Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 251 - Fokus

Għaliex il-Premju ta’ din is-sena jiffoka fuq it-tilqim u l-istili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa?

John F. Ryan, id-Direttur tad-Direttorat Ġeneral għas-Saħħa Pubblika, it-Tagħrif dwar il-Pajjiżi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Kummissjoni Ewropea, iwarrab ftit minn xogħlu fil-ġestjoni u t-tħejjija għall-kriżijiet biex iħabbar is-sejħa għal inizjattivi għall-Premju tas-Saħħa tal-UE 2020. Il-Premju tas-Saħħa tal-UE 2020 se jkollu żewġ suġġetti, il-promozzjoni tat-tilqim fit-tfal u l-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa fost it-tfal. L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-inizjattivi għall-Premju hi d-29 ta’ April, 11:00, CET.

Għaliex il-Premju ta’ din is-sena jiffoka fuq it-tilqim u l-istili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa?

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, huwa stmat li t-tilqim jipprevjeni minn 2 sa 3 miljun mewta fis-sena u jnaqqas l-ispejjeż tat-trattament speċifiku għall-mard, inkluża t-terapija antimikrobika. Aktar minn 100 miljun tifel u tifla fid-dinja kollha jintlaqmu kull sena għal mard bħad-difterita, it-tetnu, il-pertussis, it-tuberkulożi, il-poljo, il-ħosba u l-epatite B. Ħafna nies insew li fil-passat it-tfal kienu jmutu b'mod regolari minn mard bħal dan. It-tilqim jista’ jipproteġi wkoll kontra l-infezzjoni, pereżempju, tal-virus tal-papilloma uman (HPV), li jikkawża l-kanċer.

Però, minkejja dan, diversi pajjiżi tal-UE u ġirien bħalissa qed jaffaċċjaw tifqigħat bla preċedent ta’ mard li għalih hemm it-tilqim għax nies oħra mhux qed jieħdu t-tilqim għall-prevenzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE qed jaħdmu flimkien biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni, jibnu l-fiduċja fit-tilqim u jiżguraw aċċess ekwu għat-tilqim għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Fir-rigward tas-sejħa dwar Stili ta’ Ħajja Tajbin għas-Saħħa, il-promozzjoni ta’ dieta tajba għas-saħħa u attività fiżika adegwata hi vitali għat-tnaqqis tal-piż ta’ mard li ma jitteħidx. Hi rassikuranti li nafu li ħafna minn dan il-mard jista’ jiġi fil-biċċa l-kbira evitat u hu importanti li minn età żgħira ndaħħlu drawwiet tajbin għas-saħħa f’ħajjitna. Mhux biss biex dawn id-drawwiet ikunu parti integrali minn ħajjitna, iżda għax it-tfal li jkunu mdorrijin fi stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa għandhom riskju aktar baxx li jiżviluppaw problemi ta’ saħħa aktar tard f’ħajjithom.

L-iffukar fuq dan is-suġġett iservi ta’ appoġġ għall-kisbiet u l-ħidma li għaddejja tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija, is-Sejħa ta’ Tartu għal Stil ta’ Ħajja Tajjeb għas-Saħħa, l-iskema għall-frott, il-ħaxix u l-ħalib għall-Iskejjel tal-UE, u l-proġett tal-UE dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni, fost azzjonijiet oħra tal-UE.

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE kif jidħol fl-objettivi tal-Kummissjoni?

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE hu mod kif nirringrazzjaw lill-ibliet, lill-iskejjel, lill-kindergartens u lill-NGOs għall-impenn tagħhom lejn is-saħħa pubblika, iżda apparti minn hekk iservi wkoll biex iqajjem kuxjenza dwar ir-rwol vitali li għandhom biex isaħħu d-demokrazija partiċipattiva u ċ-ċittadinanza attiva.

Permezz ta’ dan il-Premju, il-Pjattaforma tal-Politika dwar is-Saħħa tal-UE jirnexxilha wkoll tiġbor prattiki tajbin mingħand dawn l-ibliet, l-NGOs, l-iskejjel u l-kindergartens u jaqsmuhom mal-oħrajn, biex jispiraw ruħhom jew jidduplikawhom.

Il-Premju hu ffinanzjat mit-tielet Programm tas-Saħħa, li għandu l-għan li jappoġġja l-identifikazzjoni, it-tixrid u l-implimentazzjoni ta’ prattiki tajbin li jtejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja b’mod kost-effiċjenti.

Min jista’ jissottometti l-inizjattivi?

Il-Premju għall-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa fost it-tfal bejn 6 u 18-il sena hu miftuħ għall-ibliet u l-iskejjel li kellhom impatt pożittiv fil-komunitajiet tagħhom u l-Premju għall-promozzjoni tat-tilqim fit-tfal bejn it-twelid u t-18-il sena hu miftuħ għall-NGOs, l-iskejjel u l-kindergartens. Għal dan il-Premju jitqiesu kemm inizjattivi kbar kif ukoll żgħar – is-sena l-oħra, meta s-suġġett kien l-obeżità fit-tfal, il-Belt ta’ Amsterdam rebħet il-kategorija tal-ibliet għall-“Amsterdam Healthy Weight Programme”, filwaqt li El Instituto de Enseñanza Secundaria Guadalquivir, minn waħda mill-aktar żoni żvantaġġati fi Spanja, rebaħ fil-kategorija tal-iskejjel għall-inizjattiva tiegħu “‘Be Active @IES Guadalquivir”.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE 2020

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Il-Pjattaforma tal-Politika dwar is-Saħħa tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

It-Tilqim

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

In-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Premju tas-Saħħa tal-UE 2020 biex jgħin fil-promozzjoni tat-tilqim u ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa

Il-partijiet interessati huma mistiedna jiċċekkjaw il-kriterji u jippreżentaw id-dettalji tal-inizjattiva tagħhom sad-29 ta’ April 2020 fil-11:00 ta’ filgħodu, CET, ħin ta’ Brussell.

Ingħaqad mal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa!

Il-Pjattaforma hija għodda interattiva biex tagħti spinta lid-diskussjonijiet dwar tħassib dwar is-saħħa pubblika u jkun hemm qsim tal-għarfien u tal-aħjar prattiki. Irreġistra u involvi ruħek biex taqsam l-għarfien espert, tikkontribwixxi għad-dikjarazzjonijiet konġunti u tippromwovi xogħlok ma’ udjenza wiesgħa.