Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Public Health

Azzjoni tal-UE dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

Dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (l-AMR) hija l-kapaċità tal-mikroorganiżmi li jibqgħu ħajjin jew li jikbru fil-preżenza ta’ aġent antimikrobiku li normalment irażżan jew joqtol dak il-mikroorganiżmu.

L-AMR hija waħda mill-akbar theddidiet globali għas-saħħa pubblika u għall-iżvilupp. F’Lulju 2022, il-Kummissjoni u l-Istati Membri identifikaw l-AMR bħala waħda mit-tliet theddidiet ewlenin għas-saħħa, li tirrikjedi azzjoni koordinata fil-livell tal-UE biex jissaħħu l-preparatezza u r-rispons.

L-AMR hija responsabbli għal aktar minn 35,000 mewta kull sena fl-UE/iż-ŻEE, b’konsegwenza diretta ta’ infezzjoni minħabba l-batterji reżistenti għall-antibijotiċi. Dan l-impatt fuq is-saħħa huwa komparabbli ma’ dak tal-influwenza, tat-tuberkulożi u tal-HIV/AIDS flimkien.

Id-data miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) turi xejriet li qed jiżdiedu b’mod sinifikanti fl-għadd ta’ infezzjonijiet u mwiet attribwibbli għal kważi l-kombinazzjonijiet kollha ta’ batterju-reżistenza għall-antimikrobiċi, speċjalment fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa. Huwa stmat li madwar 70 % tal-każijiet ta’ infezzjonijiet bil-batterji reżistenti għall-antibijotiċi kienu infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa.

Bejn l-2025 u l-2050, huwa previst li 39 miljun mewta se jkunu direttament attribwibbli għall-AMR batterika.

L-AMR twassal ukoll għal kostijiet sinifikanti, inkluż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u fuq l-ekonomija. L-organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tistma li kull sena, in-nefqa ogħla fuq is-saħħa u t-tnaqqis fil-produttività tal-forza tax-xogħol minħabba l-AMR lill-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE tiswihom kważi EUR 11.7 biljun.

Globalment, l-AMR tista’ tirriżulta fi USD 1 triljun ta’ kostijiet addizzjonali fis-sena għall-kura tas-saħħa sal-2050 u bejn USD 1 triljun u 3.4 triljun ta’ telf fil-prodott domestiku gross fis-sena sal-2030.

Ir-reżistenza antimikrobika hija theddida għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll għall-ambjent, peress li l-mikroorganiżmi bħall-batterji jinfirxu fis-setturi kollha u bejniethom. Għalhekk, din il-kwistjoni jeħtieġ li tiġi indirizzata b’azzjoni integrata minn diversi setturi, magħrufa bħala l-approċċ Saħħa Waħda.

Tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE

Fit-13 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta proposta għal Rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi f’approċċ “Saħħa Waħda”, wara proposta mill-Kummissjoni Ewropea, bħala parti mill-pakkett farmaċewtiku.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill testendi u tikkomplementa l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” tal-2017 kontra l-AMR fit-tliet dimensjonijiet kollha tal-ispettru “Saħħa Waħda” (is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent) sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u jinkiseb rispons b’saħħtu u effettiv kontra l-AMR fl-UE kollha.

L-objettivi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huma li:

  • jissaħħu l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali “Saħħa Waħda” dwar l-AMR
  • jissaħħu s-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-AMR u tal-konsum tal-antimikrobiċi
  • jissaħħu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet
  • jissaħħu l-politika tal-użu tajjeb tal-antimikrobiċi u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi
  • jiġu rrakkomandati miri għall-AMR u għall-konsum tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem
  • jittejbu l-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ
  • jitrawmu r-riċerka u l-iżvilupp, u inċentivi għall-innovazzjoni u l-aċċess għall-antimikrobiċi u kontromiżuri mediċi oħra tal-AMR
  • tiżdied il-kooperazzjoni
  • jissaħħu l-azzjonijiet globali.

Biex tivvaluta l-progress u r-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-AMR tal-2017 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-AMR, il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat studju biex tfassal qafas ta’ monitoraġġ.

Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi.

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” kontra l-AMR tal-2017

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE “Saħħa Waħda” kontra l-AMR, kif mitlub mill-pajjiżi tal-UE fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016.

L-objettivi ewlenin ta’ dan il-pjan huma mibnija fuq tliet pilastri ewlenin:

  1. Nagħmlu l-UE reġjun tal-aħjar prattika
  2. Insaħħu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni
  3. Insawru l-aġenda globali.

Il-pjan jiddeskrivi aktar minn 70 azzjoni li jkopru s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, li l-progress tagħhom jiġi mmonitorjat regolarment.

Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida tal-UE dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem. Il-linji gwida għandhom l-għan li jnaqqsu l-użu mhux xieraq u jippromwovu l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-bnedmin.

Huma mmirati lejn l-atturi kollha responsabbli għall-użu tal-antimikrobiċi jew li għandhom rwol f’dan. Dawn jikkomplementawil-Linji Gwida tal-UE dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-annimali.

Bejn l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-AMR tal-2017 u l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi f’approċċ “Saħħa Waħda”, xi inizjattivi ewlenin ikkontribwew għal aktar tisħiħ tar-rispons tal-UE għall-AMR.

Dawn jinkludu:

Kemm il-programm L-UE għas-Saħħa kif ukoll il-programm Orizzont Ewropa jipprovdu finanzjament fil-qasam tar-riċerka, tal-proġetti u tal-istudji dwar l-AMR.

Network tal-UE Saħħa Waħda dwar l-AMR

In-Network Saħħa Waħda dwar l-AMR, ippresedut mill-Kummissjoni Ewropea, jinkludi esperti tal-gvern mis-settur tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent, l-aġenziji xjentifiċi rilevanti tal-UE, il-partijiet ikkonċernati u l-esperti tal-Kummissjoni.

Il-missjoni tiegħu hi li jsaħħaħ il-koordinazzjoni u d-djalogu bejn is-settur tas-saħħa tal-bniedem, is-settur veterinarju u s-settur ambjentali fl-istituzzjonijiet tal-UE, fl-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, f’politiki għall-ġlieda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi.

Dan in-Network normalment jiltaqa’ darbtejn fis-sena.

Bħala mod kif ikun hemm komunikazzjoni fost il-membri tan-Network Saħħa Waħda dwar l-AMR, il-Kummissjoni Ewropea qed tospita l-Pjattaforma tal-UE dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi. Dan in-network diġitali interattiv għandu l-għan li jippromwovi d-djalogu fost l-awtoritajiet kompetenti, in-negozji, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u x-xjenzati dwar kwistjonijiet tal-AMR li huma rilevanti għall-Unjoni.

Inżidu l-għarfien

Biex jiżdied l-għarfien dwar l-AMR, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) waqqaf il-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi (EAAD) li għandu l-għan li joħloq għarfien dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza għall-antimikrobiċi u dwar l-importanza li l-antibijotiċi jintużaw b’mod prudenti.

Matul is-snin, il-Jum Ewropew għall-Għarfien dwar l-Antibijotiċi - li jitfakkar kull sena fit-18 ta’ Novembru flimkien mal-Ġimgħa Dinjija għall-Għarfien dwar l-AMR - żviluppa fi pjattaforma ta’ firxa globali, bi sħubija ma’ ħafna pajjiżi barra mill-UE kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti, f’konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda” tal-Kummissjoni għall-AMR.

Barra minn hekk, f’Settembru 2024, il-Kummissjoni nediet kampanja biex tippromwovi konoxxenza ikbar dwar l-AMR fost iż-żgħażagħ u biex tindirizza l-AMR permezz ta’ approċċ li jinvolvi lis-soċjetà kollha kemm hi. L-UE hija wkoll sostenitur voċiferu ta’ rispons “Saħħa Waħda” iktar b’saħħtu għat-theddida globali tal-AMR.