Skip to main content
Public Health

Newsletter Saħħa-UE 246 - Fokus

Naħdmu flimkien biex noħolqu futur sostenibbli li JINTIRET minn kulħadd.

Caroline Costongs, id-Direttriċi tal-EuroHealthNet (is-Sħubija Ewropea għall-Ekwità fis-Saħħa u l-Benessri), tappoġġja rabta bejn is-saħħa aħjar u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi mal-inizjattivi tal-klima, f’dak li hija tiddeskrivi bħala approċċ ta’ “rebħa-tripla”. Hija tibbaża fuq l-eżiti tal-inizjattiva INHERIT iffinanzjata mill-UE, li kellha l-konferenza finali tagħha fl-10 ta’ Diċembru 2019.

Għaliex norbtu l-ambjent u l-ekwità mas-saħħa?

Il-kriżijiet klimatiċi u ekoloġiċi huma ta’ theddida gravi għas-saħħa pubblika. L-indirizzar tagħhom huwa urġenti u jeħtieġ li l-gvernijiet, in-negozji, il-komunitajiet u l-individwi jwettqu bidliet. Is-settur tas-saħħa, ukoll, għandu rwol ewlieni, mhux biss billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa jsiru aktar ekoloġiċi, iżda wkoll billi jaħtfu din l-opportunità biex jaħdmu flimkien biex jippermettu u jħeġġu bidla fl-imġiba b’saħħitha u sostenibbli.

Irridu nirrikonoxxu wkoll li n-nies li qed jiffaċċjaw żvantaġġi soċjoekonomiċi se jintlaqtu l-agħar mit-tibdil fil-klima, u se jibbenefikaw mill-inqas mill-miżuri meħuda biex jindirizzawha. L-inizjattiva INHERIT damet erba’ snin tanalizza r-rabtiet bejn is-saħħa, l-ambjent u l-ekwità, u issa qed issejjaħ għal approċċ integrat ta’ “rebħa-tripla” biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u soċjali interkonnessi: it-tnaqqis tal-impatti ambjentali, it-titjib tas-saħħa, u ż-żieda tal-ekwità tas-saħħa.

Kif jistgħu jinbdew dawn il-bidliet?

L-affarijiet se jinbidlu biss meta kulħadd jinvolvi ruħu. Jeħtieġ li ninkuraġġixxu lill-komunitajiet biex jieħdu azzjoni, pereżempju, billi jingħatalhom finanzjament inizjali u appoġġ politiku.

Nieħdu, pereżempju, il-Ġnien tal-Ikel f’Rotterdam, ġnien komunitarju li jipprovdi ikel organiku għal familji bi dħul baxx. Dan hu mmexxi mill-voluntiera u juża mudell ibridu tan-negozju (b’finanzjament minn sorsi privati, kollettivi u pubbliċi). Jagħmel impatt pożittiv b’ħafna modi: jipprovdi taħriġ fuq ix-xogħol u jgħin lill-persuni bla xogħol biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, jipproduċi ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli, u jħaddar żona urbana. Dan l-approċċ minn isfel għal fuq huwa vitali għall-bidla, u għandu jiġi mħeġġeġ u appoġġjat b’mod urġenti u fuq skala kbira, mil-livell lokali għal-livell tal-UE.

Il-Ġnien tal-Ikel huwa biss inizjattiva waħda li eżaminat l-inizjattiva INHERIT: hi wettqet analiżi fil-fond ta’ 15-il studju ta’ każ tat-tip “rebħa-tripla” fi 12-il pajjiż, u ħarset lejn l-għajxien sostenibbli u tajjeb għas-saħħa (spazju aħdar, effiċjenza enerġetika, il-ġarr (trasport attiv) u l-konsum (produzzjoni u konsum tal-ikel). It-tagħlimiet li tgħallimna jistgħu jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika jadottaw approċċ integrat, jillinkjaw il-baġits u jallinjaw il-leġiżlazzjoni biex titħeġġeġ l-azzjoni.

L-individwi jistgħu jagħmlu xi ħaġa?

Daż-żgur! Xejn mhu żgħir wisq biex ikun ta’ għajnuna kbira. L-għażliet individwali li n-nies jagħmlu jistgħu jgħinuna fit-tranżizzjoni lejn soċjetajiet aktar sostenibbli. Iżda huwa kruċjali li n-nies ma jitgħabbewx bil-ħtija għall-imġiba attwali tagħhom. Aħna lkoll nafu li huwa diffiċli li wieħed jinbidel: irid ikollna l-motivazzjoni, il-kapaċità u l-opportunità li nagħmlu dan. Id-deċiżjoni li l-affarijiet isiru b’mod differenti tista’ tkun aktar diffiċli għal persuni inqas sinjuri u vulnerabbli, li ħafna drabi jkunu “moħbija” fiċ-ċirkustanzi ta’ kuljum tagħhom. Dawk li jfasslu l-politika jistgħu jgħinu billi joħolqu ambjenti soċjali u fiżiċi li jagħmluha aktar faċli biex in-nies jadottaw bidliet pożittivi. Jeħtieġ ukoll li nagħmluha attraenti u affordabbli biex wieħed igawdi minn ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli, spazji ekoloġiċi u trasport attiv.

Mexxejja politiċi tal-UE, nazzjonali u lokali, riċerkaturi, u ekonomisti li jinsabu fuq quddiem imexxu lil oħrajn iddiskutew dawn is-suġġetti fil-konferenza finali tal-INHERIT. Issa wasal iż-żmien li mhux nitkellmu biss iżda li dan il-kliem ikun sostnut b'azzjoni urġenti u li noħolqu dinja sostenibbli li tista’ fil-fatt tintiret mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Attivitajiet fil-livell tal-UE

Determinanti soċjali

Il-Kummissjoni Ewropea – Is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

Aħbarijiet

Esperti ewlenin jaqsmu l-fehmiet dwar il-ħolqien ta’ futur san, ġust u sostenibbli fil-konferenza finali tal-proġett INHERIT

Ingħata tagħrif kruċjali dwar kif il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Istati Membri se jipprovdu miżuri integrati biex jilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u r-“rebħa-tripla” tal-proġett INHERIT, kif il-muniċipalitajiet qed jimplimentaw soluzzjonijiet innovattivi u jekk it-“tkabbir” huwiex sostenibbli.

Poġġi t-teorija fil-prattika! Ikseb it-Toolkit ta’ Politika tal-INHERIT!

Kif tista’ tikkontribwixxi għal “rebħa-tripla” u tgħin biex toħloq futur aktar b’saħħtu, ġust u sostenibbli? Ara dawn l-ideat – u aqsamhom!

Is-Sommarji ta’ Politika tal-INHERIT jipprovdu gwida dwar il-bidla sostenibbli

F’din is-serje ta’ sommarji ta’ politika, l-inizjattiva INHERIT tipprovdi gwida dwar tliet oqsma kritiċi fil-qalba tal-bidla sostenibbli: governanza integrata, bidla fl-imġiba, u ekwità fis-saħħa.

Skopri 10 tagħlimiet għal prattika tajba li l-inizjattivi lokali jistgħu jadottaw biex jilħqu r-“rebħa-tripla”

It-tagħlimiet għal prattika tajba jisiltu minn 15-il studju ta’ każ tal-INHERIT, u jimmiraw li jappoġġjaw atturi governattivi u mhux governattivi, prattikanti u riċerkaturi li jaħdmu fis-setturi kollha biex jiksbu benefiċċji reċiproċi għas-sostenibbiltà tas-saħħa u ambjentali, u b’mod partikolari biex jibbenefikaw gruppi aktar foqra u li huma aktar żvantaġġjati soċjoekonomikament.

Kif tista’ tidher Ewropa aktar b’saħħitha, aktar ekwa u sostenibbli fl-2040? Agħti daqqa t'għajn hawn!

L-INHERIT jippreżenta erba’ xenarji pożittivi ta’ kif l-Ewropa tista’ tidher fl-2040. Skopri aktar dwar kif ġew żviluppati x-xenarji futuri tal-2040 billi taqra r-rapport “Reaching the Triple-Win” tagħhom u skopri l-istil ta’ ħajja sostenibbli ta’ Adam, Tereza, Milan u Isabella.

Applika r-riċerka – tgħallem kif tuża l-Mudell tal-INHERIT

Il-Mudell tal-INHERIT huwa għodda li tgħin il-ħsieb sistemiku għal governanza integrata. Dan jgħin biex jinftiehem kif xprunaturi multipli għandhom impatt fuq l-ambjent, kemm “hawnhekk u issa” fil-postijiet fejn ngħixu, kif ukoll “hemmhekk u mbagħad”, fl-ekosistema usa’ u fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

Skopri l-inizjattivi lokali ta’ “rebħa-tripla” fl-Ewropa fil-bażi tad-data ta’ prassi promettenti fil-qasam tal-INHERIT

Aktar minn 100 prassi promettenti fl-oqsma tal-ħajja (l-ispazju aħdar, l-effiċjenza enerġetika), iċ-ċaqliq (it-trasport attiv) u l-konsum (il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-ikel) jinġabru f’bażi tad-data tal-INHERIT.

Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli - Azzjoni Ewropea għas-sostenibbilà: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Il-Komunikazzjoni dwar il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli, ippreżentata mill-Viċi President Timmermans, tinkludi d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-governanza, fl-UE u globalment.

Ir-rapport tad-WHO jiddokumenta l-kobor tal-inugwaljanzi fis-saħħa ambjentali

Dan ir-rapport juża 19-il indikatur ta’ inugwaljanza fil-kundizzjonijiet urbani, tad-djar u tax-xogħol, is-servizzi bażiċi u l-korrimenti biex tingħata ħarsa lejn l-inugwaljanzi li jeżistu fil-pajjiżi kollha tar-Reġjun Ewropew tad-WHO. L-evidenza tikkonferma li l-aktar persuni soċjalment żvantaġġjati huma dawk l-aktar affettwati minn perikli ambjentali.

Rapporti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar l-Aċċellerazzjoni tal-Azzjoni Klimatika

Fir-rapport tagħha “Accelerating Climate Action: Refocusing Policies through a Well-being Lens” (Sett 2019) l-OECD tiffoka fuq il-ħtieġa li jiġu ddefiniti mill-ġdid l-objettivi ta’ politika ġenerali fl-oqsma (fost l-oħrajn) tat-trasport, tal-ikel, u tal-enerġija.

Il-President elett tal-UE Ursula von der Leyen, tippromwovi bil-qawwa l-Patt Ekoloġiku Ewropew

“Fil-qalba tiegħu hemm l-impenn tagħna li nsiru l-ewwel kontinent newtrali fuq il-klima fid-dinja. Huwa wkoll imperattiv ekonomiku fit-tul: dawk li jaġixxu l-ewwel u l-aktar malajr se jkunu dawk li jaħtfu l-opportunitajiet mit-tranżizzjoni ekoloġika. Irrid li l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem.”

Proġetti tal-Programm tas-Saħħa

EuroHealthNet - is-Sħubija Ewropea għas-Saħħa, l-Ekwità u l-Benessri

L-EuroHealthNet tiffoka fuq it-titjib tas-saħħa u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa permezz ta’ azzjoni fil-fatturi determinanti soċjoekonomiċi u ambjentali tas-saħħa, l-integrazzjoni ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, u l-kontribuzzjoni għat-trasformazzjoni tas-sistemi tas-saħħa.

JAHEE - L-Azzjoni Konġunta fl-Ekwità tas-Saħħa fl-Ewropa

L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jtejjeb is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE u jikseb aktar ekwità fl-eżiti tas-saħħa billi jiffoka fuq il-fatturi soċjoekonomiċi li jiddeterminaw l-inugwaljanzi tas-saħħa relatati mal-istil ta’ ħajja. Tingħata prijorità lill-migranti, li jista’ jkollhom problemi biex jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa.

CHRODIS +

CHRODIS PLUS jgħaqqas 42 sieħeb, li jirrappreżentaw 21 pajjiż Ewropew, li jikkollaboraw biex jimplimentaw proġetti pilota u jiġġeneraw tagħlimiet prattiċi fil-qasam tal-mard kroniku.

Links interessanti oħrajn

L-ekonomija tal-Benesseri (Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Presidenza Finlandiża)

Inizjattiva ta’ riċerka pan-Ewropea tas-saħħa blu

Skeda informattiva tal-EuroHealthNet: Inugwaljanzi fis-Saħħa fl-Ewropa