Saħħa tal-UE li saret fit-30 ta’ Settembru 2019.

30 ta’ Settembru 2019, Konferenza ta’ Livell Għoli dwar il-Programm tas-Saħħa tal-UE fi Brussell

Għal din il-konferenza, organizzata mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel, bl-appoġġ tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, attendew aktar minn 350 parteċipant.

Min jagħmel xiex? L-infografika turi l-kollaborazzjoni marbuta mal-Programm tas-Saħħa

Din l-infografika turi kif iċ-CHAFEA, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u l-Punti Fokali Nazzjonali jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm tas-Saħħa.

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE 2020 se jiffoka fuq it-tilqim u l-istili ta’ ħajja b’saħħithom

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE huwa ffinanzjat permezz tal-Programm tas-Saħħa u huwa mod eċċellenti biex l-ibliet, il-komunitajiet u l-iskejjel jiġu mħeġġa jikkontribwixxu b’mod attiv għas-saħħa pubblika u biex jiġu ppremjati għall-isforzi tagħhom.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Bażi tad-data tal-Programm tas-Saħħa

Sal-lum, madwar 976 proġett u azzjoni, flimkien ma’ 7,387 organizzazzjoni fl-Ewropa, ġew iffinanzjati mit-tliet programmi tas-saħħa tal-UE. Din il-bażi tad-data tipprovdi informazzjoni dwar in-natura tal-proġetti u r-riżultati tagħhom.

Links interessanti oħrajn