Skont stimi konservattivi, fl-2002 aktar minn 79,000 adult, fosthom 19,000 persuna li ma tpejjipx, mietu minħabba esponiment għad-dħaħen tat-tabakk fid-dar (72,000) u fuq il-post tax-xogħol tagħhom (7,300).
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru (3MB) ta’ Marzu 2009 sab li 84% taċ-ċittadini tal-UE huma favur li ma jkunx hemm tipjip fl-uffiċċji u f’postijiet oħrajn ta’ xogħol fuq ġewwa, 79% huma favur li m’għandux ikun hemm tipjip fir-restoranti, u 61% jaqblu li l-bars u l-pubs għandhom ikunu ħielsa mit-tipjip.
Inħarsu ċ-ċittadini tal-UE mid-dħaħen tat-tabakk mingħand ħaddieħor
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 saħħet il-leġiżlazzjoni kontra d-dħaħen fi spazji pubbliċi, kif ukoll il-kooperazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tat-tabakk.
Skont ir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-2013, 17-il pajjiż tal-UE kellhom leġiżlazzjoni komprensiva fis-seħħ dwar postijiet ħielsa mid-dħaħen. Fost dawn, l-Irlanda, il-Greċja, il-Bulgarija, Malta, Spanja u l-Ungerija għandhom l-aktar dispożizzjonijiet stretti dwar postijiet ħielsa mid-dħaħen bi projbizzjoni sħiħa fuq it-tipjip f’postijiet pubbliċi magħluqin, fuq it-trasport pubbliku u fil-postijiet tax-xogħol, b’eċċezzjonijiet limitati.
Status dwar id-diversi regolamenti dwar postijiet ħielsa mid-dħaħen fl-UE
Fi Frar 2013 il-Kummissjoni ppubblikat rapport li jiġbor fil-qosor l-istat tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar ambjenti bla tipjip. Ir-rapport sab li:
- Il-pajjiżi kollha tal-UE adottaw miżuri biex iħarsu liċ-ċittadini kontra l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk, iżda l-miżuri nazzjonali jvarjaw b’mod konsiderevoli fil-firxa u fl-ambitu tagħhom
- Jidher li l-leġiżlazzjoni kumplessa (jiġifieri leġiżlazzjoni bl-eżenzjonijiet) hi partikolarment diffiċli biex tiġi infurzata f’xi pajjiżi tal-UE u dan joħloq problema fl-infurzar
- Ir-rati ta’ esponiment attwali għaċ-ċittadini tal-UE naqsu mill-2009 sal-2012 (eż. għaċ-ċittadini li jżuru l-bars u l-pubs, ir-rata ta’ esponiment naqset minn 46% għal 28% u għaċ-ċittadini li kienu qed iżuru r-restoranti, din ir-rata naqset minn 31% għal 14%)
- Il-Belġju, Spanja u l-Polonja huma eżempji ta’ pajjiżi fejn l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni komprensiva wasslet biex ir-rati ta’ esponiment għad-dħaħen tat-tabakk jitnaqqsu b’mod sinifikanti u f’qasir żmien
- L-effetti li l-leġiżlazzjoni dwar postijiet ħielsa mid-dħaħen qed tħalli fuq is-saħħa jinħassu minnufih u jinkludu tnaqqis fl-inċidenza tal-attakki tal-qalb u titjib fis-saħħa respiratorja, filwaqt li l-effett ekonomiku tal-leġiżlazzjoni dwar postijiet ħielsa mid-dħaħen huwa wieħed pożittiv jew newtrali
Ir-rati attwali ta’ esponiment għal ċittadini tal-UE li jżuru stabbilimenti tax-xorb jew tal-ikel huma vvalutati wkoll fil-kuntest tal-Ewrobarometru. Skont l-aħħar ċifri (2017) ir-rati attwali ta’ esponiment komplew jinżlu għal 20% (bars u pubs) u għal 9% (restoranti).
Ara r-rapport dwar diversi regolamenti dwar postijiet ħielsa mid-dħaħen fl-UE:
- Ħarsa ġenerali ddettaljata tal-leġiżlazzjoni fl-UE
- Tabella tal-leġiżlazzjoni dwar postijiet ħielsa mid-dħaħen u l-implimentazzjoni tagħha fl-UE
- Rapport ta’ implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni mill-Istati Membri
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip ġiet adottata, bħala riżultat ta’ konsultazzjoni u ta’ proċess leġiżlattiv, fit-30 ta’ Novembru 2009, li tappella lill-pajjiżi tal-UE biex jaġixxu fi tliet oqsma ewlenin:
- Jadottaw u jimplimentaw liġijiet biex iħarsu b’mod sħiħ liċ-ċittadini tagħhom mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk f’postijiet pubbliċi magħluqin, fil-postijiet tax-xogħol u fit-trasport pubbliku, fi żmien 3 snin mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni
- Isaħħu l-liġijiet dwar postijiet ħielsa mid-dħaħen b’miżuri ta’ sostenn, bħalma huma dawk li jipproteġu lit-tfal, li jinkuraġġixxu l-isforzi biex wieħed jieqaf juża t-tabakk u t-twissijiet bi stampi fuq il-pakketti tat-tabakk
- Isaħħu l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE billi jistabbilixxu network ta’ punti nazzjonali ta’ ffukar għall-kontroll tat-tabakk
Reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
Tnediet sejħa għall-evidenza fuq il-paġna web Semma’ Leħnek u kienet miftuħa għall-feedback mit-22 ta’ Ġunju sal-20 ta’ Lulju 2022.
F’Marzu 2023 tnedew konsultazzjonijiet immirati lil kampjun ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-industrija tat-tabakk, is-settur tal-ospitalità, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-kummerċ, u entitajiet edukattivi, sportivi u kulturali.
Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti ħielsa mid-dħaħen u l-Aerosol ġiet adottata fil-livell tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Settembru 2024.
Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jestendu l-politiki ambjentali ħielsa mid-dħaħen għal żoni ewlenin fuq barra u biex jinkludu prodotti emerġenti bħas-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan.
Ir-Rakkomandazzjoni għandha l-objettiv ewlieni li tħares aħjar lin-nies fl-UE, b’mod partikolari lit-tfal u liż-żgħażagħ, mid-duħħan u l-aerosols mingħand ħaddieħor filwaqt li hija maħsuba wkoll biex tneħħi n-normalizzazzjoni u tiskoraġġixxi l-użu tat-tabakk tradizzjonali u tal-prodotti emerġenti u tiġġieled kontra d-dipendenza fuq in-nikotina.
Aktar informazzjoni:
- Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti ħielsa mid-Dħaħen u mill-Aerosol li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02
- Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti ħielsa mid-Dħaħen u mill-Aerosol li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02
- Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati – Rapport fil-qosor
Stqarrijiet għall-istampa
- Il-Kummissjoni tipproponi miżuri aktar b’saħħithom dwar ambjenti mingħajr dħaħen biex tipproteġi aħjar is-saħħa pubblika
- Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-Rakkomandazzjoni aġġornata dwar l-ambjenti mingħajr dħaħen
- Ir-Rapport dwar l-ambjenti bla dħaħen u r-reklamar tat-tabakk u ta’ prodotti relatati
- It-tabakk fl-UE: L-esponiment għad-dħaħen mingħand ħaddieħor naqas, imma skont ir-rapport tal-Kummissjoni, għadu għoli wisq
- Il-Ġlieda Kontra t-Tabakk fl-UE
- Il-Kummissjoni tappella għal Ewropa Ħielsa mid-Dħaħen sal-2012
- Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Proposta tal-Kummissjoni dwar ambjenti ħielsa mid-dħaħen