Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Health-EU newsletter 250 - Fokus

Inpoġġu ż-żiemel qabel il-karrettun: L-investiment fis-saħħa jirrikjedi investiment fil-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa

Andrzej Rys, id-Direttur tas-Sistemi tas-Saħħa, il-Prodotti Mediċi u l-Innovazzjoni, fid-DĠ tas-Saħħa u s-Sikurezza fl-Ikel tal-Kummissjoni Ewropea, jiddiskuti dak li tagħmel l-UE biex tappoġġja l-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa tagħha. Matul theddida għas-saħħa jew kriżi tas-saħħa, għandna lkoll niftakru dwar ir-rwol diffiċli iżda vitali tal-istaff mediku, li ta’ spiss ikun l-ewwel kuntatt li jkollhom il-pazjenti, il-familji u l-ħbieb tagħhom mas-sistema tal-kura tas-saħħa. Iżda l-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa fiha nnifisha qed tiffaċċja kemm sfidi esterni kif ukoll interni bħal nuqqas ta’ staff, inugwaljanzi ġeografiċi, nuqqas ta’ taħriġ speċifiku, teknoloġiji li jinbidlu u talbiet għall-kura u ppjanar insuffiċjenti tal-forza tax-xogħol.

X’taħseb li hi l-akbar sfida li jiffaċċjaw l-Istati Membri bħalissa f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħaddiema tas-saħħa?

L-isfidi fl-Istati Membri huma simili: fis-sens li mhux possibbli li s-sistemi tas-saħħa jipprovdu kura ta’ kwalità għolja lill-Ewropej kollha mingħajr forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa b’numri suffiċjenti, bil-ħiliet it-tajba u fil-postijiet adatti.

Hu stmat li hemm nuqqas ta’ kważi miljun ħaddiem fil-qasam tas-saħħa fl-Ewropa. Hemm ukoll “eżodu ta’ mħuħ” ta’ tobba u infermiera li jmorru jgħixu f’pajjiżi b’kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi aħjar, u dan iħalli pajjiżi oħrajn b’nuqqas ta’ ħaddiema.

Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fost il-professjonisti tas-saħħa, li hu ħela tal-kapital uman, jagħmel pressjoni fuq ir-riżorsi pubbliċi u jipperikola t-twettiq kosteffettiv tal-kura tas-saħħa.

Jeħtieġ ukoll li niżguraw li l-bidliet teknoloġiċi fil-kura tas-saħħa jiġu aġġustati għall-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa kif ukoll tal-pazjent, li l-forza tax-xogħol tkun tista’ tadatta għal sitwazzjonijiet ġodda u li t-tibdil fil-fatt itejjeb l-għoti tal-kura.

M’hemmx soluzzjoni waħda għal kulħadd - kull Stat Membru għandu jiżviluppa r-riformi tiegħu stess skont il-ħtiġijiet tas-sistema tas-saħħa tiegħu.

X’qed tagħmel l-UE biex tappoġġja l-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa?

It-Trattat tal-UE jiddikjara li l-politika tas-saħħa u l-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika huma, tabilħaqq kompetenza nazzjonali.

Il-Kummissjoni timmonitorja u tanalizza l-isfidi tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa permezz tas-Semestru Ewropew, li jkopri firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet bħan-nuqqas ta’ professjonisti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, in-nuqqas ta’ ħiliet u l-organizzazzjoni ta’ riżorsi umani biex jiġu adattati sistemi tal-kura tas-saħħa aktar integrati.

Il-Kummissjoni tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali biex jindirizzaw dawn l-isfidi, jaqsmu l-esperjenzi u jitgħallmu minn xulxin. Hu għalhekk li ġiet adottata l-Azzjoni Konġunta dwar l-Ippjanar u t-Tbassir tal-Forza tax-Xogħol fil-Qasam tas-Saħħa u għaliex ġie stabbilit in-network ta’ esperti dwar l-ippjanar u t-tbassir tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa.

Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ u dalwaqt se tniedi sejħa għal proġetti permezz tal-Programm tas-Saħħa 2020 biex tappoġġja inizjattivi li jiffukaw fuq il-politiki taż-żamma tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa, l-aċċess għall-kura tas-saħħa f’żoni li mhumiex moqdijin tajjeb, u l-organizzazzjoni mill-ġdid tat-twassil tal-kura bejn l-isptarijiet u ċentri oħrajn ta’ kura tas-saħħa u ċentri tal-kura tas-saħħa primarja permezz ta’ trasferiment ta’ kompiti u koordinazzjoni interpersonali.

Int ottimist dwar il-futur?

Iva u bir-raġun, peress li s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa huma fost l-aqwa fid-dinja. U ma nistgħux ninsew li qed ngħixu f’era tad-deheb fir-rigward tal-kura tas-saħħa u li l-affarijiet qegħdin dejjem jitjiebu.

Iżda jeħtieġ li nżommu f’moħħna li qed ngħixu f’dinja dejjem aktar interkonnessa, fejn ir-riskji jistgħu malajr jikbru u jsiru ta’ tħassib globali.

Għalhekk hu ta’ importanza kbira li kontinwament isir investiment fis-saħħa. Dan ifisser l-ewwel u qabel kollox li jsir investiment biex in-nies jinżammu fi stat tajjeb ta’ saħħa għall-itwal żmien possibbli. L-investiment fil-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa tagħna hu parti essenzjali minn dan, filwaqt li nżommu l-professjonisti tas-saħħa attwali, sikuri għall-prattika, u kapaċi jissodisfaw ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda. L-investiment fin-nies li jgħinu biex nies oħrajn jinżammu f’saħħithom hu dejjem investiment għaqli b’benefiċċji għoljin.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Il-Forza tax-Xogħol fil-Qasam tas-Saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Il-Bord tal-Esperti dwar Modi Effettivi ta’ Investiment fis-Saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Il-Valutazzjoni tal-Prestazzjoni tas-Sistemi tas-Saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

In-network tematiku “It-tfassil ta' profili u t-taħriġ tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-futur” issa jinsab attiv fuq il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE

Dan in-network jimmira li jagħti profil lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa tal-futur, jidentifika u jtejjeb il-kompetenzi ewlenin tagħhom u jindika r-rwol kritiku tagħhom fir-riforma tas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Ingħaqad mal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE biex tipparteċipa.

In-network tematiku “Digital Doc” issa hu attiv fuq il-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE

Digital Doc hu ffokat biex jipprovdi l-aqwa ħiliet diġitali adatti għat-tobba fil-futur sabiex jinkisbu sistemi tal-kura tas-saħħa effettivi, etiċi, xprunati mit-teknoloġija li jqiegħdu lin-nies fiċ-ċentru. Ingħaqad mal-Pjattaforma tal-Politika tal-UE biex tipparteċipa.

Identifika d-dgħufijiet u ssorvelja l-ippjanar tiegħek bis-Sett ta’ Għodod dwar l-Ippjanar tal-Forza tax-Xogħol fil-Qasam tas-Saħħa

Dan is-sett ta’ għodod ta’ awtovalutazzjoni, magħmul disponibbli permezz tan-network ta’ esperti ffinanzjat mill-UE għall-ippjanar u t-tbassir tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa, jindirizza suġġetti ewlenin fl-ippjanar tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u hu adattabbli għal ambjenti differenti tal-pajjiżi.

Il-Konferenza internazzjonali dwar il-ġejjieni tax-xogħol li saret fit-12 ta’ Frar f’Ruma

L-Awtorità Taljana tal-Kumpens tal-Ħaddiema u l-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Saħħa Okkupazzjonali organizzaw il-konferenza biex jiddiskutu l-progress rapidu tal-innovazzjoni teknoloġika; bidliet demografiċi u bidliet fis-suq tax-xogħol, fost suġġetti oħrajn.

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

L-Azzjoni Konġunta tal-UE għall-Previżjoni u l-Ippjanar tal-Forza tax-Xogħol fil-Qasam tas-Saħħa

Din l-Azzjoni Konġunta għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità għall-ippjanar u t-tbassir tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa billi tappoġġja l-kollaborazzjoni Ewropea.

SEPEN - Appoġġ għan-network tal-esperti fl-ippjanar u t-tbassir tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa

Ingħaqad mal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa biex issib l-aħħar aħbarijiet dwar l-ippjanar tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa fl-Ewropa permezz ta’ dan in-network. Iddiskuti u ibgħat ideat, ikseb aġġornamenti dwar l-iżviluppi fil-livell nazzjonali, u sib dokumenti u rapporti rilevanti.

Links interessanti oħrajn

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti

Għalkemm datata, din il-komunikazzjoni għadha tipprovdi ħarsa siewja lejn l-approċċi fil-livell tal-UE għall-isfidi tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u tiffoka fuq azzjonijiet li jsaħħu l-effettività tas-sistemi tas-saħħa, iżidu l-aċċessibbiltà tal-kura tas-saħħa u jtejbu r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa.

Is-sett ta’ għodod għal forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa sostenibbli fir-Reġjun Ewropew tad-WHO (2018)

Is-sett ta’ għodod hu mmirat għal dawk li jfasslu l-politika, ir-riżorsi umani għall-pjanifikaturi tas-saħħa u l-professjonisti, u partijiet ikkonċernati oħrajn, bħall-istituzzjonijiet edukattivi u dawk li jimplimentaw il-politika.

L-Alleanza tas-Saħħa Pubblika Ewropea

Organizzazzjoni mmexxija mill-membri magħmula minn NGOs tas-saħħa pubblika, gruppi ta’ pazjenti, professjonisti tas-saħħa u gruppi ta’ mard, din l-organizzazzjoni taħdem biex ittejjeb is-saħħa u ssaħħaħ il-vuċi tas-saħħa pubblika fl-Ewropa.

Health First Europe

Health First Europe hi alleanza mhux bi skop ta’ qligħ u mhux kummerċjali ta’ pazjenti, ħaddiema tal-kura tas-saħħa, akkademiċi, esperti tal-kura tas-saħħa u l-industrija tat-teknoloġija medika.