Jeżistu inugwaljanzi sinifikanti fl-istat tas-saħħa pubblika bejn il-pajjiżi tal-UE u bejn gruppi ta’ popolazzjonijiet fi ħdan dawn il-pajjiżi. Il-fatturi determinanti soċjali għandhom rwol importanti bħala kontributuri għal dan u jħallu impatt fuq l-istennija tal-ħajja u s-saħħa b'mod ġenerali. Dawn jinkludu kwistjonijiet bħall-impjiegi, l-introjtu, l-edukazzjoni u l-etniċità.
F'tentattiv biex tindirizza l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, l-UE tippromwovi politiki u tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-partijiet interessati biex jieħdu miżuri biex tnaqqashom. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2009 Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE, stabbilixxiet strateġija inizjali għall-qasam li inkludiet:
- Valutazzjoni tal-impatt tal-politiki tal-UE fuq l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa
- Aġġornament tad-data dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u dwar strateġiji li rnexxew biex dawn jitnaqqsu
- Informazzjoni dwar il-finanzjament mill-UE bħala għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali u korpi oħrajn biex jindirizzaw l-inugwaljanzi.
Ir-rapport dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE
Fl-2013, il-Kummissjoni kompliet b’Dokument ta' Ħidma tal-Persunal - Rapport dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea. Huwa jipprovdi:
- Fatti u ċifri aġġornati dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE
- Valutazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-2009.
Hu jikkonkludi li filwaqt li sar xi progress, hi meħtieġa aktar azzjoni fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE. Il-politiki tal-UE jipprovdu opportunitajiet li l-pajjiżi tal-UE u l-gruppi ta' interess iridu jieħdu bis-sħiħ biex jinkiseb livell ogħla tas-saħħa u koeżjoni akbar fis-settur tas-saħħa.
L-investiment fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa
L-investiment fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jikkontribwixxi aktar għall-koeżjoni soċjali u jkisser l-ispirall vizzjuż ta' saħħa ħażina li jikkontribwixxi u jirriżulta fil-faqar u l-esklużjoni.
Il-Kummissjoni timplimenta proġetti pilota relatati ma’ aspetti speċifiċi tat-tnaqqis fl-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa b’finanzjament mill-Parlament Ewropew.
Qed tiġi ppreparata wkoll Azzjoni Konġunta dwar l-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa u se titnieda fl-2018. Din se tifforma l-bażi għal kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE dwar żieda fl-ugwaljanza fis-settur tas-saħħa.