L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS) se jkun pilastru ewlieni tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa b’saħħitha u hu l-ewwel spazju komuni tad-data tal-UE f’qasam speċifiku li joħroġ mill-istrateġija Ewropea għad-data.
Fir-rebbiegħa tal-2024, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-EHDS.
L-EHDS:
- se jagħti s-setgħa lill-individwi biex jieħdu kontroll tad-data tagħhom dwar is-saħħa u se jiffaċilita l-iskambju tad-data għall-għoti tal-kura tas-saħħa fl-UE kollha (użu primarju tad-data)
- se jrawwem suq uniku ġenwin għas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa
- se jipprovdi sistema konsistenti, affidabbli u effiċjenti għall-użu mill-ġdid tad-data dwar is-saħħa għar-riċerka, l-innovazzjoni, it-tfassil tal-politika, u l-attivitajiet regolatorji (użu sekondarju tad-data)
B’dan il-mod, l-EHDS se jippermetti lill-UE tibbenefika bis-sħiħ mill-potenzjal offrut minn skambju, użu u użu mill-ġdid sikuri u siguri tad-data dwar is-saħħa għall-benefiċċju tal-pazjenti, ir-riċerkaturi, l-innovaturi u r-regolaturi.
Il-fiduċja hi faċilitatur fundamentali għas-suċċess tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa. L-EHDS se jipprovdi ambjent affidabbli għal aċċess sigur għal firxa wiesgħa ta’ data dwar is-saħħa u l-ipproċessar tagħha. Hu jkompli jibni fuq:
- ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)
- l-Att dwar il-Governanza tad-Data
- l-Att dwar id-Data
- id-Direttiva dwar in-Networks u s-Sistemi tal-Informazzjoni
Bħala oqfsa orizzontali, dawn jipprovdu regoli li japplikaw għas-settur tas-saħħa. Madankollu, l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa se jipprovdi regoli settorjali speċifiċi, li jqisu s-sensittività tad-data dwar is-saħħa.
L-EHDS se jinkludi wkoll regoli ta’ nonparteċipazzjoni:
- għall-użu primarju, l-Istati Membri jistgħu joffru esklużjoni fakultattiva sħiħa mill-infrastrutturi li għandhom jinbnew taħt l-EHDS;
- għall-użu sekondarju, it-test jinkludi regoli dwar l-esklużjoni fakultattiva li jibnu bilanċ tajjeb bejn ir-rispett tax-xewqat tal-pazjenti u l-iżgurar li d-data t-tajba tkun disponibbli għan-nies it-tajba għall-interess pubbliku.
Il-Bini tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa se jirrikjedi ħidma sinifikanti ta’ żvilupp. Il-Kummissjoni tappoġġja dawn l-isforzi billi tikkofinanzja proġetti:
- bħall-proġett HealthData@EU pilot;
- bħall-Azzjoni konġunta Xt-EHR , li tipprovdi għotjiet diretti lill-Istati Membri;
- bħall-bini fuq infrastrutturi eżistenti.
Il-proposta għall-EHDS kienet akkumpanjata minn Komunikazzjoni mill-Kummissjoni. Dan irriżulta minn proċess li kien jinkludi valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni pubblika miftuħa.
Aktar informazzjoni
- Stqarrija għall-istampa
- Mistoqsijiet u Tweġibiet
- Skeda informattiva
- Proposta għal regolament - L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa
- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
- Valutazzjoni tal-impatt
- Studju li jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet ta’ politika għal inizjattiva tal-UE dwar spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa
- Konsultazzjoni Pubblika
- Valutazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri tal-UE dwar id-data dwar is-saħħa fid-dawl tal-GDPR
- Studju dwar id-data dwar is-saħħa, is-saħħa diġitali u l-intelliġenza artifiċjali fil-kura tas-saħħa
- Studju dwar ekosistema tal-infrastruttura u tad-data li tappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt tal-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa
- Videos dwar is-Saħħa Intelliġenti