Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Ippjanar tat-tħejjija u tar-rispons

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet qafas ġdid għas-sigurtà tas-saħħa, li jirrevedi l-bażi legali attwali (Deċiżjoni 1082/2013/UE). Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-ġlieda kontra l-coronavirus, il-qafas il-ġdid se jsaħħaħ il-koordinazzjoni tal-UE u jestendi r-rwol tal-aġenziji tal-UE fil-koordinazzjoni tal-miżuri ta’ tħejjija u rispons.

Sakemm ma tiġi adottata l-leġiżlazzjoni l-ġdida, id-Deċiżjoni 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa tipprovdi l-qafas biex jiġi koordinat l-ippjanar ta’ tħejjija u ta’ rispons biex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-monitoraġġ, it-twissija bikrija u l-valutazzjoni, kif ukoll ir-rispons għal emerġenzi tas-saħħa.

Id-Deċiżjoni:

  • tappoġġja l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u esperjenza fl-ippjanar tat-tħejjija u tar-rispons
  • tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp tal-pjanijiet nazzjonali biex jiġu indirizzati tipi differenti ta' theddidiet għas-saħħa – eż. mard infettiv bħall-influwenza pandemika, jew avvenimenti oħrajn ikkawżati minn aġenti bijoloġiċi jew aġenti mhux magħrufin, aċċidenti kkawżati minn aġenti kimiċi, avvenimenti naturali ta' oriġini ambjentali, jew atti intenzjonati
  • tgħin biex tkun żgurata l-interoperabbiltà tal-pjanijiet nazzjonali – permezz tal-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni, tal-analiżi u tal-istrumenti tal-komunikazzjoni
  • tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti tal-kapaċità ewlenija għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) tad-WHO biex jidentifikaw, jevalwaw, jirrappurtaw u jirrispondu għal emerġenzi tas-saħħa pubblika.

L-azzjoni tal-UE biex issaħħaħ l-istat ta’ tħejjija tinkludi, pereżempju, eżerċizzji regolari biex jiġu ttestjati l-proċeduri skont il-pjanijiet ta’ tħejjija tal-UE u dawk nazzjonali. Skont il-Programm tas-Saħħa tal-UE, l-appoġġ huwa pprovdut permezz ta’ taħriġ u eżerċizzji, bl-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-esperjenzi, il-linji gwida u l-proċeduri fil-pajjiżi kollha tal-UE. Dan jiżgura li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali huma kapaċi jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni u ma’ xulxin, biex jaqsmu l-informazzjoni fl-eventwalità ta’ kriżi li tevolvi b’mod rapidu.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (Chafea) ilha timmaniġġja proġetti dwar it-tħejjija u r-rispons mill-2003.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni1082/2013 jinkludi dispożizzjonijiet għall-akkwist konġunt ta’ kontromiżuri mediċi, li jiżguraw livelli għoljin ta’ tħejjija u għodda biex jiġi appoġġjat ir-rispons ikkoordinat għat-theddid għas-saħħa.

Akkwist Konġunt ta’ kontromiżuri mediċi l-iżgurar ta’ tħejjija adegwata

It-tifqigħa tal-influwenza pandemika H1N1 fl-2009 uriet id-dgħjufijiet fl-aċċess u l-poter tal-akkwist tal-pajjiżi tal-UE biex jakkwistaw vaċċini u medikazzjoni kontra l-pandemiji. B’hekk, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa mekkaniżmu għall-akkwist konġunt ta’ kontromiżuri mediċi, li jappoġġja aċċess u distribuzzjoni ġusti u ekwi għall-vaċċini kontra l-influwenza pandemika fil-futur.

Il-Ftehim ta' Akkwist Konġunt għal kontromiżuri mediċi (JPA) ġie approvat mill-Kummissjoni fl-10 ta’ April 2014. Minn April 2020, il-JPA ġie ffirmat minn 37 pajjiż, inklużi l-pajjiżi kollha tal-UE u taż-ŻEE, ir-Renju Unit, l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina kif ukoll il-Kosovo*.

Il-Ftehim jipprevedi mekkaniżmu volontarju li jippermetti lill-pajjiżi parteċipanti tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE jixtru b’mod konġunt kontromiżuri mediċi għal kategoriji differenti ta’ theddid transkonfinali inklużi vaċċini, antivirali u trattamenti oħra. Huwa jistabbilixxi regoli komuni għall-organizzazzjoni prattika ta’ proċeduri ta’ akkwist konġunt, b’mod partikolari:

  • jiddetermina l-arranġamenti prattiċi li jmexxu l-mekkaniżmu
  • jiddefinixxi l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-għażla tal-proċeduri
  • jorganizza l-valutazzjoni tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt

L-għan tal-mekkaniżmu hu li jtejjeb it-tħejjija tal-pajjiżi tal-UE biex itaffu t-theddid transkonfinali serju għas-saħħa, jiżguraw aċċess aktar ekwu għal kontromiżuri mediċi speċifiċi u sigurtà tal-provvista mtejba, flimkien ma’ prezzijiet aktar bilanċjati għall-pajjiżi parteċipanti. Proċedura ta' akkwist konġunt tista’ tibda jekk mill-inqas 4 Stati Membri flimkien mal-Kummissjoni jivvotaw favur u jipparteċipaw fil-proċess ta’ akkwist.

Kisba kbira għas-saħħa pubblika u t-tħejjija għal theddid transkonfinali serju hija l-iffirmar ta’ kuntratti qafas għall-produzzjoni u l-provvista ta’ vaċċini tal-Influwenza pandemika mill-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE li jirrappreżentaw madwar nofs il-popolazzjoni Ewropea f’Marzu 2019.

L-akkwisti konġunti kienu wkoll ta’ importanza kbira fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. Mijiet ta’ kuntratti b’valur totali ta’ kważi 13-il biljun jiżguraw li sa 36 pajjiż parteċipant ikollhom aċċess għall-prodotti terapewtiċi innovattivi essenzjali, kif ukoll għat-tagħmir protettiv u mediku f’konformità mal-politiki tal-UE dwar l-ittestjar u t-tilqim.

Sa mill-bidu tal-2020, sa 36 pajjiż ipparteċipaw fi tnax-il proċedura ta’ akkwist konġunt, li rriżultaw f’aktar minn 200 kuntratt li ppermettew lill-pajjiżi jordnaw provvisti mediċi essenzjali u terapiji innovattivi għal kważi €13-il biljun.

*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Informazzjoni relatata