Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 257 - Fokus

Taqtax qalbek! Mhux perikoluż – u hu importanti – li tfittex l-għajnuna u l-kura għall-mard kardjovaskulari matul il-COVID-19

Stefan Schreck, il-Kap tal-Unità tal-Promozzjoni tas-Saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, l-istrumenti finanzjarji, jitkellem magħna fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Qalb fis-29 ta’ Settembru. Il-mard kardjovaskulari hu l-kawża numru wieħed ta’ mwiet prematuri mad-dinja kollha.

X’impatt ħalla l-COVID-19 fil-qasam tal-mard kardjovaskulari?

Il-pandemija ħarġet fil-beraħ ħafna kwistjonijiet u poġġiet lis-sistemi tas-saħħa tagħna taħt stress. Il-pandemija wasslet ukoll sfidi addizzjonali għan-nies b’kundizzjonijiet preeżistenti bħall-mard kardjovaskulari, peress li dawn il-pazjenti huma f’riskju akbar li jiżviluppaw mard serju jekk jiġu infettati bil-COVID-19.

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni attwali wasslet biex ħafna pazjenti, inklużi pazjenti tal-qalb, bdew jevitaw l-isptarijiet u t-tobba għax bdew jibżgħu li jispiċċaw infettati bil-virus. Ħafna pazjenti ma marrux jew ipposponew l-appuntamenti regolari, l-iskrinjar, il-follow-ups u saħansitra l-operazzjonijiet skedati tagħhom.

Il-pandemija għamlitha wkoll aktar diffiċli għal xi persuni biex ikunu attivi fiżikament, jew għax kienu verament f’konfinament waqt il-lockdown jew għax naqsilhom l-aċċess għal postijiet fejn setgħu jimxu, jiġru jew jipprattikaw l-isports. L-istress ikkawżat mill-pandemija wkoll jista’ jħalli impatt fuq is-saħħa tal-qalb, u jista’ jwassal lin-nies biex ipejpu, jieklu minħabba l-istress, jixorbu wisq jew b’xi mod ieħor jagħmlu għażliet ħżiena.

Għandek xi pariri għall-pazjenti tal-mard kardjovaskulari matul il-COVID-19?

Il-pazjenti għandhom ikunu jafu li r-riskji tal-attakki tal-qalb u tal-puplesiji huma bil-bosta akbar mir-riskji li jaqbadhom il-COVID-19. Hu essenzjali li jfittxu l-għajnuna medika mill-ewwel jekk jesperjenzaw kwalunkwe sinjal ta’ problemi kardjovaskulari. Il-pazjenti u n-nies inġenerali, għandhom ikunu jafu li m’hemmx periklu għalihom jekk imorru l-isptar jew jaraw tabib, u li hu importanti li jżommu l-appuntament regolari u ċ-check-ups skedati.

X’qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea: fil-qasam tal-mard kardjovaskulari?

Ħafna mill-fatturi tar-riskju tal-mard kardjovaskulari huma fatturi tar-riskju ta’ mard mhux komunikabbli ieħor. Minħabba dan, l-UE tindirizza l-isfida tal-mard mhux komunikabbli għaċ-ċittadini tal-UE, permezz ta’ rispons integrat li jiffoka fuq il-prevenzjoni fis-setturi u l-oqsma ta’ politika kollha, flimkien ma’ sforzi biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa.

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tappoġġja l-pajjiżi tal-UE fl-isforzi tagħhom ħalli jilħqu d-disa’ miri volontarji tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sal-2025, kif ukoll l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 3.4, li għandu l-għan li jnaqqas l-imwiet prematuri minn mard mhux komunikabbli b’terz, u tippromwovi s-saħħa mentali u l-benessri sal-2030.

Sabiex tindirizza dawn l-isfidi, u biex tgħin lill-Istati Membri jilħqu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni u l-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli (il-Grupp ta’ Tmexxija). Il-Grupp ta’ Tmexxija jappoġġja lill-Istati Membri billi jrawwem l-iskambji ta’ esperjenza, politiki u prattika rilevanti.

Għaliex il-Kummissjoni Ewropea hi daqshekk iffukata fuq il-mard mhux komunikabbli?

Il-mard mhux komunikabbli, bħall-mard kardjovaskulari u l-kanċer jirrappreżenta kawżi ewlenin ta’ diżabbiltà, stat ħażin ta’ saħħa, irtirar relatat mas-saħħa, u mwiet prematuri fl-UE, u dan jirriżulta f’kosti soċjali u ekonomiċi konsiderevoli. Skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, madwar 550,000 persuna fl-età tax-xogħol jmutu b'mod prematur kull sena fl-UE minħabba l-mard mhux komunikabbli. Bħala l-kawża ewlenija ta’ mwiet fl-UE, dawn jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa, li jiġu jiswew €115-il biljun lill-UE kull sena. Dawn huma numri mwegħra, iżda hemm kalkolu wieħed li jagħtina ħafna tama u jħeġġiġna komplu naħdmu, u dan hu li 80% tal-mard mhux komunikabbli jista’ jiġi evitat permezz ta’ prattiki għal stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Mard mhux komunikabbli

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Mard kardjovaskulari

Il-Kummissjoni Ewropea – Riċerka u Innovazzjoni

Aħbarijiet

Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Mard Mhux Komunikabbli jiltaqa’ b'mod virtwali fl-10 ta’ Settembru

Il-grupp ippreżenta r-riżultati inizjali tal-istħarriġ tal-prijoritajiet nazzjonali fis-settur tas-saħħa pubblika fl-Istati Membri, li sar biex jiġu identifikati l-prijoritajiet fuq quddiem għall-interventi fis-settur tas-saħħa fuq il-livell tal-popolazzjoni u l-aħjar prattika għall-2021-22. Il-prevenzjoni tal-mard mhux komunikabbli hi ppjanata li tkun waħda minn dawn il-prijoritajiet.

Il-Kummissjoni organizzat konferenza dwar Stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa “mill-edukazzjoni għall-prattika”

Il-konferenza, organizzata mill-Aġenzija għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Ambjent, l-Agrikoltura u l-Ikel tal-Kummissjoni, saret fuq il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa. L-utenti rreġistrati jistgħu jsibu s-sommarju u aktar informazzjoni fuq il-pjattaforma.

Il-Jum Dinji tal-Qalb fid-29 ta’ Settembru jingħata aktar importanza matul il-COVID-19

In-nies b’mard kardjovaskulari u l-fatturi ta’ riskju tiegħu, inklużi l-pressjoni għolja u d-dijabete, huma aktar vulnerabbli għal forom severi tal-coronavirus. Ingħaqad mal-kampanja ta' sensibilizzazzjoni u ta’ azzjoni u għin biex innaqqsu r-riskji tal-mard kardjovaskulari.

L-Eurostat jipprovdi statistika u analiżi dwar il-kawża ewlenija ta’ mwiet fl-UE.

Il-mard kardjovaskulari hu l-kawża ewlenija ta’ mwiet fl-UE. L-Eurostat jipprovdi statistika dwar in-numru ta’ mwiet ikkawżati mill-mard kardjovaskulari fl-UE u fl-Istati Membri, l-inċidenza tal-mard kardjovaskulari skont il-ġeneru u l-età u data u analiżi oħra rilevanti.

Id-WHO tassigura impenn globali għat-tnaqqis tal-piż tal-mard kardjovaskulari b’25%

Il-gvernijiet approvaw id-disa’ miri globali volontarji li għandhom l-għan komuni li jnaqqsu l-imwiet prematuri kkawżati mill-erba’ mardiet mhux komunikabbli ewlenin b’25% sal-2025. Dan hu fattibbli permezz ta’ impenn politiku fuq livell għoli, azzjoni mill-amministrazzjoni pubblika kollha, u l-appoġġ u l-impenn ta’ kulħadd.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Young 50

Il-proġett YOUNG 50 li hu ffinanzjat mill-UE għandu l-għan li jgħin biex jimmodifika u jnaqqas il-fatturi tar-riskju fost il-persuni b’saħħithom fil-grupp ta' età tal-50, jippromwovi interventi biex jinbidlu l-istili ta’ ħajja mhux tajbin għas-saħħa u jżid l-għarfien u l-perċezzjoni tar-riskji tal-mard kardjovaskulari fost il-popolazzjoni ġenerali.

Links interessanti oħrajn