Il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa (HTA, Health Technology Assessment) tiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar kwistjonijiet mediċi, ekonomiċi, soċjali u etiċi relatati mal-użu ta’ teknoloġija tas-saħħa. Fost l-eżempji ta’ teknoloġiji tas-saħħa nsibu l-prodotti mediċinali, it-tagħmir mediku għad-dijanjożi u t-trattament, u l-metodi ta’ prevenzjoni.
Kif taħdem?
Meta l-korpi tal-HTA jintalbu jevalwaw teknoloġija tas-saħħa ġdida, huma jkollhom jivvalutaw jekk din taħdimx aħjar mill-alternattivi eżistenti, tajjeb daqshom, jew agħar minnhom. Għal dan, dawn il-korpi tipikament ikunu jeħtieġu jivvalutaw l-effett terapewtiku tal-mediċina, iżda wkoll l-effetti sekondarji potenzjali, l-influwenza fuq il-kwalità tal-ħajja u l-mezzi ta’ amministrazzjoni.
L-HTA tqis ukoll aspetti oħra tal-użu tat-teknoloġija, pereżempju l-implikazzjonijiet tal-ispiża tagħha għall-pazjent u l-impatt tagħha fuq l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-amministrazzjoni tat-trattament. Għalhekk, dan hu proċess multidixxiplinarju li jeżamina l-kwistjonijiet mediċi, ekonomiċi, organizzazzjonali, soċjali u etiċi relatati mal-użu ta’ teknoloġija tas-saħħa b’mod sistematiku.
Ir-Regolament dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa
Ir-Regolament (UE) 2021/2282 dwar l-HTA jikkontribwixxi għat-titjib tad-disponibbiltà ta’ teknoloġiji innovattivi fil-qasam tas-saħħa, bħall-mediċini u ċerti apparati mediċi, għall-pazjenti tal-UE. Dan jiżgura użu effiċjenti tar-riżorsi u jsaħħaħ il-kwalità tal-HTA fl-Unjoni kollha.
Dan jipprovdi qafas trasparenti u inklużiv billi jistabbilixxi Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali tal-HTA u network tal-partijiet ikkonċernati, u billi jistabbilixxi regoli dwar l-involviment fil-valutazzjonijiet kliniċi konġunti u fil-konsultazzjonijiet xjentifiċi konġunti tal-pazjenti, tal-esperti kliniċi u ta’ esperti rilevanti oħra.
Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-HTA se jnaqqas id-duplikazzjoni tal-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-HTA u tal-industrija, se jiffaċilita l-prevedibbiltà tan-negozju u se jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-kooperazzjoni tal-UE fir-rigward tal-HTA.
Il-qafas il-ġdid ikopri l-valutazzjonijiet kliniċi konġunti, il-konsultazzjonijiet xjentifiċi konġunti, l-identifikazzjoni ta’ teknoloġiji tas-saħħa emerġenti, u l-kooperazzjoni volontarja.
Ir-Regolament dwar l-HTA daħal fis-seħħ f’Jannar 2022 u japplika minn Jannar 2025.