Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet appoġġ finanzjarju lil għadd ta’ inizjattivi oħrajn li kellhom l-għan li jippromwovu r-riforma fi kwistjonijiet kritiċi fil-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa. Dawn huma dettaljati hawn taħt.
Rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali
Id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali waqqfet qafas legali għall-Ewropa kollha li tippermetti lill-pajjiżi jirrikonoxxu l-kwalifiki ta' xulxin. Il-professjonisti fis-settur tas-saħħa (tobba, infermiera, qwiebel, dentisti, spiżjara, veterinarji) għandhom rikonoxximent awtomatiku - jiġifieri jekk int prattikant ċertifikat f'pajjiżek, int awtomatikament intitolat li tipprattika fejn trid fl-UE.
Id-Direttiva 2013/55/UE, emendat id-direttiva dwar il-kwalifiki professjonali u ssimplifikat ir-regoli biex ikun iktar faċli għall-professjonisti fis-settur tas-saħħa u oħrajn regolati jipprattikaw f’pajjiżi oħra tal-UE.
Mobilità u migrazzjoni tal-professjonisti fis-settur tas-saħħa
Żewġ proġetti tar-riċerka tal-UE għandhom l-għan li jgħinu fl-iżvilupp ta’ stampa aktar preċiża tax-xejriet ta’ migrazzjoni tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn l-UE u pajjiżi oħrajn:
- Il-Mobilità tal-Professjonisti fis-Settur tas-Saħħa u s-Sistemi tas-Saħħa (PROMeTHEUS)
- Il-Mobilità tal-Professjonisti fis-Settur tas-Saħħa (MoHProf)
Tnaqqis tal-effetti negattivi tal-migrazzjoni fuq is-sistemi tas-saħħa
Il-migrazzjoni tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa żdiedet mad-dinja kollha fl-aħħar deċennji, speċjalment mill-pajjiżi b’livell baxx ta’ introjtu li diġà għandhom sistemi tas-saħħa fraġli. Biex tiġi indirizzata din l-isfida, ġie adottat il-Kodiċi ta’ Prattika Globali tad-WHO dwar ir-Reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal fis-Settur tas-Saħħa.
Hu għandu l-għan li jistabbilixxi u jippromwovi prinċipji u prattiki volontarji għal reklutaġġ internazzjonali etiku tal-persunal fis-settur tas-saħħa u li jiffaċilita t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa. L-Istati Membri għandhom jiskuraġġixxu r-reklutaġġ attiv ta’ persunal fis-settur tas-saħħa minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li qed jaffaċċjaw nuqqasijiet kritiċi ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa.
Strateġiji Effettivi ta' Reklutaġġ u Żamma tal-Ħaddiema
- Studju dwar l-istrateġiji effettivi ta’ reklutaġġ u żamma tal-ħaddiema li sar fl-2015 stabbilixxa li fatturi mhux finanzjarji, bħal ambjent ta’ xogħol ta’ appoġġ u sikur, huma fatturi importanti li jattiraw lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, b'mod partikolari dawk nisa.
- Il-proġett ta’ riċerka tal-UE Tbassir tal-Infermiera fl-Ewropa jagħti evidenza dwar ir-rabta bejn l-ambjent tax-xogħol u s-sodisfazzjon fl-impjieg tal-infermiera.
- Id-Djalogu Soċjali Ewropew fis-settur tal-isptarijiet u tal-kura tas-saħħa qabel dwar Kodiċi ta’ Kondotta dwar ir-Reklutaġġ u ż-Żamma Etiċi fis-Settur tal-Isptarijiet u dwar Qafas ta’ Azzjonijiet dwar ir-Reklutaġġ u ż-Żamma.
Network pilota tal-edukaturi u r-regolaturi tal-infermiera
Ġie stabbilit network pilota ta’ edukaturi u regolaturi tal-infermiera bl-għan li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki biex jitjiebu l-kwalifiki tal-assistenti fis-settur tal-kura tas-saħħa, b’enfasi partikolari fuq il-mobilità transfruntiera. Dan eżamina l-ambitu tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-assistenti fis-settur tal-kura tas-saħħa biex potenzjalment jinkitbu fi programmi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-rapport issibu hawnhekk.
Network għall-iżvilupp tal-kompetenzi l-aktar fundamentali għall-Assistenti fis-settur tal-kura tas-saħħa (HCA)
Taħt il-Programm tas-Saħħa Pubblika tal-2014 tal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (CHAFEA) tal-Kummissjoni Ewropea tat offerta lil konsorzju mmexxi mill-istitut Olandiż għar-riċerka fis-servizzi tas-saħħa biex iwettaq studju. L-istudju CC4CHA jesplora l-interess fost il-pajjiżi tal-UE fl-iżvilupp ta’ pożizzjoni komuni dwar il-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi tal-assistenti fis-settur tal-kura tas-saħħa (HCAs) fl-Ewropa. Ir-rapport issibu hawnhekk.
Żvilupp Professjonali Kontinwu tal-Professjonisti fis-Settur tas-Saħħa fl-UE
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa tal-UE jindirizza l-iżvilupp professjonali kontinwu (CPD) bħala għodda biex tiġi ssalvagwardjata s-sikurezza tal-pazjent fil-kuntest tal-mobilità transfruntiera tal-professjonisti fis-settur tas-saħħa u tal-pazjenti. L-interpretazzjonijiet nazzjonali tas-CPD joffru approċċi differenti, u jippreżentaw opportunitajiet għall-identifikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattika fl-UE.
Dan l-istudju janalizza l-opzjonijiet għall-iżvilupp professjonali kontinwu u t-tagħlim tul il-ħajja għat-tobba, l-infermiera, id-dentisti, il-qwiebel u l-ispiżjara fil-pajjiżi tal-UE u tal-EFTA. Hu jidentifika rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jissaħħaħ l-iskambju ta’ kooperazzjoni u l-aħjar prattiki fuq livell Ewropew u jenfasizza l-bżonn li jiġi ffaċilitat l-użu tas-CPD mill-professjonisti kollha fis-settur tas-saħħa, inklużi billi jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet ta’ ħin u riżorsi. Ir-rakkomandazzjonijiet isejħu wkoll għal aktar riċerka fis-CPD u r-relazzjoni tagħha mas-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura.
Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali
L-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali jindirizzaw in-nuqqasijiet fir-rigward ta’ profil okkupazzjonali wieħed jew aktar f’settur speċifiku. Dan jagħmluh billi jidentifikaw bżonnijiet eżistenti jew emerġenti tas-suq tax-xogħol speċifiku għal settur, u billi jtejbu l-mod kif is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jirreaġixxu, fuq kull livell, għall-bżonnijiet ta’ suq tax-xogħol.
L-ECVET għall-Kura tal-Anzjani (EFEC) hu l-ewwel Alleanza tal-Ħiliet Settorjali (SSA) pilota fis-settur tas-saħħa u l-kura. Is-sħubija transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet minn sitt pajjiżi tal-UE għandha l-għan li ttejjeb il-komparabilità, it-trasparenza u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki tal-carers permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ECVET.
L-Erasmus+ tal-2015 ukoll ħareġ sejħa għal aktar alleanzi tal-ħiliet settorjali fis-settur tas-saħħa u l-kura.