Skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (2014/40/UE), il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk, is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jridu jissottomettu informazzjoni ewlenija lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn qed jippjanaw li jippromwovu l-prodotti. L-għodda tal-IT li tipprovdi din l-informazzjoni tissejjaħ Punt tad-Dħul Komuni tal-UE (EU-CEG).
Kif tuża s-sistema tal-Punt tad-Dħul Komuni tal-UE (EU-CEG) biex tissottometti informazzjoni lill-Istati Membri tal-UE dwar il-prodotti tat-tabakk, is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika f’konformità mad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk 2014/40/UE
Jekk jogħġbok aqra din l-informazzjoni bir-reqqa qabel tibda.
1) Hemm bżonn nirreġistra għal “ID tas-sottomittent”?
Trid tirreġistra għal ID tas-sottomittent jekk:
- inti manifattur jew importatur tal-prodotti tat-tabakk, tas-sigaretti elettroniċi jew tar-rikariki.
Se jkollok tuża l-ID tas-sottomittent tiegħek kull darba li tissottometti l-informazzjoni dwar il-prodott bl-użu tal-EU-CEG. Għandek ukoll tikkwotah f’kull korrispondenza dwar l-informazzjoni dwar il-prodott li tissottometti.
M’GĦANDEKX bżonn ID tas-sottomittent jekk:
- inti parti terza (eż. kumpanija jew konsulent li ġie mqabbad mill-manifattur/importatur) li qed tissottometti informazzjoni f’isem manifattur/importatur.
Anki jekk ġejt mitlub tirreġistra għal ID tas-sottomittent f’isem manifattur jew importatur, trid timla’ formola ta’ reġistrazzjoni billi tuża d-dettalji tal-kumpanija tal-manifattur jew l-importatur.
NOTA: ID tas-sottomittent ma jagħtikx aċċess għal xi informazzjoni jew elementi żejda fis-sistema tal-EU-CEG. |
2) Kif tirreġistra għal ID tas-sottomittent
Segwi dawn il-passi biex titlob ID tas-sottomittent:
- Jekk għad m’għandekx wieħed, oħloq kont tal-EU Login
- Niżżel il-formola ta’ reġistrazzjoni – Biex tniżżel il-file, ikklikkja l-buttuna tal-lemin tal-mouse u agħżel “issejvja l-link bħala”
- Imla l-formola
- Issottometti l-formola (segwi l-istruzzjonijiet fuq il-formola).
NOTA: Imla l-formola bl-aktar mod dettaljat possibbli (inklużi l-oqsma fakultattivi) u ehmeż kwalunkwe dokument uffiċjali (eż. iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni/tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija, kontijiet tal-utilitajiet, dikjarazzjoni tat-taxxa). |
Ladarba nirċievu l-formola kompluta tiegħek, nibdew il-proċess ta’ assenjazzjoni tal-ID tas-sottomittent tiegħek.
Dan jista’ jieħu diversi jiem, speċjalment waqt żmien fejn ikollna ħafna xogħol, allura nitolbuk tieħu ftit tal-paċenzja. Barra minn hekk, l-assenjazzjoni ta’ ID tas-sottomittent hi biss pass intermedjarju biex tipprovdi lill-entità tiegħek b’aċċess għall-EU-CEG.
Is-sottomissjonijiet permezz tal-EU-CEG se jkunu possibbli biss mal-wasla tal-identifikatur PARTY tiegħek li jeħtieġ żmien addizzjonali għall-ipproċessar sa diversi jiem. Madankollu, ladarba l-ID tas-sottomittent ikun ġie assenjat ikun diġà possibbli li tniżżel l-XML Creator Tool u tibda taħdem fuq il-files XML tiegħek; tista’ tniżżlu mill-grupp ta’ interess tas-CIRCABC.
Qabel ma noħorġu l-ID tas-sottomittent tiegħek, jaf ikollna nistaqsuk għal xi informazzjoni addizzjonali. Nirriżervaw ukoll id-dritt li nirrevokaw ID tas-sottomittent, jekk ikun hemm bżonn.
3) Sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar prodotti tat-tabakk
L-informazzjoni li għandek bżonn tissottometti bl-użu tal-EU-CEG hi elenkata hawnhekk:
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/40/UE u d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar is-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar prodotti tat-tabakk.
Għandek tissottometti din l-informazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri qabel ma tintroduċi fis-suq xi prodotti ġodda jew modifikati.
Ara d-dizzjunarju tad-data tal-prodotti tat-tabakk għal aktar dettalji dwar l-informazzjoni meħtieġa. Partijiet minn dan id-dizzjunarju jistgħu japplikaw ukoll għal prodotti tat-tipjip erbali.
4) Sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika
L-informazzjoni li għandek bżonn tissottometti bl-użu tal-EU-CEG hi elenkata hawnhekk:
L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40/UE u d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar is-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika.
Trid tissottometti din l-informazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri 6 xhur qabel id-data meta beħsiebek tintroduċi fis-suq kwalunkwe prodott ġdid jew sostanzjalment modifikat.
Ara d-dizzjunarju tad-data tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika għal aktar dettalji dwar l-informazzjoni meħtieġa. Partijiet minn dan id-dizzjunarju jistgħu japplikaw ukoll għall-prodotti bla nikotina.
5) Għażliet tekniċi għas-sottomissjoni tad-data
Ladarba jkollok ID tas-sottomittent, ikollok żewġ għażliet kif tissottometti l-informazzjoni dwar il-prodott lill-Istati Membri tal-UE permezz tal-EU-CEG:
- Soluzzjoni awtonoma (standalone) (għal kumpaniji li għandhom infrastruttura tal-IT żgħira):
Il-kumpaniji jużaw ġeneratur XML biex joħolqu preżentazzjonijiet li jistgħu jittellgħu fl-EU-CEG aktar tard.
Il-files XML differenti jridu jittellgħu permezz tal-pjattaforma eTrustEx għad-DĠ SANTE. Jekk ikollok xi mistoqsijiet, jekk jogħġbok ikkuntattja l-appoġġ tekniku (ara t-tab “Kuntatti”) - Soluzzjoni minn sistema għal oħra (għal kumpaniji li għandhom infrastruttura tal-IT kbira jew bosta prodotti):
Biex tagħmel preżentazzjonijiet minn sistema għal oħra, teħtieġ aċċess għan-network e-Delivery. Dan in-network hu mmaniġġjat mill-Kummissjoni biex jippermetti li l-informazzjoni tkun tista’ tiġi trasferita b’mod sigur u affidabbli. Malli tasal l-ID tas-sottomittent, id-dipartiment tal-IT tal-Kummissjoni jikkuntattjak biex jgħaddilek aktar struzzjonijiet għall-konfigurazzjoni ta’ din is-soluzzjoni teknika.
Minħabba rekwiżiti tekniċi, is-sistema tippermetti biss fajls mhux akbar minn 100 MB. Għal aktar informazzjoni dwar dawn iż-żewġ għażliet, ara l-linji gwida tekniċi tagħna u/jew żur il-librerija online CIRCABC tal-Kummissjoni (ara t-“taqsima tad-downloads”).
Stqarrija ta’ privatezza
Biex tiskopri kif nużaw u nipproteġu d-data personali tiegħek, jekk jogħġbok aqra l-istqarrija ta’ privatezza tagħna.
Aktar informazzjoni u kuntatt
Jekk ikollok problemi tekniċi jew mistoqsijiet ġenerali dwar l-EU-CEG, jekk jogħġbok:
- Sib aktar informazzjoni dwar il-Punt tad-Dħul Komuni tal-UE (EU-CEG) u kif jaħdem
- Ikkuntattja lit-tim tal-EU-CEG