Il-konsum tat-tabakk huwa l-akbar riskju ewlieni għas-saħħa li jista’ jiġi evitat, u l-kawża l-aktar sinifikanti ta' mewt prematura fl-UE, responsabbli għal kważi 700,000 mewta kull sena. Madwar 50% ta' dawk li jpejpu jmutu qabel iż-żmien (b'medja ta' 14-il sena aktar kmieni).
Minkejja l-progress konsiderevoli li sar f’dawn l-aħħar snin, l-għadd ta' dawk li jpejpu fl-UE għadu għoli – 26% tal-popolazzjoni inġenerali u 29% taż-żgħażagħ Ewropej bejn 15 u 24 sena.
Prijoritajiet ta' politika
Biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet nazzjonali ħadu diversi miżuri dwar il-kontroll tat-tabakk f'sura ta' leġiżlazzjoni, rakkomandazzjonijiet u, preċedentement, kampanji ta' informazzjoni.
Dawn il-miżuri ta’ politika jinkludu b'mod partikolari:
- Ir-regolament tal-prodotti tat-tabakk (eż. l-imballaġġ, it-tikkettar, l-ingredjenti)
- Ir-restrizzjonijiet tal-pubbliċità għall-prodotti tat-tabakk
- Il-ħolqien ta' ambjenti ħielsa mid-duħħan
- Il-miżuri tat-taxxa u l-attivitajiet kontra l-kummerċ illeċitu
Dawn jipproteġu liċ-ċittadini mill-effetti perikolużi tat-tipjip u minn forom oħrajn ta' konsum tat-tabakk, inkluż it-tipjip passiv. B’mod kruċjali, għandhom l-għan li jgħinu lil dawk li jpejpu biex jieqfu jpejpu jew biex dak li jkun ma jibdiex ipejjep. Qed tingħata attenzjoni partikolari lit-tipjip fost iż-żgħażagħ peress li 93% ta’ dawk li jpejpu jibdew ipejpu qabel ma jagħlqu 26 sena.
Regolament dwar il-prodotti
Billi jikkunsdiraw il-kummerċ sinifikanti bejn il-fruntieri ta' prodotti tat-tabakk u r-riskju ta’ leġiżlazzjoni diverġenti nazzjonali, hemm bżonn ta’ regoli tal-UE għal dawn il-prodotti. Dawn ir-regoli jipproteġu lill-konsumaturi fl-UE. Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk ilha tirregola l-manifattura, il-wiri u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati minn Mejju 2016.
Attivitajiet oħrajn tal-UE
- Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat introduċiet taxxi għoljin fuq il-prodotti tat-tabakk, li huma estremament effettivi fit-tnaqqis tal-użu tat-tabakk, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ.
- L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jinvestiga l-kummerċ illegali tat-tabakk f’konformità mal-protokoll internazzjonali dwar il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk.
Kooperazzjoni internazzjonali
L-UE qed taħdem ukoll mas-sħab internazzjonali tagħha biex tnaqqas il-konsum tat-tabakk fid-dinja. Il-pajjiżi tal-UE, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, huma sħab attivi fil-Konvenzjoni tal-Qafas ta' Ħidma tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), trattat internazzjonali li jorbot legalment li għandu l-għan li jnaqqas l-impatt fuq is-saħħa u l-ekonomija kkawżat mill-konsum tat-tabakk. Konferenzi tal-Partijiet tal-Konvenzjoni jsiru kull sentejn fejn dawn jieħdu deċiżjonijiet, jadottaw protokolli, u joħorġu linji gwida.
Kampanja tal-UE
Il-Kummissjoni diġà kienet ħadmet fil-qasam tal-waqfien mit-tipjip. Tliet kampanji fl-UE indirizzaw il-piż tal-konsum tat-tabakk fl-Ewropa, iżda mill-2016 ’l hawn l-enfasi kien fuq inizjattivi nazzjonali.