Azzjonijiet ġodda proposti għall-bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti
Sandra Gallina, id-Direttriit Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni Ewropea, issemmi ftit mill-azzjonijiet li l-Kummissjoni pproponiet fil-11 ta’ Novembru għall-bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa lesta biex tindirizza t-theddid għas-saħħa ta’ kull tip b’mod aktar koordinat u effettiv.
Għaliex huma meħtieġa miżuri ġodda?
Iż-żieda tar-rati ta’ infezzjoni bil-COVID-19 madwar l-Ewropa hija allarmanti ħafna. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni deċiżiva minnufih biex l-Ewropa tipproteġi lin-nies, biex tittaffa l-pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa, u biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-virus. Ħadna passi biex nindirizzaw dawn l-oqsma fuq perjodu qasir ta’ żmien, iżda neħtieġu wkoll soluzzjonijiet aktar sostenibbli.
Iċ-ċittadini talbu lill-UE biex tagħmel aktar. Il-proposti l-ġodda tagħna se jgħinuna nirrispondu għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri u biex nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha u reżiljenti li tkun tiflaħ għal theddid tas-saħħa fil-futur.
X'tgħallimt mill-pandemija?
It-tifqigħa tal-coronavirus għallmitna li jeħtieġ li nagħmlu xi titjib strutturali fil-mod kif naħdmu flimkien.
Id-Deċiżjoni tal-2013 dwar it-theddid transfruntier għas-saħħa wittiet it-triq għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-akkwist konġunt għax-xiri ta’ kontromiżuri mediċi bħal tagħmir protettiv personali u tagħmir mediku bħal ventilaturi għall-isptarijiet. Salvat għadd kbir ta’ ħajjiet matul din il-kriżi u għenitna ninnegozjaw b’suċċess il-vaċċini kontra l-COVID-19. Issa, jeħtieġ li nibnu fuq dawn is-suċċessi u nindirizzaw in-nuqqasijiet f’oqsma bħall-koordinazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons, settijiet ta’ data komuni u valutazzjonijiet tar-riskju biex intejbu l-livell ta’ tħejjija ġenerali tal-Ewropa.
X’inhuma l-proposti ewlenin biex insaħħu t-tħejjija u r-rispons tagħna għall-kriżijiet tas-saħħa?
Wieħed mill-modi ewlenin li nittamaw li ntejbu l-koordinazzjoni u t-tħejjija komuni tagħna huwa billi nsaħħu r-rwoli tas-sħab vitali li kellhom rwol kruċjali matul il-pandemija - iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).
B’appoġġ akbar, l-ECDC jista’ jgħinna nżidu l-kapaċitajiet għat-tħejjija, is-sorveljanza, it-twissija bikrija, u l-valutazzjoni tar-riskju, filwaqt li EMA msaħħa tista’ tgħinna nindirizzaw il-vulnerabbiltà fil-ktajjen tal-provvista għall-prodotti mediċi u għall-mediċini permezz ta’ monitoraġġ u mitigazzjoni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet.
Għandna wkoll il-ħsieb li nippubblikaw strateġija farmaċewtika ġdida biex nindirizzaw dawn in-nuqqasijiet mediċi matul żminijiet ta’ kriżi, iżda wkoll biex niżguraw l-affordabbiltà ta’ kontromiżuri mediċi bħal vaċċini u terapiji. F’livell globali, irridu nistaqsu fejn qed jiġu żviluppati l-mediċini. Irridu nagħmlu l-mediċini disponibbli għaċ-ċittadini kollha fl-UE u nipproteġu dak li l-Ewropej japprezzaw l-aktar – saħħithom.
Nixtieq inħabbar ukoll il-pjanijiet tagħna biex nistabbilixxu korp tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp li jiffoka fuq il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE mill-influwenzi pandemiċi bħall-COVID-19 u minn theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari. Dan il-korp il-ġdid se jkun simili fl-istruttura u fl-għan għall-Awtorità Bijomedika għar-Riċerka u l-Iżvilupp Avvanzati tal-Istati Uniti (BARDA).
Dawn il-proposti kollha jsaħħu r-rispons tagħna fil-livell tal-UE, iżda l-ġlieda kontra l-COVID-19 tiddependi fuq l-individwi kullimkien li jieħdu responsabbiltà personali u jsegwu l-linji gwida kollha biex titnaqqas it-trażmissjoni ta’ dan il-virus bla ħniena. Hu biss billi nuru solidarjetà u naħdmu flimkien li nistgħu negħlbu din il-kriżi. Flimkien aħna aktar b’saħħitna.
Attivitajiet fil-livell tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea |
Il-Kummissjoni Ewropea |
Panel Konsultattiv dwar il-COVID-19 Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari |
Sigurtà tas-saħħa u mard infettiv Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari |
Akkwist Konġunt ta’ kontromiżuri mediċi Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari |
Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard |
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini |
Aħbarijiet
Il-Kummissjoni Ewropea ressqet għadd ta’ miżuri biex tinbena Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha, fejn il-pajjiżi kollha tal-UE jħejju u jirrispondu flimkien għall-kriżi tas-saħħa. |
Il-Kummissarju għas-Saħħa Stella Kyriakides u d-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Sandra Gallina t-tnejn li huma tkellmu fl-avveniment fid-29 ta’ Ottubru li sar biex jiġu ppreżentati ideat u jinkiseb input mill-partijiet ikkonċernati biex ifasslu l-proposti qabel il-preżentazzjoni uffiċjali tagħhom fil-11 ta’ Novembru. |
Il-Kummissjoni ħabbret azzjonijiet konkreti f’Komunikazzjoni tat-28 ta’ Ottubru 2020 dwar miżuri addizzjonali ta’ rispons għall-COVID-19 biex tgħin fil-bini ta’ aktar reżiljenza f’diversi oqsma fl-Istati Membri kollha. |
F’din id-dikjarazzjoni konġunta, il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO rrikonoxxew is-sinerġiji bejn il-programmi u l-istrateġiji rispettivi tagħhom u esprimew ir-rieda li japprofondixxu l-kollaborazzjoni tagħhom. |
Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-apps għat-traċċar u t-twissija tal-kuntatti biex tinkiser il-katina tal-infezzjonijiet tal-coronavirus bejn il-fruntieri u jiġu salvati l-ħajjiet, il-Kummissjoni, fuq stedina mill-Istati Membri tal-UE, waqqfet “gateway”, jew sistema mifruxa mal-UE kollha biex tiżgura l-interoperabbiltà. |
Ikseb aġġornamenti ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jipprovdi aġġornamenti ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa dwar is-sitwazzjoni fl-UE/ŻEE, ir-Renju Unit u fid-dinja kollha, kif ukoll rapport ta’ sorveljanza ta’ kull ġimgħa u mappa b’appoġġ għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
L-aġenzija ppubblikat kemm id-data klinika b’appoġġ għall-awtorizzazzjoni ta’ Veklury (Remdesivir) kif ukoll informazzjoni dwar it-trattamenti u l-vaċċini tal-COVID-19 li rċevew parir xjentifiku jew gwida informali mit-Task Force tal-pandemija tal-EMA. |
L-aġenzija qed tinteraġixxi mal-iżviluppaturi ta’ trattamenti u vaċċini potenzjali tal-COVID-19 biex tippermetti li mediċini promettenti jaslu għand il-pazjenti mill-iktar fis possibbli. Qed tagħmel użu wkoll minn data tad-dinja reali biex timmonitorja s-sikurezza u l-effettività tal-mediċini użati f’pazjenti bil-COVID-19. |
Links interessanti oħrajn
Komunikazzjoni tal-15 ta’ Ottubru dwar l-Istrateġija għall-Vaċċini |