X’inhi s-saħħa diġitali (e-Saħħa)?
Is-saħħa diġitali hi sett ta’ għodod u servizzi li tuża t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs) biex tappoġġa u ttejjeb l-istadji kollha tal-kura tas-saħħa – il-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-kundizzjonijiet tas-saħħa.
Fl-UE, l-e-Saħħa hi rikonoxxuta bħala strument vitali:
- għall-avvanz fl-effiċjenza tal-kura tas-saħħa
- għat-tisħiħ fil-kwalità tal-ħajja
- għall-espansjoni tal-aċċess ekwu għas-servizzi
- għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini biex ikollhom rwol proattiv fil-ġestjoni ta’ saħħithom
- għall-appoġġ lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa f’ħidmiethom ta’ kuljum
Dan il-qasam multidixxiplinari jiġbor il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, ir-riċerkaturi, dawk li jfasslu l-politika u t-teknoloġisti, li jikkollaboraw biex jisfruttaw l-innovazzjoni għal eżiti aħjar tas-saħħa u sistemi tal-kura tas-saħħa aktar sostenibbli.
Stat attwali tas-saħħa diġitali fl-UE
Id-Direttiva dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera (2011/24/UE), adottata fl-2011, tiżgura l-kontinwità fil-kura għaċ-ċittadini Ewropej bejn il-pajjiżi. Dan ifisser li ċ-ċittadini jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-kura tas-saħħa fi Stati Membri oħra b’kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ pajjiżhom.
Id-Direttiva tipprovdi l-pedament għall-kura tas-saħħa transfruntiera sigura u ta’ kwalità ogħla, u bis-saħħa tagħha l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw id-data dwar is-saħħa b’mod sigur, effiċjenti u interoperabbli.
L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-saħħa diġitali stabbilixxa n-network tal-e-Saħħa, li hu network volontarju li jgħaqqad l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-e-Saħħa fl-Istati Membri kollha. In-network tal-e-Saħħa jappoġġa l-kooperazzjoni, il-fiduċja, u l-iżvilupp ta’ linji gwida u standards kondiviżi biex isir progress fl-iskambju tad-data dwar is-saħħa bejn il-pajjiżi.
Bħalissa qed jiġu introdotti żewġ servizzi elettroniċi tas-saħħa transfruntiera fil-pajjiżi kollha tal-UE – e-Preskrizzjoni u Sommarji tal-pazjenti. Iċ-ċittadini jistgħu jaraw faċilment is-servizzi diġà attivi taħt Saħħti@UE (MyHealth@EU), li hi pjattaforma ċentralizzata biex l-interoperabbiltà tkun aktar faċli u biex isir l-iskambju tad-data dwar is-saħħa bejn il-pajjiżi.
L-aċċess għad-data dwar is-saħħa fl-UE bħalissa huwa frammentat. Id-data dwar is-saħħa tinġabar u tinħażen f’formati differenti mill-fornituri tal-kura tas-saħħa u mill-istituzzjonijiet, u għalhekk l-individwi u l-professjonisti jsibuha diffiċli biex jaċċessawha u jaqsmuha. Dan in-nuqqas ta’ interoperabbiltà joħloq:
- aċċess limitat tal-pazjenti għad-data dwar is-saħħa tagħhom
- dewmien li jiffaċċjaw il-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jirċievu storja medika sħiħa, b’mod partikolari bejn il-pajjiżi
- aċċess ristrett tar-riċerkaturi u dawk li jfasslu għal data dwar is-saħħa anonimizzata għall-innovazzjoni, ir-riċerka, u t-tfassil tal-politika, u b’hekk jillimita l-avvanzi fil-kura tas-saħħa.
Filwaqt li xi Stati Membri adottaw sistemi tas-saħħa diġitali, oħrajn għadhom jiddependu mir-rekords fiżiċi u sistemi diġitali skonnessi. Daħal fis-seħħ Regolament ġdid dwar l-ispazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa, li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet bħala wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-Unjoni Ewropea tas-saħħa b’saħħitha.
X’inhu l-futur tas-saħħa diġitali fl-UE?
L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS, European Health Data Space) huwa qafas ta’ governanza speċifiku għas-saħħa għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa bejn il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li jistabbilixxi regoli ċari, standards komuni u prattiki, flimkien ma’ infrastrutturi diġitali bħal Saħħti@UE (MyHealth@EU) u DataTas-Saħħa@EU (HealthData@EU) bl-għan li titjieb il-kura tas-saħħa.
L-EHDS se jtejjeb l-użu tad-data elettronika dwar is-saħħa mill-pazjenti, mir-riċerkaturi, mill-innovaturi u minn dawk li jfasslu l-politika billi jaċċellera u jtejjeb il-kura tal-pazjenti, is-sikurezza tal-pazjenti, l-istatistika u l-proċessi regolatorji.
L-EHDS huwa l-ewwel spazju komuni tad-data tal-UE f’qasam speċifiku li ħareġ mill-istrateġija Ewropea għad-data.
L-EHDS fil-qosor – x’inhu?
It-tliet objettivi ewlenin tal-EHDS huma li:
- jagħti s-setgħa lill-individwi biex ikollhom kontroll tad-data dwar is-saħħa tagħhom u jiffaċilita l-iskambju tad-data għall-forniment tal-kura tas-saħħa fl-UE (użu primarju tad-data);
- jipprovdi sistema konsistenti, affidabbli u effiċjenti għall-użu mill-ġdid tad-data dwar is-saħħa għar-riċerka, l-innovazzjoni, it-tfassil tal-politika, u l-attivitajiet regolatorji (użu sekondarju tad-data);
- jippromwovi suq uniku ġenwin għas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa (sistemi tal-EHR).
L-użu primarju tad-data dwar is-saħħa huwa l-użu ta’ data ġdida, miġbura u maħżuna f’bażi tad-data, li aktar tard tista’ terġa’ tintuża għal skopijiet oħra, magħruf bħala użu sekondarju.
Ir-Regolament jistabbilixxi regoli ċari għall-użu tad-data dwar is-saħħa għal forniment aħjar tal-kura tas-saħħa għar-riċerka, l-innovazzjoni, u t-tfassil tal-politika.
Ir-regoli l-ġodda se jisfruttaw il-potenzjal offrut mill-iskambju sikur u sigur, l-użu, u l-użu mill-ġdid tad-data dwar is-saħħa, filwaqt li jiżguraw konformità sħiħa mal-istandards għoljin tal-protezzjoni tad-data tal-UE. Iċ-ċittadini se jkollhom aċċess rapidu u faċli għad-data diġitali tagħhom fl-UE kollha.
Il-professjonisti tas-saħħa se jaċċessaw ir-rekords mediċi tal-pazjenti meta jkunu meħtieġa trattamenti anki fi Stat Membru differenti, u bis-saħħa ta’ dan ikun possibbli teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza, filwaqt li jkun hemm konformità sħiħa mar-regolamenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (użu primarju tad-data).
L-EHDS joħloq qafas legali b’saħħtu għall-użu mill-ġdid tad-data dwar is-saħħa għal skopijiet ta’ riċerka, innovazzjoni, u saħħa pubblika (użu sekondarju tad-data). Id-data se tgħin:
- fl-iżvilupp ta’ trattamenti li jsalvaw il-ħajja
- fl-iżvilupp ta’ mediċini personalizzati
- fit-titjib tat-tħejjija għall-kriżijiet, taħt sigurtà stretta tad-data
- fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-aċċess
- fl-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali.
Barra minn hekk, l-għan hu li jittejjeb is-suq intern billi jinħoloq qafas legali, tekniku u uniformi għall-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa (sistemi tal-EHR) skont il-valuri tal-UE.

Pjattaformi tal-UE li jappoġġaw is-saħħa diġitali
L-UE tħeġġeġ il-kollaborazzjoni fl-e-Saħħa permezz ta’ pjattaformi biex jissaħħu l-koordinazzjoni, l-interoperabbiltà, u l-istandards ta’ kwalità fost l-Istati Membri, li jippromwovu approċċ unifikat għas-saħħa diġitali fl-Ewropa.
In-network tal-e-Saħħa huwa network volontarju li jiġbor flimkien l-awtoritajiet nazzjonali tal-e-Saħħa deżinjati mill-Istati Membri. Dan in-network joħroġ linji gwida mhux vinkolanti biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-istabbiliment tal-interoperabbiltà teknika u semantika fis-sistemi ta’ informazzjoni dwar is-saħħa, filwaqt li jiffaċilita l-iskambju effiċjenti u sikur tad-data tal-pazjenti bejn il-pajjiżi.
Dawn il-linji gwida jipprovdu struttura kunċettwali ta’ livell għoli għall-organizzazzjoni tad-data, li tindirizza l-varjetà kbira ta’ standards tad-data fl-Ewropa. Il-linji gwida jiżguraw il-konsistenza, inaqqsu l-frammentazzjoni, u jevitaw id-dupplikazzjoni tal-isforzi fl-inizjattivi tas-saħħa diġitali.
Opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE għas-saħħa diġitali
L-Unjoni Ewropea tipprovdi appoġġ finanzjarju sinifikanti biex tgħin lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi tas-saħħa diġitali tagħhom.
Huma disponibbli diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE, li joffru riżorsi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tas-saħħa diġitali: il-programm l-UE għas-saħħa, il-programm Ewropa diġitali, il-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-Orizzont Ewropa, l-istrument ta’ appoġġ tekniku, il-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza (RRF), il-programm ta’ appoġġ għal riformi strutturali, il-Fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali (ERDF), il-Fond għal tranżizzjoni ġusta, il-Fond soċjali Ewropew.
Intelliġenza Artifiċjali fil-kura tas-saħħa
Fil-kura tas-saħħa, l-IA tista’ tanalizza ammonti kbar ta’ data, tiskopri t-tendenzi u tagħmel il-previżjonijiet, u b’hekk tgħin lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jagħmlu dijanjożi aktar preċiża u jiżviluppaw pjanijiet ta’ trattament personalizzati. Il-Kummissjoni impenjata fl-iżvilupp u l-użu tal-IA fil-kura tas-saħħa, filwaqt li tiżgura li dawn it-teknoloġiji jkunu sikuri, affidabbli u jirrispettaw il-valuri Ewropej billi:
- tiffinanzja r-riċerka u l-innovazzjoni għal proġetti ta’ riċerka u negozji ġodda li jiżviluppaw soluzzjonijiet tal-IA għall-kura tas-saħħa
- tiżviluppa oqfsa regolatorji biex jinħolqu u jiġu appoġġati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-IA fil-kura tas-saħħa, filwaqt li jkunu żgurati s-sikurezza tal-pazjenti u l-protezzjoni tad-data
- tippromwovi l-kondiviżjoni tad-data u l-kollaborazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-kura tas-saħħa li jaħdmu bl-IA.
Kooperazzjoni internazzjonali
Il-Kummissjoni Ewropea impenjata fil-promozzjoni tal-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni globali fis-saħħa diġitali. Il-Kummissjoni taħdem ma’ sħab internazzjonali li l-għanijiet tagħhom jinkludu:
- l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali tas-saħħa
- it-titjib tal-eżiti tas-saħħa
- l-ibbażar fuq soluzzjonijiet u standards żviluppati mill-UE
Dawn l-istandards jinkludu l-format Ewropew għall-iskambju tar-rekords elettroniċi tas-saħħa (EEHRxF) biex jiġi faċilitat l-iskambju tad-data dwar is-saħħa bejn pajjiżi differenti.