Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Azzjoni tal-UE dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

Dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) hi l-kapaċità tal-mikroorganiżmi li jgħixu jew jikbru minkejja l-aġent antimikrobiku li normalment irażżan jew joqtol dak il-mikroorganiżmu.

L-AMR hi responsabbli għal aktar minn 35,000 mewta kull sena fl-UE/fiż-ŻEE.

L-AMR twassal ukoll għal spejjeż sinifikanti, inklużi fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa.

Fl-2019, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) bħala waħda mill-għaxar theddidiet globali ewlenin għas-saħħa pubblika li qed tiffaċċja l-umanità. F’Lulju 2022, il-Kummissjoni u l-Istati Membri identifikaw l-AMR bħala waħda mit-tliet theddidiet tas-saħħa ta’ prijorità ewlenin.

B’mod ġenerali, l-aħħar data turi xejriet li qed jiżdiedu b’mod sinifikanti fin-numru ta’ infezzjonijiet u mwiet attribwibbli għal kważi l-batterji kollha reżistenti għall-antibijotiċi, speċjalment f’ambjenti tal-kura tas-saħħa.

  • Madwar 70% tal-każijiet ta’ infezzjonijiet b’batterji reżistenti għall-antibijotiċi kienu infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.
  • Żieda kontinwa fir-reżistenza tista’ tirriżulta f’madwar 10 miljun mewta globalment kull sena, tnaqqis ta’ 2% sa 3,5% fil-prodott domestiku gross globali.
  • Sal-2050, l-ekonomija dinjija tista’ tiffaċċja spiża sa USD 100 triljun.

Aktar informazzjoni:

2022: Rapport ta’ ħarsa ġenerali – Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali “Saħħa Waħda” tal-Istati Membri kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

Tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE:

Fit-13 ta' Ġunju 2023, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi f'approċċ “Saħħa Waħda”

Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi.

Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi f’approċċ “Saħħa Waħda”, akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, bħala parti mill-pakkett farmaċewtiku.

Din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill testendi u tikkomplementa l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” tal-2017 kontra l-AMR fit-tliet dimensjonijiet kollha tal-ispettru “Saħħa Waħda” sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u jinkiseb rispons b’saħħtu u effettiv kontra l-AMR fl-UE kollha.

L-objettivi ta’ din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huma li:

  • jissaħħu l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali “Saħħa Waħda” dwar l-AMR
  • jissaħħu s-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-AMR u tal-konsum tal-antimikrobiċi
  • jissaħħu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet
  • jissaħħu l-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi
  • jiġu rrakkomandati miri għall-AMR u għall-konsum tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem
  • jittejbu l-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ
  • jitrawmu r-riċerka u l-iżvilupp, u inċentivi għall-innovazzjoni u l-aċċess għall-antimikrobiċi u kontromiżuri mediċi oħra tal-AMR
  • tiżdied il-kooperazzjoni
  • jissaħħu l-azzjonijiet globali

Il-kontribut għall-proposta nġabar mill-konsultazzjoni, mill-istudji u mir-rapporti li ġejjin:

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” kontra l-AMR tal-2017

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” kontra l-AMR, kif mitlub mill-pajjiżi tal-UE fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016.

L-objettivi ewlenin ta’ dan il-pjan il-ġdid huma mibnija fuq tliet pilastri ewlenin:

  1. Nagħmlu l-UE reġjun tal-aħjar prattika
  2. Insaħħu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni
  3. Insawru l-aġenda globali

Il-pjan jiddeskrivi aktar minn 70 azzjoni li jkopru s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, li l-progress tagħhom jiġi mmonitorjat regolarment.

Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida tal-UE dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem. Il-linji gwida għandhom l-għan li jnaqqsu l-użu mhux xieraq u jippromwovu l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fin-nies.

Huma mmirati lejn l-atturi kollha responsabbli għall-użu tal-antimikrobiċi jew li għandhom rwol f’dan. Dawn jikkomplementaw il-Linji Gwida tal-UE dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-annimali.

Bejn l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-AMR tal-2017 u l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi f’approċċ “Saħħa Waħda”, xi inizjattivi ewlenin ikkontribwew għal aktar tisħiħ tar-rispons tal-UE għall-AMR.

Dawn jinkludu:

Kemm il-programm L-UE għas-Saħħa kif ukoll il-programm Orizzont Ewropa jipprovdu finanzjament fil-qasam tal-AMR.  

Pjan ta’ azzjoni (2011-2016) preċedenti tal-Kummissjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 kontra t-theddid li qed jiżdied mill-AMR kien fih 12-il azzjoni għall-implimentazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u identifika 7 oqsma fejn il-miżuri kienu l-aktar meħtieġa:

  • attenzjoni biex l-antimikrobiċi jintużaw sew kemm għan-nies u kemm għall-annimali
  • prevenzjoni tal-infezzjonijiet mikrobiċi u l-firxa tagħhom
  • żvilupp ta’ antimikrobiċi effettivi ġodda jew alternattivi għall-kura
  • kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali biex jonqsu r-riskji mill-AMR
  • titjib tal-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-mediċina għan-nies u għall-annimali
  • promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni
  • titjib tal-komunikazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ppubblikata f’Ottubru 2016 mill-Kummissjoni u l-kontributi li waslu matul il-konsultazzjoni pubblika wrew li dan kellu valur miżjud ċar li jaġixxi bħala simbolu ta’ impenn politiku, li jistimula diversi azzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri, u serva biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali.

Il-Pjan ta’ Azzjoni pprovda wkoll qafas biex jiggwida u jikkoordina attivitajiet dwar l-AMR fil-livell internazzjonali fil-qasam tal-monitoraġġ u s-sorveljanza u dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp. Din l-iskeda informattiva tiġbor fil-qosor il-punti ewlenin ta’ din l-evalwazzjoni.

Barra minn hekk, hu disponibbli rapport estern dwar l-Evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-KE kontra t-theddid li qed jiżdied mir-reżistenza antimikrobika (u l-appendiċijiet).

Qabel din l-evalwazzjoni, fi Frar 2015 ġie ppubblikat rapport ta’ progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-AMR (2011-2016) li wera s-sitwazzjoni attwali tal-passi meħudin biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni kkumpilat ukoll ħarsa ġenerali dettaljata tat-12-il Azzjoni koperti mill-Pjan ta' Azzjoni fi Pjan Direzzjonali (aġġornat f’Novembru 2016), inklużi l-għanijiet operazzjonali, l-attivitajiet konkreti u l-iskadenzi.

Network tal-UE Saħħa Waħda dwar l-AMR

In-Network Saħħa Waħda dwar l-AMR, ippresedut mill-Kummissjoni Ewropea, jinkludi esperti tal-gvern mis-settur tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, l-aġenziji xjentifiċi rilevanti tal-UE, il-partijiet ikkonċernati u l-esperti tal-Kummissjoni.

Il-missjoni tiegħu hi li jsaħħaħ il-koordinazzjoni u d-djalogu bejn is-setturi tas-saħħa tal-bniedem, veterinarji u ambjentali fl-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, f’politiki għall-ġlieda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi.

Dan in-Network normalment jiltaqa’ darbtejn fis-sena.

Inżidu l-għarfien

Biex jiżdied l-għarfien dwar l-AMR, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) waqqaf il-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi (EAAD) li għandu l-għan li jipprovdi pjattaforma u appoġġ għall-kampanji nazzjonali dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi.

Matul is-snin, il-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi - li jitfakkar kull sena f’Novembru flimkien mal-Ġimgħa Dinjija għall-Għarfien dwar l-Antimikrobiċi organizzata mid-WHO - żviluppa fi pjattaforma ta’ firxa globali, bi sħubija ma’ ħafna pajjiżi barra mill-UE kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti, f’konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda” tal-Kummissjoni għall-AMR. 

Barra minn hekk, f’Settembru 2024, il-Kummissjoni nediet kampanja biex tippromwovi konoxxenza ikbar dwar l-AMR fost iż-żgħażagħ u biex tindirizza l-AMR permezz ta’ approċċ li jinvolvi lis-soċjetà kollha kemm hi. L-UE hija wkoll sostenitur voċiferu ta’ rispons “Saħħa Waħda” iktar b’saħħtu għat-theddida globali tal-AMR.