Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 258 - Fokus

Attitudni mentali b’saħħitha: Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali

John F. Ryan, id-Direttur tad-Direttorat tal-Kummissjoni Ewropea għas-Saħħa Pubblika, jitkellem dwar il-ħidma tal-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa mentali, inklużi Azzjoni Konġunta ġdida għas-Saħħa Mentali u grupp ġdid ta’ partijiet ikkonċernati dwar il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE li jindirizza speċifikament kwistjonijiet ta’ saħħa mentali fid-dawl tal-COVID-19.

X’inhi l-ispiża ta’ saħħa mentali ħażina fuq is-soċjetà?

Sentejn ilu, aħna ddedikajna kapitolu dwar is-saħħa mentali fir-Rapport tagħna dwar l-Istat tas-Saħħa fl-UE. Dan kien jinkludi data inkwetanti dwar l-ispiża tal-mard mentali għaċ-ċittadini u s-soċjetà tagħna. Il-problemi tas-saħħa mentali jaffettwaw madwar 84 miljun persuna fl-UE kollha: aktar minn ċittadin wieħed minn kull sitta! B’kollox, nonfqu aktar minn €600 biljun, aktar minn 4% tal-PDG tagħna, fuq il-konsegwenzi tal-mard mentali, iżda terz biss minn dan jirrifletti nfiq dirett fuq il-kura tas-saħħa. Inħallsu prezz ħafna akbar indirettament, permezz ta’ telf ta’ impjiegi u produttività, u permezz ta’ nfiq addizzjonali fuq is-sigurtà soċjali. Fuq nota aktar pożittiva, l-investiment fil-benesseri tan-nies jibni pedament b’saħħtu għal tkabbir ekonomiku fit-tul aktar sostenibbli, kif ukoll għas-saħħa ġenerali taċ-ċittadini tagħna!

Kemm ilha attiva l-Kummissjoni fis-saħħa mentali?

L-involviment tagħna jmur lura għal kważi għoxrin sena. L-ewwel “Green Paper” tagħna enfasizzat l-importanza tal-promozzjoni tas-saħħa mentali għal kulħadd, l-indirizzar tas-saħħa mentali ħażina, u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’mard jew diżabbiltà mentali. Hija pproponiet ukoll l-iżvilupp ta’ sistema ta’ informazzjoni, riċerka u għarfien dwar is-saħħa mentali għall-UE. Minn dak iż-żmien, appoġġjajna ħafna inizjattivi, billi kkollaborajna ma’ esperti, is-soċjetà ċivili u dawk li jfasslu l-politika fl-Istati Membri tagħna. Aħna stajna niġbru l-għarfien u l-prattiki tajbin, speċjalment f’oqsma ewlenin bħall-prevenzjoni tad-dipressjoni u s-suwiċidju, is-saħħa mentali fil-politiki kollha, l-inizjattivi li jistabbilixxu l-post tax-xogħol u l-iskejjel, ir-rwol tas-saħħa elettronika, u s-servizzi bbażati fuq il-komunità.

Il-Kummissjoni kif qed tgħin issa?

Aħna nappoġġjaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu s-saħħa u l-benesseri mentali, jipprevienu s-saħħa mentali ħażina, u jipprovdu aċċess f’waqtu għal servizzi ta’ kwalità tajba. Dan huwa verament fil-qalba ta’ dak li nagħmlu. Nixtiequ nagħmlu differenza ta’ vera, abbażi ta’ dak li nafu li jaħdem l-aħjar, billi niffrankaw lill-Istati Membri milli joqogħdu jivvintaw i-rota mill-ġdid u billi nippermettulhom li jiffukaw fuq it-twettiq ta’ dak li jeħtieġlu jsir. Aħna nidentifikaw prattiki tajbin bl-għajnuna taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, nitolbu lill-ministeri tas-saħħa liema minnhom huma l-aktar rilevanti u nappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ dawk il-prattiki f’oqsma li l-Istati Membri identifikaw bħala prijorità.

Fil-qasam tas-saħħa mentali, għażilna erba’ prattiki speċifiċi mill-inizjattivi li appoġġjajna fis-snin preċedenti. Issa nistgħu nikkofinanzjaw l-implimentazzjoni usa’ tagħhom permezz tal-Programm tas-Saħħa, billi nikkontribwixxu sa €8.4 miljun. Aħna u nitkellmu, qed tissawwar Azzjoni Konġunta dwar is-Saħħa Mentali u l-applikazzjonijiet għal żewġ proġetti qed jiġu evalwati.

Naħdmu wkoll bis-sħiħ biex nappoġġjaw lill-partijiet ikkonċernati fl-isforz tagħhom biex jindirizzaw l-impatt tal-COVID19 fuq is-saħħa mentali. Din hija sfida kbira, u waħda li se tibqa’ magħna għal xi żmien mhux ħażin. Il-pandemija taffettwana lkoll b’modi differenti, iżda lkoll għandna bżonn naffrontaw il-pressjonijiet tal-lockdown, l-iżolament soċjali, u t-tħassib dwar saħħitna u dik tal-maħbubin tagħna.

Huwa għalhekk li ħloqna spazju fi ħdan il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tagħna għall-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati biex jiltaqgħu flimkien u jaqsmu t-tħassib tagħhom dwar il-piż tal-pandemija fuq is-saħħa mentali, u biex jiskambjaw il-prattika u l-għarfien dwar is-saħħa mentali. Ir-riżultati tal-ħidma ta’ aktar minn 60 parteċipant se jiġu xxerjati permezz ta’ webinars ospitati mill-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa, bl-ewwel waħda ppjanata għal aktar tard dan ix-xahar.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Saħħa Mentali

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Webinar dwar l-isfidi u l-approċċi ġodda biex jiġi indirizzat l-impatt tal-COVID-19 fuq is-saħħa mentali li għandu jsir fis-16 ta’ Ottubru

Il-webinar se jiġi ospitat fil-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa u se jitmexxa mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u s-Saħħa Mentali tal-Kummissjoni bħala koordinatur tal-grupp tan-network dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq is-saħħa mentali.

Network tematiku ġdid dwar il-COVID-19: appoġġ għas-saħħa mentali stabbilit fil-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE

Dan in-network għall-organizzazzjonijiet Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ jipprovdi post għall-ixxerjar tal-għarfien u l-prattiki dwar kwistjonijiet ta’ saħħa mentali relatati mal-COVID-19, u għall-iżvilupp ta’ sett ta’ dokumenti ta’ gwida li jgħinu biex jiġu indirizzati l-aspetti tas-saħħa mentali tal-pandemija tal-COVID-19. Itlob aċċess fil-pjattaforma.

L-Ewwel Ġimgħa Ewropea tas-Saħħa Mentali li saret bejn l-4 u l-10 ta’ Mejju 2020

Mental Health Europe nediet l-ewwel ġimgħa Ewropea ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa mentali taħt il-motto “Flimkien nistgħu nirnexxu” biex tiġi enfasizzata l-importanza tas-saħħa mentali matul il-kriżi tal-COVID-19 u lil hinn minnha.

L-aktar riżultati reċenti mill-istħarriġ tal-Eurofound “Ħajja, xogħol u COVID-19” jiżvelaw impatt soċjali u ekonomiku kumulattiv allarmanti tal-pandemija fil-ħajja tan-nies

Iż-żgħażagħ, u dawk bla xogħol, jirrapportaw l-aktar livelli baxxi ta’ benesseri, minkejja xi titjib mill-bidu tal-pandemija ’l hawn. Filwaqt li s-sodisfazzjon tal-ħajja u l-ottimiżmu żdiedu minn April ’l hawn, iż-żgħażagħ għadhom iħossuhom esklużi mis-soċjetà u jibqgħu fl-akbar riskju ta’ dipressjoni.

Il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali 2020 jiffoka fuq "Is-Saħħa Mentali għal Kulħadd: Investiment Akbar, Aċċess Aktar”

Dan l-avveniment globali huwa organizzat mill-Federazzjoni Dinjija għas-Saħħa Mentali bl-għan li joqrob aktar lejn l-għan li l-kura tas-saħħa mentali ssir realtà għal kulħadd, b’enfasi ewlenija fuq l-għarfien, il-promozzjoni, l-aċċessibbiltà u l-azzjoni.

WHO/Ewropa biex tiġi stabbilita koalizzjoni tas-saħħa mentali biex tappoġġja r-riformi tas-sistema u l-irkupru tal-COVID-19

WHO Ewropa nediet inizjattiva ewlenija ġdida dwar is-saħħa mentali, li se tlaqqa’ flimkien koalizzjoni wiesgħa ta’ mexxejja tas-saħħa mentali, promoturi, utenti tas-servizzi u sħab oħrajn biex itejbu l-politiki u l-prattiki tas-saħħa mentali.

Sessjoni ta’ ħidma fuq pjattaforma b'diversi naħat dwar l-aħjar prattiki tas-saħħa mentali u riżultati tar-riċerka li jistgħu jiġu implimentati

Sessjoni ta’ ħidma fuq pjattaforma b'diversi naħat dwar is-suq li juri l-aħjar prattiki u riżultati ta’ riċerka implimentabbli fil-qasam tas-saħħa mentali sar fil-bini taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea f’Ispra, l-Italja.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

Azzjoni Konġunta ġdida dwar is-Saħħa Mentali li qed tiġi żviluppata u proġetti li qed jiġu evalwati

Is-sejħiet issa għalqu. Il-proposti qed jiġu evalwati u qed jiġu żviluppati biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki fil-qasam tas-saħħa mentali permezz tal-Pjan ta’ Ħidma tal-2020 tal-Programm tas-Saħħa tal-UE.

Links interessanti oħrajn

Eurostat: Statistika dwar is-Saħħa Mentali u kwistjonijiet relatati

Kont taf li 3.7% tal-imwiet kollha fl-UE fl-2016 irriżultaw minn disturbi mentali u fl-imġiba? Sib aktar statistika relatata mas-saħħa mentali fuq il-paġna web iddedikata tal-Eurostat.