Bħala rispons għal theddida transfruntiera għas-saħħa emerġenti, l-ewwel pass huwa li jiġu vvalutati r-riskji assoċjati tagħha. Huwa importanti li jkunu magħrufin
- L-oriġini: x’inhi l-marda jew is-sustanza kimika li tikkawża t-tifqigħa?
- It-trażmissjoni: kif tinxtered (eż. l-influwenza li tinġarr fl-arja, li tinġarr mill-ikel bħas-salmonella jew tinfirex min-nemus bħaz-Zika)?
- Il-konsegwenzi: x’inhuma l-konsegwenzi tagħha għas-saħħa tal-bniedem (eż. tikkawża pulmonite, eċċ.)?
- Il-letalità: x’inhi s-severità tal-marda, inkluża l-letalità?
It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jiddeterminaw l-opzjonijiet possibbli ta’ rispons. Barra minn hekk, bħal fil-każ tal-COVID-19, nistgħu niffaċċjaw mard kompletament ġdid, fejn jeħtieġ li nippjanaw rispons anke qabel ma jkollna t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet kollha.
Id-Deċiżjoni 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa tistabbilixxi mekkaniżmi koordinati għal valutazzjoni tar-riskju tal-UE. Din tinvolvi l-mobblizzazzjoni ta' tagħrif espert mill-korpi rilevanti tal-UE u dawk internazzjonali, biex jingħata parir xjentifiku sod li jsejjes il-proċess tal-koordinazzjoni tar-rispons.
Liema aġenziji jwettqu valutazzjoni tar-riskju?
Fil-livell tal-UE, il-valutazzjoni tar-riskju titwettaq:
- miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), jekk it-theddida tkun ta’:
- oriġini bijoloġika u tikkonsisti minn mard infettiv jew reżistenza antimikrobika u infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa
- oriġini mhux magħrufa
- mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), f’każ ta’ theddida transfruntiera serja għas-saħħa li taqa’ taħt il-mandat tagħha
- mill-aġenziji rilevanti l-oħrajn tal-UE li jistgħu jissejħu fil-qasam tal-għarfien espert rispettiv tagħhom (eż. l-ambjent)
Meta l-valutazzjoni tar-riskju meħtieġa hija kompletament jew parzjalment barra mill-mandat tal-aġenziji eżistenti tal-UE, il-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tar-riskju ad hoc. Pereżempju, il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa, l-Ambjent u r-Riskji Emerġenti (SCHEER) għandu l-mandat li jipprovdi valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa pubblika f’każ ta’ theddid kimiku transfruntier serju.
Il-valutazzjoni tar-riskju tikkunsidra, jekk disponibbli, l-informazzjoni rilevanti pprovduta minn entitajiet oħrajn, b’mod partikolari mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali.