Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Public Health

Ħarsa ġenerali

It-tilqim hu l-għodda primarja għal prevenzjoni tal-mard u wieħed mill-aktar miżuri tas-saħħa pubblika kosteffettivi disponibbli. 

L-immunizzazzjoni bit-tilqim hi l-aħjar difiża li għandna kontra mard serju, li jista’ jiġi evitat, u li xi drabi hu mard fatali u kuntaġġjuż.

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO, World Health Organization), it-tilqim jipprevjeni madwar 3.5 miljun sa 5 miljun mewta madwar id-dinja kull sena u jnaqqas l-kostijiet tat-trattament speċifiku għall-mard.

Bis-saħħa tat-tilqim mifrux:

  • Inqered il-ġidri.
  • L-Ewropa nħelset mill-poljo.
  • Ħafna mard ieħor ġie kważi eliminat.

Il-vaċċini użati fl-UE huma sikuri u effettivi

Hemm regoli stretti ħafna fl-Unjoni Ewropea għall-approvazzjoni ta’ kwalunkwe vaċċin li jiġi introdott fis-suq.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) twettaq evalwazzjoni komprensiva ħafna ta’ vaċċini ġodda, ladarba dawn ikunu tfasslu u ġew ittestjati fi provi kliniċi mill-kumpaniji tal-manifattura. Wara valutazzjoni pożittiva, il-Kummissjoni Ewropea mbagħad tkun tista’ toħroġ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

Ladarba jiġi introdott vaċċin fis-suq, l-EMA tkompli tevalwa s-sikurezza tiegħu u twettaq sorveljanza wara l-awtorizzazzjoni. Dawn il-passi kollha huma mfasslin biex tiġi żgurata sikurezza massima, bl-objettiv aħħari tas-saħħa u l-benessri tal-popolazzjoni.

Il-komponenti kollha tal-vaċċini kkummerċjalizzati fl-Unjoni Ewropea jgħaddu minn skrutinju intensiv.

Sfidi attwali

Illum, l-UE u l-pajjiżi ġirien għadhom qed jiffaċċjaw tifqigħat ta’ mard li jista’ jiġi evitat b’vaċċin minħabba rati insuffiċjenti ta’ kopertura tat-tilqim. 

Approċċ tul il-ħajja għat-tilqim huwa essenzjali biex jiġi massimizzat il-potenzjal sħiħ tal-immunizzazzjoni fl-etajiet kollha. Dan ifisser li dak li jkun jibqa’ aġġornat fir-rigward tal-vaċċini rakkomandati, f’konformità mal-iskedi u l-linji gwida nazzjonali.

L-ostakli potenzjali għat-tilqim huma kumplessi u jinkludu taħlita ta’ fatturi, bħal aċċess limitat għas-servizzi ta’ immunizzazzjoni, provvista mfixkla, jew miżinformazzjoni dwar il-vaċċini.

L-isfidi għall-fiduċja pubblika fit-tilqim, id-differenzi ġeografiċi fl-aċċessibbiltà u fit-teħid, u ż-żieda tal-informazzjoni falza u qarrieqa dwar it-tilqim huma kawża ta’ tħassib u sfida ewlenija għall-esperti tas-saħħa pubblika.

L-iżgurar ta’ aċċess ekwu għall-vaċċini għaċ-ċittadini kollha tal-UE, il-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, u t-titjib tal-fiduċja fil-vaċċini huma objettivi kondiviżi mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE.

Azzjoni fil-livell tal-UE

Il-politika dwar it-tilqim hi kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, iżda l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE biex jikkoordinaw il-politiki u l-programmi tagħhom.

Kanċers li jistgħu jiġu evitati bil-vaċċini

Fl-2024, ġiet adottata Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kanċers li jistgħu jiġu evitati bil-vaċċini biex tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE fit-tisħiħ tat-teħid tat-tilqim kontra l-Papillomaviruses umani (HPV) u l-virus tal-epatite B (HBV).

Ir-rakkomandazzjonijiet lill-pajjiżi tal-UE jinkludu l-iffaċilitar tal-aċċess għat-tilqim, komunikazzjoni mmirata dwar l-importanza tat-tilqim kontra l-HPV u l-HBV f’perspettiva ta’ prevenzjoni tal-kanċer u monitoraġġ aħjar tar-rati ta’ kopertura tat-tilqim biex tiġi infurmata l-azzjoni tas-saħħa pubblika. 

Wieħed mill-għanijiet tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer hu li jelimina l-kanċer ċervikali billi jlaqqam liż-żgħażagħ kontra l-papillomavirus uman (HPV, Human Papillomavirus) li jikkawżah u li hu marbut ukoll mal-kanċer tar-ras u tal-għonq, u mal-kanċer anali.

B’mod speċifiku, il-Pjan jitlob li titlaqqam mill-anqas 90% tal-popolazzjoni fil-mira tal-bniet tal-UE u li tiżdied b’mod sinifikanti r-rata ta’ tilqim fost is-subien.

Iffinanzjata mill-programm EU4Health, l-Azzjoni Konġunta SHIELD (Strateġiji għall-Interventi tas-Saħħa biex jiġu Eliminati l-Kanċers relatati mal-Infezzjoni) tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-kopertura tat-tilqim kontra l-HPV u l-HBV, itejbu s-sistemi ta’ monitoraġġ, u jiżviluppaw programmi komprensivi ta’ prevenzjoni bijomedika.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni appoġġat l-iżvilupp ta’ Mudell ta’ Komunikazzjoni għas-Sensibilizzazzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Miżinformazzjoni u d-Diżinformazzjoni dwar l-HPV u t-Tilqim kontra l-HBV, li jipprovdi gwida prattika lill-Istati Membri għal komunikazzjoni pubblika bbażata fuq l-evidenza. Permezz tal-Azzjoni Konġunta SHIELD, dan il-mudell se jissarraf f’kampanji konkreti ta’ sensibilizzazzjoni li jippromwovu t-tilqim kontra l-HPV u l-HBV bħala għodod effettivi għall-prevenzjoni tal-kanċer.

Infezzjonijiet respiratorji

It-tilqim kontra l-infezzjonijiet respiratorji, bħall-influwenza staġjonali, is-SARS-CoV-2 (COVID-19), il-virus respiratorju sinċizjali (RSV) u l-mard pnewmokokkali, jgħin biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet kardjovaskulari fi gruppi b’riskju għoli. It-tilqim ta’ persuni li għandhom 65-il sena u aktar, kif ukoll dawk b’mard kardjovaskulari, inaqqas ir-riskju ta’ attakki tal-qalb, puplesija u avvenimenti akuti oħra.

Il-Pjan għall-Qlub b’Saħħithom li tnieda mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2025, jinkludi proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tilqim kontra l-infezzjonijiet respiratorji bħala miżura preventiva għall-mard kardjovaskulari. 

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kooperazzjoni msaħħa kontra l-mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim

F’Diċembru 2018, il-Ministri tas-Saħħa tal-UE adottaw Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kooperazzjoni msaħħa kontra mard li jista’ jiġi evitat bil-vaċċini. 

Din l-inizjattiva ta’ politika titlob azzjonijiet bħall-koordinazzjoni tal-akkwist tal-vaċċini, l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-indirizzar tal-eżitazzjoni għat-tilqim. L-objettiv ġenerali kien li jiżdied it-teħid tat-tilqim fl-UE minn perspettiva tul il-ħajja.

Permezz tal-Azzjoni Konġunta dwar it-Tilqim (2018–2022), kofinanzjata mit-tielet Programm tas-Saħħa tal-UE (€3.55 miljun), il-Kummissjoni Ewropea saħħet l-appoġġ tagħha għall-isforzi nazzjonali tat-tilqim biex tiżdied il-kopertura. L-azzjoni konġunta, li tnediet fl-2018, indirizzat l-eżitazzjoni għat-tilqim u fittxet li żżid il-kopertura tat-tilqim fl-UE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fiż-żamma jew fiż-żieda tar-rati tat-tilqim billi:

Bejn l-2022 u l-2025, il-Kummissjoni Ewropea mexxiet kampanja ta’ komunikazzjoni bl-isem ta’ #UnitedInProtection biex tqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji ta’ approċċ tul il-ħajja għat-tilqim.

Vaċċini sikuri kontra l-COVID-19 għall-Ewropej

Koalizzajoni għat-Tilqim

Fir-rebbiegħa tal-2019 ġiet stabbilita Koalizzjoni għat-Tilqim li tlaqqa’ flimkien l-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti tas-saħħa u tal-istudenti Ewropej biex jippromwovu t-tilqim fil-ħidma tagħhom maċ-ċittadini u l-pari. Il-membri tal-Koalizzjoni għat-Tilqim huma impenjati li jagħtu informazzjoni preċiża lill-pubbliku, jiġġieldu kontra l-miti dwar it-tilqim u l-vaċċini, u jiskambjaw l-aħjar prattiki.

Informazzjoni relatata